Sur President
Onorevoli Membri
tal-Gvern u Awtoritajiet Ċivili,
Distinti Membri tal-Korp Diplomatiku,
Għeżież Ħuti Isqfijiet,
Sinjuri,

Inħossni verament grat għal-laqgħa li tajtuni f’din l-ewwel żjara tiegħi fl-Afrika.  Nirringrazzjak, Sur President, għall-kliem ġentili li għedtli f’isem il-poplu tal-Kenja, u jien inħossni hieni li ninsab fostkom.  Il-Kenja huwa nazzjon żgħażugħ u mimlli spirtu, komunità li tħaddan għana ta’ diversitajiet, li għanda rwol li jfisser ħafna f’dan ir-reġjun.  L-esperjenza tagħkom biex tiffurmaw demokrazija b’metodi differenti, jaqblu magħha ħafna aktar nazzjonijiet Afrikani.  Bħalma qed tagħmel il-Kenja, huma wkoll qed jaħdmu biex iwaqqfu fuq pedamenti sodi ta’ rispett reċiproku, djalogu, u koperazzjoni, soċjetà multietnika li tkun verament ġusta,inklussiva u tgħix f’armonija.

In-nazzjon tagħkom hu nazzjon żgħażugħ. F’dawn il-jiem nistenna li niltaqa’ ma’ ħafna minnhom, nitkellem magħhom biex inħeġġeġ fihom it-tama u l-istennija tal-futur.  Iż-żgħożija hi r-riżorsa l-aktar prezzjuża ta’ kull pajjiż.  Nipproteġu liż-żgħażagħ, ninvestu fihom u ntuhom daqqa t’id.  Dan hu l-aħjar mod li bih nistgħu nassiguraw futur mimli bl-għaqal u bil-valuri spiritwali tant għeżież għall-anzjani tagħhom, valuri li huma l-qalb u r-ruħ ta’ kull poplu.

Il-Kenja hi mżejna mhux biss minn sbuħija immensa, il-muntanji tagħha, ix-xmajjar u l-għadajjar, il-foresti, is-savana u l-inħawi nofshom abbandunati, imma wkoll b’abbundanza ta’ riżorsi naturali.  In-nies ta’ Kenja japprezzaw bis-sħiħ dawn it-teżori mogħtijin minn Alla u huma magħrufin għall-kultura tal-konservazzjoni illi tagħmlilhom ġieħ.

Il-kriżi ambjentali gravi li għandna quddiemna titlob dejjem sensibbiltà akbar rigward ir-relazzjoni tagħna bejnietna, u bejn il-bnedmin u n-natura.  Aħna responsabbli li ngħaddu s-sbuħija tan-natura integra lill-ġenerazzjonijiet futuri u għandna d-dmir li namministraw ir-rigali li rċevejna, bil-ġustizzja.  Dawn il-valuri huma mnaqqxin fil-fond fir-ruħ Afrikana.  F’dinja li qed tkompli tisfrutta minflok tħares id-dar komuni, dawn għandhom ikunu ta’ ispirazzjoni għall-isforzi tal-mexxejja biex iqiegħdu fis-seħħ mudelli responsabbli ta’  żvilupp ekonomiku.

Fill-fatt hemm rabta ċara bejn il-protezzjoni tan-natura u l-bini ta’ ordni soċjali ġust u ekwu.  Ma jistax ikun hemm tiġdid tar-relazzjonijiet tagħna man-natura mingħajr tiġdid tal-umanità nfisha (cfr Laudato si’, 118).  Sakemm is-soċjetatjiet tagħna jibqgħu għaddejjin bl-esperjenzi tal-firdiet kemm jekk huma etniċi, reliġjużi jew ekonomiċi, il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba għandhom sejħa biex jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi, għall-maħfra u l-fejqan tal-qlub.  Fil-ħidma tar-rikostruzzjoni ta’ ordni demokratiku solidu, ta’ tisħiħ tar-rabtiet u l-integrazzjoni, tat-tolleranza u r-rispett lejn l-oħrajn, it-tfittxija tal-ġid komuni għandha tkun l-għan ewlieni.  L-esperjenza tgħallimna li l-vjolenza, il-kunflitt u t-terroriżmu jimirħu fuq il-biża’, l-isfiduċja u d-disperazzjoni li jitnisslu mill-faqar u l-frustrazzjoni.  Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġlieda kontra dawn l-għedewwa tal-paċi u tal-prosperità trid issir minn irġiel u nisa li, bla biża’ ta’ xejn, jemmnu fil-kobor tal-valuri spiritwali u politiċi li nebbħu t-twelid tan-Nazzjon u jkunu xhieda koerenti ta’ dan.

Sinjuri, il-promozzjoni u preservazzjoni ta’ dawn il-valuri kbar jinsabu f’idejkom b’mod speċjali, intom li tmexxu l-ħajja politika, kulturali u ekonomika ta’ pajjiżkom.  Din hi responsabbiltà kbira, vokazzjoni vera u propja biex tkunu ta’ servizz għall-poplu kollu tal-Kenja.  L-Evanġelju jgħidlina li lil min ingħatalu ħafna, jintalab ħafna minnu (cfr Luqa 12,48).  F’dan id-dawl, inħeġġiġkom biex taħdmu bl-integrità u t-trasparenza għall-ġid komuni u biex iġġibu ‘l quddiem spirtu ta’ solidarjetà f’kull livell tas-soċjetà.  Nitlobkom, partikolarment, biex ikollkom preokkupazzjoni ġenwina għall-ħtiġijiet tal-foqra, għall-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u biex ir-riżorsi umani u naturali li bihom il-Ħallieq bierek il-pajjiż tagħkom ikunu mqassmin bil-ġustizzja.  Niżgurakom mill-impenn dejjiemi tal-komunità Kattolika li bil-ħidma tagħha fl-edukazzjoni u l-karità għandha l-għan li toffri kontribut speċifiku f’dawn l-oqsma.

Għeżież ħbieb, qaluli li hawn fil-Kenja hawn tradizzjoni li l-istudenti ż-żgħar jiżirgħu l-pjanti biex jibqgħu mfakkrin fil-futur.  Jalla dan is-sinjal elokwenti ta’ tama fil-futur u fiduċja fit-tkabbir mogħtijin minn Alla, jsostnukom fl-isforzi tagħkom biex tikkultivaw soċjetà solidali, ġusta u paċifika fuq l-art ta’ dan il-pajjiż u fil-kbir kontinent Afrikan kollu.  Nirringrazzjakom mill-ġdid għall-merħba kbira li tajtuni u fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq l-maħbub poplu kollu tal-Kenja nitlob barkiet abbundanti mingħand il-Mulej.

Mungu abariki Kenya!

Alla jbierek ‘il-Kenja!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber