Grazzi li  lqajtuni fil-kwartier tagħkom. Grazzi lill-Arċisqof Kivuva u lil  Fr. Pascal għall-kliem tagħhom. Tassew inħossni  d-dar   meta qed naqsam  dan mument m’aħwa, li ma niddejjaqx ngħid, għandhom post speċjali f’ħajti u fl-għażliet tiegħi. Ninsab hawn għax nixtieqkom tkunu tafu li  jien jimpurtanti  mill-ferħ u t-tamiet tagħkom,  mill-inkwiet u t-tbatijiet tagħkom. Naf bid-diffikultajiet li tiltaqgħu magħhom kuljum! Kif nistgħu ma nikkundannawx l-inġustizzji li jikkawżaw  din it-tbatija?

L-ewwelnett, imma, nixtieq nitkellem fuq aspett li l-lingwaġġ ta’ esklużjoni ma jirnexxilux jagħraf jew inkelli jinjorah. Nixtieq  ngħid xi ħaġa dwar l-għerf tal-kwartieri popolari. Għerf, li joħroġ mill-“wegħda dejjiema li, minkejja kollox, togħla ‘l fuq f’isem dak kollu li hu awtentiku” (Enċ. Laudato si, 112) u li jagħti valuri evanġeliċi li soċjeta’ tal-benesseri, maħkuma mill-konsum sfrenat, qisha qed tinsiehom. Intom “kapaċi tinsġu rabtiet ta’ appartenenza u ta’ konvivenza li jibdlu r-rassa tal-folol f’esperjenza komunitarja fejn jiġġarrfu l-ħitan tal-jien u jingħelbu l-ħitan tal-egoiżmu” (ibid., 149).

Il-kultura tal-kwartieri popolari li  fiha hemm ħafna  minn dan għerf partikulari,   “għandha karatteristiċi pożittivi ħafna  li huma kontribut għaż-żmien li qed ngħixu fih. Din tesprimi ruħha f’valuri bħas-solidarjeta’, bħal li tkun lest li tagħti ħajtek għall-persuna l-oħra;  tippreferi twelid mill-mewt; tidfen b’mod nisrani lill-mejtin tiegħek; tagħti kenn f’darek lill-morda; taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, (fejn jieklu għaxra, jieklu tnax);  turi paċenzja u qawwa meta jkollok tiffaċċa miżerja kbira, eċċ”. (Grupp ta’ Saċerdoti għaż-Żoni  ta’ Emerġenza, Arġentina, Reflexiones sobre la urbanizacion y la cultura villiera 2010). Valuri, li huma mibnija fuq il-fatt li kull persuna umana hi aktar importanti mill-alla tal-flus. Grazzi talli tfakkruna li jista’ jkun hemm tip ta’ kultura  oħra.

 L-ewwel ħaġa li rrid nagħmel hi li  niddefendi dawn il-valuri li intom tgħixu, valuri li ma jiġux ikkwotati fil-Borża, valuri li ma jwasslux għall-ispekulazzjoni u lanqas m’għandhom prezz fis-suq. Irrid nifirħilkom, nakkumpanjakom u rridkom tkunu tafu li l-Mulej qatt ma jinsiekom. Il-mixja ta’ Ġesu’ bdiet fil-periferija,  bdiet mill-foqra u mal-foqra lejn kulħadd.

 Li tagħraf dawn il-manifestazzjonijiet ta’ ħajja tajba li jiżdiedu fostkom kuljum, bl-ebda mod ma jfisser li għandek  tinjora l-inġustizzja koroh tal-emarġinazzjoni urbana. Dawn huma l-feriti provokati mill-minoranzi li jiggranfaw mal-poter u mal-ġid u jberbquh b’mod egoistiku filwaqt li tiżdied il-maġġoranza li jkollha tfittex il-kenn f’periferiji mitluqa, inkwinati, skartati.

Dan ikompli jsir aktar gravi meta naraw it-tqassim inġust  tal-art (forsi mhux f’dan il-kwartier, imma fi kwartieri oħra) li jwassal biex ikun hemm każijiet  ta’ familji sħaħ li jkollhom iħallsu kera abbużiv  ta’ postijiet f’kundizzjoni  xejn adegwata. Sirt naf ukoll bil-problema gravi  li qed jikkawżaw “ żviluppaturi privati”,  bla wiċċ, li  qed  jikkapparraw artijiet,  saħansitra l-btieħi tal-iskejjel ta’ wliedkom. Dan jiġri għax wieħed jinsa li “Alla ta l-art lill-familja kollha tal-bnedmin, mingħajr  ma ħalla lil ħadd barra jew ipprefera lil xi ħadd” ( Ġwanni Pawlu II -Centesimus Annus 31).

 Problema serja oħra  f’dan ir-rigward hi n-nuqqas ta’ aċċess għall-infrastutturi u għas-servizzi bażiċi. Qed nirreferi  għal tojlits, katusi, dranaġġ, ġbir tal-iskart, dawl, toroq, u anki skejjel, sptarijiet, ċentri ta’ rikreazzjoni u sportivi, laboratorji artistiċi. Irrid insemmi b’mod partikulari l-ilma  tajjeb għax-xorb. “L-aċċess għall-ilma  nadif u tajjeb għax-xorb hu dritt uman essenzjali, fundamentali u universali, għax minnu jiddependi l-għajxien tan-nies, u għalhekk hu kundizzjoni għat-tħaddim tad-drittijiet umani l-oħra. Din id-dinja  għandha dejn soċjali għoli mal-foqra li m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb, għax dan ifisser li qed iċċaħħadhom mid-dritt għall-ħajja li għandu l-għeruq tiegħu fid-dinjita’ inaljenabbli tagħhom” (Enċ. Laudato si, 30).   Tkun qed tagħmel inġustizzja kbira meta tiċħad l-ilma lill-familja minħabba xi skuża burokratika,  l-aktar meta dan ikun ifisser l-għajxien ta’ din il-familja.

