Għeżiez Katekumeni

 

Dan il-mument ta’ l-għeluq tas-Sena tal-fidi jarakhom miġburin hawn, mal-katekisti u l-familjari tagħkom, f’rappreżentanza ukoll ta’ ħafna rġiel u nisa oħra li f’diversi partijiet tad-dinja qegħdin għaddejjin fl-istess kors tagħkom ta’ fidi. Spiritwalment, f’dan il-mument, aħna lkoll aħna magħqudin. Intom ġejjin minn ħafna pajjiżi diversi, minn kulturi u esperjenzi differenti. B’danakollu llejla inħossu li għandna bejnietna ħafna ħwejjeġ komuni. Fost kollha għandna ħaġa li hi fuqhom lkoll: ix-xewqa t’Alla. Is-Salmista jsemmi din ix-xewqa: “Bħalma  għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta’ l-ilma, hekk ruħi tixxennaq għalik,  o Alla. Bil-għatx ruħi ta’ Alla ħaj; meta niġi u nidher quddiemu?” (Salm 42, 2-3). Kemm hu tbilħaqq importanti li nżommu ħajja din ix-xewqa, din ix-xenqa li niltaqgħu mal-Mulej u li jkollna esperjenza tiegħu, esperjenza ta’ l-imħabba tiegħu, esperjenza tal-ħniena tiegħu. Jekk jiġri li ma jkunx hemm l-għatx ta’ Alla, il-fidi tkun fil-periklu li ssir ħaġa ta’ drawwa, tkun f’periklu li tintefa bħalma jintefa dak in-nar li ma jkunx mħeġġeġ. Ikun fil-periklu li jsir jinten u jkun bla sens.

 

Ir-rakkont tal-Vanġelu (ara Gw 1, 35-42) wriena li Ġwanni l-Battista juri lid-dixxipli tiegħu lil Ġesù bħala l-Ħaruf  t’Alla. Tnejn min  dawn id-dixxipli jmorru jimxu wara l-Imgħallem, u hekk, maż-żmien, isiru “medjaturi” għall-oħrajn biex dawn ikun jistgħu jiltaqgħu mal-Mulej, jagħrfuh u jimxu warajh. F’dan ir-rakkont hemm tliet mumenti li jfakkruna fl-esperjenza ta’ l-ekumenat. L-ewwel, hemm is-smiegħ. Iż-żewġ dixxipli semgħu x-xhieda tal-Battista. Intom ukoll, għeżież katekumeni, smajtu l-oħrajn ikellmukom fuq Ġesù u ipproponewlkom li timxu warajh billi ssiru dixxipli tiegħu permezz tal-Magħmudija. Fil-konfużjoni ta’ ħafna ilħna li jġħajjtu madwarna u ġewwa fina, intom smajtu u lqajtu il-leħen li indikalkom lil Ġesù bħala l-uniku wieħed li jista’ jagħti sens sħiħ lill-ħajja tagħna.

 

Il-tieni mument huwa l-laqgħa. Iż-żewġ dixxipli jiltaqgħu ma’ l-Imgħallem u jibqgħu miegħu. Wara li ltaqgħu miegħu, malair indunaw li hemm xi ħaġa ġdida f’qalbhom: il-ħtieġa kbira li jgħaddu dak il-ferħ ukoll lil ħaddieħor sabiex dawk ukoll ikunu jistgħu jiltaqgħu miegħu. Tant hu hekk li Indri ltaqa’ ma’ ħuh u ħadu għand Ġesù. Kemm tagħmilna ġid li nikkontemplaw din ix-xena! Tfakkarna li Alla ma ħalaqniex biex inkunu waħidna, magħluqin fina nfusna, imma biex inkunu nistgħu niltaqgħu Miegħu u biex ninfetħu ħa niltaqgħu mal-oħrajn. Hu Alla li l-ewwel ma jiġi lejn kull wieħed minna; u din hi ħaġa meraviljuża! Huwa jiġi jiltaqgħa magħna. Fil-Bibbja Alla dejjem jidher bħala dak li jieħu l-inizzjattiva għal-laqgħa mal-bniedem: huwa Hu li jfittex il-bniedem, u s-soltu jfittxu proprju waqt li l-bniedem ikun għaddej mill-esperjenza qarsa u traġika li jittradixxi ’l Alla u li jaħrab minnu. Alla ma joqgħodx jistenna biex ifittxu: ifittxu malajr. Missierna hu ċerkatur paċenzjuż!  Jasal qabilna u jistenniena dejjem. Ma jgħejjiex jistenniena, ma jitbiegħedx minna, imma għandu l-paċjenza li jistenna l-mument favorevoli tal-laqgħa ma’ kull wieħed minna.  U meta ssir il-laqgħa, qatt ma tkun laqgħa mgħaġġla, għaliex Alla jixtieq dejjem jibqa’ fit-tul magħna biex isostnina, jikkunslana, u jagħtina il-ferħ tiegħu. Alla jgħaġġel biex jiltaqa’ magħna, iżda qatt ma jgħaġġel biex iħallina. Jibqa’ magħna. Bħalma aħna nixxenqu għalih u nixtiquh, hekk ukoll Hu jixtieq joqgħod magħna, għax aħna Tiegħu, aħna “ħaġa” Tiegħu, aħna ħlejjaq tiegħu. Hu ukoll, nistgħu ngħidu, għandu l-għatx għalina, biex jittaqa’ magħna. Alla tagħna għandu nixfa ta’ għatx għalina. U din hi l-qalb t’Alla. Kemm hi ħaġa sabieħa tisma’ dan!

 

L-aħħar parti tar-rakkont hi  Iż-żewġ dixxipli jimxu lejn Ġesù u mbagħad ikomplu jagħmlu biċċa triq miegħu. Din hi tagħlima għalina lkoll. Il-fidi hija mixja ma’ Ġesù. Ftakru dejjem dan: il-fidi hi li timxi ma’ Ġesù. Hija mixja li ddum tul ħajjitna kollha. Umbagħad fl-aħħar ikun hemm il-laqgħa definittiva. Tabilħaqq, f’xi mumenti tul din il-mixja nħossuna għajjinin u mħawdin. Iżda l-fidi ttina ċ-ċertezza li Ġesù qiegħed kostantament magħna f’kull sitwazzjoni, ukoll f’dik l-aktar doloruża u diffiċli biex nifhmuha. Aħna msejħin biex nimxu ħa nidħlu dejjem aktar ’l ġewwa fil-misteru ta’ l-imħabba t’Alla, Alla li qiegħed fuqna biex jindukrana u jippermettilna ngħixu b’serenità u b’tama.

Għeżież katekumeni, illum intom qed tibdew il-mixja tal-katekumenat. Nawgurawlkom li timxuha ferħanin, sguri li għandkom is-sustenn tal-Knisja kollha, il-Knisja li tħares lejkom b’tant fiduċja. Marija, id-dixxipla perfetta, timxi magħkom: kemm hi ħaġa sabieħa li nħossuha bħala Ommna fil-fidi. Nistidinkom li tgħozzu dak l-entużjażmu li kellkom fl-ewwel mument meta nfetħu għajnejkom għad-dawl tal-fidi; u ftakru, bħad-dixxiplu maħbub, fil-jum, fis-siegħa meta għall-ewwel darba bqajtu ma’ Ġesù, ħassejtu il-ħarsa tiegħu fuqkom. Tinsa qatt din il-ħarsa ta’ Ġesu fuqek, fuqek, fuqek… Tinsa qatt din il-ħarsa! Hija ħarsa ta’ mħabba. U hekk tkunu dejjem sguri mill-imħabba fidila tal-Mulej. Huwa fidil. Kunu ċerti: Ħuwa ma jittradikom qatt.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi SJ.