Din is-sitwazzjoni ta’ indifferenza u ostilita’ li ġġib ħafna tbatija fil-kwartieri popolari, tkompli tiggrava meta tinfirex  il-vjolenza u meta organizzazzjonijiet kriminali, bi skopijiet ta’ interess ekonomiku jew politiku, jużaw it-tfal u ż-żgħażagħ bħal “għalf tal-kanuni” biex iwettqu l-miri imdemmija  tagħhom. Naf ukoll kemm ibatu xi nisa li jissiltu b’mod erojku biex iħarsu lil uliedhom  subien u bniet minn dawn il-perikli. Nitlob ‘l Alla li l-awtoritajiet, flimkien magħkom, jaqbdu t-triq tal-inklużjoni soċjali, tal-edukazzjoni, tal-isport, tal-azzjoni komunitarja, tal-ħarsien tal-familji, għax din hi l-unika garanzija ta’ paċi ġusta, vera u dejjiema.

 Dawn ir-realtajiet li semmejt mhumiex xi tagħqida każwali ta’ problemi iżolati. Huma pjuttost konsegwenza ta’ forom ġodda ta’ kolonjaliżmu, li jaħseb li l-pajjiżi Afrikani huma “ biċċiet ta’ mekkaniżmu, partijiet ta’ ingraġġ ġigantesk”  (Ġwanni Pawlu II, Eżort. Ap. Postsin. Ecclesia in Africa, 32-33).  Tabilħaqq,  ma jonqsux il-pressjonijiet biex tiġi mwettqa l-politika tal-iskart bħalma hi dik  tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid li tippretendi “li nilleġittimizzaw il-mudell distributtiv li għandna llum, fejn hemm minoranza li temmen li għandha dritt tikkonsma fi proporzjon li qatt ma jista’ jiġi applikat fuq livell universali”(Enċ. Laudato si, 50.)

Dwar dan,  nixtieq nipproponi li  wieħed jagħti  mill-ġdid attenzjoni lill-idea ta’ integrazzjoni umana rispettuża, li mhijiex eliminazzjoni, lanqas paternaliżmu, indifferenza jew inkella sempliċiment trażżin ta’ xi ħaġa miżmuma f’limiti raġjonevoli. Neħtieġu bliet integrati li huma għal kulħadd. Hemm bżonn li mmorru ‘l hemm minn sempliċi proklamazzjoni ta’ drittijiet, li fil-prattika ma jkunux rispettati, u nwettqu  inizjattivi konkreti u sistematiċi li jtejbu l-habitat popolari u nippjanaw żviluppi urbani ġodda ta’ kwalita’ għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Id-dejn soċjali, id-dejn ambjentali mal-foqra tal-bliet jitħallas billi  jiġi rispettat b’mod konkret id-dritt sagrosant li  hyuma għandhom għall-art, għad-dar u għax-xogħol (it-tliet- “t”: tierra, techo, trabajo). Din mhijiex filantropija, dan hu dmir morali ta’ kulħadd.

Nappella lill-Insara kollha, b’mod speċjali lir-Ragħajja,  biex iġeddu ż-żelu  missjunarju, biex  jieħdu inizjattiva kontra l-inġustizzja,   jinvolvu ruħhom fil-problemi taċ-ċittadini, jakkumpanjawhom fit-taqbidiet tagħhom,   jipproteġu l-frott tal-ħidma komunitarja tagħhom u jiċċelebraw flimkien kull rebħa kbira jew żgħira. Naf li qed tagħmlu ħafna, imma nitlobkom ma tinsewx li din mhijiex xi biċċa xogħol oħra  miżjuda ma’ dak li għandkom, imma hi forsi l-aktar waħda importanti, għaliex “il-foqra huma  d-destinatarji privileġġati tal-Vanġelu” (Benedittu XVI, Diskors lill-Isqfijiet tal-Brażil, 11/05/2007, 3).

Għeżież ċittadini, għeżież ħuti, ejjew nitolbu, naħdmu u ninpenjaw ruħna flimkien biex kull familja jkollha dar diċenti, jkollha aċċess għall-ilma tax-xorb, ikollha tojlet, ikollha l-enerġija meħtieġa  għad-dawl, għat-tisjir u  biex ittejjeb il-post fejn tgħix......., biex kull kwartier ikollu toroq, pjazez, skejjel, sptarijiet,  ċentri sportivi,  rikreattivi u artistiċi;  biex is-servizzi essenzjali jaslu lil kull wieħed u waħda minnkom; biex jinstemgħu l-appelli tagħkom u l-karba li titlob opportunitajiet; nitolbu biex ilkoll  tkunu tistgħu tgawdu l-paċi u s-sigurta’ li tixraq lid-dinjita’ umana infinita tagħkom.

Mungu awabariki!  ( Alla jberikkom).

U nitlobkom, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard