Għeżież katekisti, il-lejla t-tajba!

Hu ta’ pjaċir għalija li fis-Sena tal-Fidi qed issir din il-laqgħa għalikom: il-katekeżi hi pilastru għall-edukazzjoni fil-fidi, u għaldaqstant huma meħtieġa katekisti tajbin!  Grazzi ta’ dan is-servizz lill-Knisja u fil-Knisja.  Anki jekk xi drabi jista’ jkun diffiċli, għax taħdmu ħafna, tħabirku tant u ma jidhrux ir-riżultati mixtieqa, hi ħaġa sabiħa nedukaw fil-fidi!  Forsi hu l-aqwa wirt li nistgħu ngħaddu: il-fidi!  Nedukaw fil-fidi, biex din tikber.  Li ngħinu lit-tfal, lill-adolexxenti, liż-żgħażagħ, lill-adulti biex isiru jafu u jħobbu dejjem iżjed lill-Mulej hi waħda mill-isbaħ avventuri edukattivi, għax inkunu qed nibnu l-Knisja!  “Inkunu” katekisti!  Mhux nagħmluha ta’ katekisti: dan ma jiswiex!  Jien nagħmilha ta’ katekista għax nieħu gost ngħallem…  Imma jekk int m’intix katekista, ma jiswa xejn!  M’intix sa tagħti frott!  Li tkun katekista hi vokazzjoni: “tkun katekista”, din hi l-vokazzjoni, u mhux tagħmilha ta’ katekista.  Attenti, m’għidtx “tagħmluha ta’” katekisti, imma “tkunu” katekisti, għax dan jinvolvi l-ħajja kollha kemm hi.  Inwasslu lill-oħrajn biex jiltaqgħu ma’ Ġesù permezz tal-kliem u permezz ta’ ħajjitna, bix-xhieda li nagħtu.  Ftakru f’dak li qalilna Benedittu XVI: “Il-Knisja mhux bil-proselitiżmu tikber.  Tikber skond kemm tiġbed nies lejha”.  U dak li jiġbed in-nies hu x-xhieda li nagħtu.  Li tkun katekista jfisser tagħti xhieda tal-fidi; tkun koerenti fil-ħajja tiegħek.  U din m’hix ħaġa ħafifa.  M’hix ħafifa!  Aħna ngħinu, aħna niggwidaw lill-oħrajn lejn laqgħa ma’ Ġesù permezz ta’ kliemna u ta’ ħajjitna, bix-xhieda li nagħtu.  Nieħu gost infakkarkom f’dak li San Franġisk kien iħobb jgħid lill-patrijiet tiegħu: “Ippriedkaw dejjem il-Vanġelu u, jekk ikun hemm bżonn, dan agħmluh ukoll bil-kliem”.  Il-kliem jiġi… imma l-ewwel ix-xhieda: ħalli n-nies tara l-Vanġelu fil-ħajja tagħna, fiha tista’ taqra l-Vanġelu.  U biex “inkunu” katekisti hemm bżonn ta’ l-imħabba, imħabba dejjem iżjed qawwija lejn Kristu, imħabba lejn il-poplu mqaddes tiegħu.  U din l-imħabba ma tixtrihiex mill-ħwienet, lanqas tixtriha hawn Ruma.  Din l-imħabba tiġi minn Kristu!  Hi don ta’ Kristu!  Hi rigal ta’ Kristu!  U jekk tiġi minn Kristu, titlaq minn Kristu, u aħna rridu nerġgħu nitilqu minn Kristu, minn din l-imħabba li Hu jagħtina.  Xi jfisser li nitilqu mill-ġdid minn Kristu għall-katekista, għalikom, anki għalija, għax anki jien katekista?  Xi jfisser?

 

Jien se nitkellem dwar tliet affarijiet: waħda, tnejn, tlieta, kif kien jagħmlu l-Ġiżwiti ta’ dari… waħda, tnejn, tlieta!

 

1. Qabel xejn, li titlaq mill-ġdid minn Kristu jfisser ikollok familjarità miegħU, ikollok din il-familjarità ma’ Ġesù: Ġesù dan jirrikmandah b’ċerta insistenza lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ikla, meta jintelaq biex jgħix l-ogħla don ta’ l-imħabba, is-sagrifiċċju tas-Salib.  Ġesù jinqeda bix-xbieha tad-dielja u l-friegħi u jgħidilhom: Ibqgħu fl-imħabba tiegħi, ibqgħu marbuta miegħi, kif il-fergħa hi marbuta maz-zokk tad-dielja.  Jekk nibqgħu magħquda miegħU, nistgħu nagħmlu l-frott, u din hi l-familjarità ma’ Kristu.  Nibqgħu f’Ġesù!  Jiġifieri nibqgħu marbuta miegħU, fiH, u nitkellmu miegħU: nibqgħu f’Ġesù.

 

L-ewwel ħaġa, għal dixxiplu, hi li jibqa’ ma’ l-Imgħallem, jisimgħu, jitgħallem minnU.  U dan jgħodd dejjem, din hi mixja li tibqa’ għaddejja tul ħajjitna kollha.  Niftakar kemm drabi fid-djoċesi, fid-djoċesi l-oħra li kelli qabel, kont nara l-katekisti, fi tmiem il-kors fis-seminarju katekistiku, ħerġin jgħidu: “Issa nista’ nissejjaħ katekista!”.  Dak ma jiswa xejn, m’għandek xejn, għadek għamilt biss triq żgħira!  Min jista’ jgħinek?  Dan li jgħodd għal dejjem!  M’hux titlu, imma atteġġjament: li tkun miegħU; u jibqa’ jgħodd tul ħajtek kollha!  Ifisser li toqgħod fil-preżenza tal-Mulej, tħallih imexxik Hu.  Nistaqsikom: Kif toqogħdu fil-preżenza tal-Mulej?  Meta tmur għand il-Mulej, tħares lejn it-Tabernaklu, x’tagħmlu?  Bla kliem…  Imma jien ngħid, ngħid, naħseb, nimmedita, nisma’…  Tajjeb ħafna!  Imma int lill-Mulej tħallih iħares lejk?  Inħallu lill-Mulej iħares lejna.  Hu jħares lejna u dan hu mod kif nitolbu.  Tħallih lill-Mulej iħares lejk?  Imma kif?  Ħares lejn it-Tabernaklu u ħallih iħares lejk… sempliċi!  Tad-dwejjaq, nispiċċa norqod…  Orqod, orqod!  Hu xorta jibqa’ jħares lejk, jibqa’ jħares lejk xorta.  Imma kun żgur li Hu jħares lejk!  U dan hu ħafna iżjed importanti mit-titlu ta’ katekista: għax hu parti milli tkun katekista.  Dan iħeġġeġ il-qalb, iżomm mixgħul in-nar tal-ħbiberija mal-Mulej, jgħinek tħoss li Hu tassew qed iħares lejk, jinsab qrib tiegħek u jridlek il-ġid.  F’waħda mill-ħarġiet tiegħi, hawn f’Ruma, waqt Quddiesa, resaq lejja sinjur, għadu pjuttost żgħir, u qalli: “Dun, għandi pjaċir li sirt nafek, imma jien ma nemmen f’xejn!  M’għandix id-don tal-fidi!”.  Fehem li hu don.  “M’għandix id-don tal-fidi!  X’tgħidli?”.  “Taqtax qalbek.  Hu jħobbok.  ĦalliH iħares lejk!  Xejn iżjed”.  U dan ngħidu wkoll lilkom: ħalluh lill-Mulej iħares lejkom!  Nifhem li għalikom m’hix daqshekk ħaġa ħafifa: speċjalment għal min hu miżżewweġ u bit-tfal, hu diffiċli jsib żmien twil ta’ kalma.  Imma, għall-grazzja ta’ Alla, mhux kulħadd għandu bżonn jagħmel kollox bl-istess mod; fil-Knisja għandna varjetà ta’ vokazzjonijiet u varjetà ta’ forom spiritwali; l-importanti hu li nsibu l-mod adatt biex noqogħdu mal-Mulej; u dan nistgħu nagħmluh, possibli li jsir f’kull stat ta’ ħajja.  Bħalissa kulħadd jista’ jistaqsi lilu nnifsu: Jien kif qed “noqgħod” ma’ Ġesù?  Din hi l-mistoqsija li nħallikom: “Kif qed insib ħin noqgħod ma’ Ġesù, nibqa’ ma’ Ġesù?”.  Għandi dawk il-mumenti li fihom nibqa’ fil-preżenza tiegħu, fis-skiet, u nħalliH iħares lejja?  Inħallih iħeġġiġli qalbi bin-nar tiegħu?  Jekk fil-qalb tagħna m’hemmx is-sħana ta’ Alla, ta’ mħabbtu, tal-ħlewwa tiegħu, kif nistgħu aħna, imsejkna midinba, inħeġġu l-qlub ta’ l-oħrajn?  Aħsbu f’dan!

 

2. It-tieni ħaġa hi din.  It-tieni: nitilqu mill-ġdid minn Kristu jfisser nimitawh f’li noħorġu minna nfusna u mmorru niltaqgħu mal-persuna l-oħra.  Din hi esperjenza sabiħa, hi xi ftit paradossali.  Għaliex?  Għaliex fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna nqiegħdu lil Kristu, u aħna nwarrbu miċ-ċentru!  Iktar ma tingħaqad ma’ Ġesù u Hu jsir iċ-ċentru ta’ ħajtek, Hu iktar joħorġok minnek innifsek, ‘jiddeċentrak’ u jiftħek għall-oħrajn.  Dan hu d-dinamiżmu veru ta’ l-imħabba, dan hu l-moviment ta’ Alla nnifsu!  Alla hu ċ-ċentru, imma hu dejjem don li jingħata, relazzjoni, ħajja li tikkomunika lilha nfisha…  Hekk ukoll insiru aħna jekk nibqgħu magħquda ma’ Kristu, Hu jdaħħalna f’dan id-dinamiżmu ta’ l-imħabba.  Fejn hemm ħajja vera fi Kristu, hemm ftuħ għall-ieħor jew l-oħra, inkunu noħorġu l-ħin kollu minna nfusna biex inħobbu, biex nagħtu xhieda ta’ Ġesù u nitkellmu dwar Ġesù, nippriedkaw lil Ġesù.  Dan hu importanti għax jagħmlu l-Mulej: hu propju l-Mulej li jqanqalna biex noħorġu.

 

Il-qalb tal-katekista tgħix dejjem dan il-moviment tal-qalb li tħabbat ’il ġewwa u ’l barra: għaqda ma’ Ġesù u laqgħa mal-persuna l-oħra.  Huma t-tnejn flimkien: jien ningħaqad ma’ Ġesù u noħroġ biex niltaqa’ ma’ l-oħrajn.  Jekk jonqos wieħed minn dawn iż-żewġ movimenti l-qalb ma tibqax tħabbat, ma tistax tgħix.  Hi tirċievi bħala don il-kerygma, u mbagħad min-naħa tagħha toffriha bħala don.  Din il-kelma ċkejkna: don.  Il-katekista jaf li rċieva don, id-don tal-fidi, u jagħtih b’don lill-oħrajn.  U dan hu sabiħ.  U ma jżommx għalih xi persentaġġ!  Kull ma jirċievi, jagħtih!  Din m’hix xi biċċa negozju!  M’hix negozju!  Dan hu kollu kemm hu don: don milqugħ u don mogħti.  U l-katekista qiegħed hemm, f’nofs it-triq ta’ dan id-don.  Dan hu hekk mill-istess natura tal-kerygma: hi don li joħloq missjoni, li dejjem jimbuttana ’l barra minna nfusna.  San Pawl qal: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna”, imma dik l-“issuqna” nistgħu nittraduċuha wkoll “taħkimna”.  Għax hekk hu: l-imħabba tiġbdek lejha u tibagħtek, tieħdok u tagħtik lill-oħrajn.  F’din it-tensjoni tgħix il-qalb tan-Nisrani, b’mod partikulari l-qalb tal-katekista.  Nistaqsu lkoll lilna nfusna: Hekk tħabbat il-qalb tiegħi ta’ katekista: għaqda ma’ Ġesù u laqgħa ma’ l-oħrajn?  B’dan il-moviment tal-qalb li tħabbat ’il ġewwa u ’l barra?  Tikber fir-relazzjoni miegħU, imma biex imbagħad twasslu lill-oħrajn u mhux biex iżżommu għaliha?  Ngħidilkom din: ma nifhimx kif katekista jista’ jibqa’ wieqaf, mingħajr dan il-moviment.  Ma nifhimhiex!

 

3. U t-tielet ħaġa – tlieta – hi dejjem f’din il-linja: nitilqu mill-ġdid minn Kristu jfisser ma nibżgħux immorru flimkien miegħU fil-periferiji.  Hawn tiġini f’moħħi l-istorja ta’ Ġona, figura tassew interessanti, speċjalment fiż-żminijiet tagħna ta’ bidliet u ta’ inċertezza.  Ġona hu bniedem twajjeb, b’ħajja trankwilla u ordnata; dan iwasslu biex f’moħħu jibni skemi ċari ħafna u biex jiġġudika kollox u lil kulħadd skond dawn l-iskemi, b’mod riġidu.  Kollox għandu ċar, din hi l-verità.  Hu riġidu!  Għalhekk meta l-Mulej isejjaħlu u jordnalu jmur jippriedka f’Ninwé, il-belt kbira pagana, Ġona ma jħossx li għandu jagħmel dan.  Imur hemm!  Imma jien għandi l-verità kollha hawnhekk!  Ma jħossx li għandu jmur… Ninwé qiegħda ’l barra mill-iskemi tiegħu, qiegħda fil-periferija tad-dinja tiegħu.  U allura jaħrab, imur Spanja, jaħrab ’il bogħod, jitla’ fuq ġifen li jkun sejjer lejn dawn in-naħat.  Morru erġgħu aqraw il-Ktieb ta’ Ġona!  Hu qasir, imma hi parabbola li tgħallimna ħafna, speċjalment lilna li qegħdin fil-Knisja.

 

X’jgħallimna?  Jgħallimna ma nibżgħux noħorġu mill-iskemi mentali tagħna biex nimxu wara Alla, għax Alla dejjem imur xi mkien ieħor.  Imma tridu tafu ħaġa?  Alla ma jibżax!  Tafuh dan?  Ma jibżax!  Hu dejjem imur lil hemm mill-iskemi tagħna!  Alla ma jibżax mill-periferiji.  Imma jekk intom tmorru fil-periferiji, hemm issibuh.  Alla jibqa’ dejjem fidil, hu kreattiv.  Imma, f’ġieħ kemm hemm, ma nistax nifhem kif katekista ma jkunx kreattiv.  U l-kreattività hi bħal kolonna għal min irid ikun katekista.  Alla hu kreattiv, m’hux magħluq, u għalhekk li m’hu qatt riġidu magħna.  Alla m’hux riġidu!  Jilqagħna, jiġi jiltaqa’ magħna, jifhimna.  Biex inkunu fidili, biex inkunu kreattivi, jeħtieġ inkunu kapaċi nibdlu.  Inkunu nafu nibdlu.  U għax għandi nibdel?  Dan biex naddatta ruħi għaċ-ċirkustanzi li fihom irrid inħabbar il-Vanġelu.  Biex nibqgħu ma’ Alla jeħtieġ inkunu nafu noħorġu, ma nibżgħux noħorġu.  Jekk katekista jħalli l-biża’ jirbħu, hu beżżiegħ; jekk katekista joqgħod trankwill, jispiċċa qisu statwa f’mużew: u minn dawn għandna ħafna!  Għandna biżżejjed!  Jekk jogħġobkom, ma rridux statwi ta’ mużew!  Jekk katekista hu riġidu, jitqadded u jsir sterili.  Nistaqsikom: Hemm minnkom min irid ikun beżżiegħ, statwi ta’ mużew jew sterili?  Hemm min irid hekk?  [Il-katekisti: Le!]  Le?  Żgur?  Tajjeb!  Dak li ħa ngħid issa għidtu diġà kemm-il darba, imma nħoss f’qalbi li għandi ngħidu.  Meta aħna l-Insara nibqgħu magħluqa fil-grupp tagħna, fil-moviment tagħna, fil-parroċċa tagħna, fl-ambjent tagħna, nibqgħu magħluqa u jiġrilna dak kollu li jiġrilu kull ma jibqa’ magħluq; meta kamra tkun magħluqa tibda tinxtamm ir-riħa ta’ l-umdità.  U jekk persuna tkun magħluqa f’dik il-kamra, timrad!  Meta Nisrani jingħalaq fil-grupp tiegħu, fil-parroċċa tiegħu, fil-moviment tiegħu, hu magħluq, jimrad.  Jekk Nisrani joħroġ fit-toroq, fil-periferiji, jista’ jiġrilu dak li jiġri li xi ħadd li joqgħod jiġri fit-toroq: inċident.  Min jaf kemm rajna inċidenti fit-toroq.  Imma jien ngħidilkom: nippreferi għal mitt elf darba Knisja milquta mill-inċidenti minn Knisja marida!  Knisja, katekista li għandu l-kuraġġ jidħol għar-riskji għax joħroġ, u mhux katekista li jistudja, jaf kollox, imma dejjem magħluq: dan marid.  U xi darba jkun marid ukoll minn moħħu…

 

Imma attenti!  Ġesù m’hux jgħidilna: Morru, irranġaw intom.  Le, ma jgħidx hekk!  Ġesù jgħid: Morru, jiena magħkom!  Dan hu s-sabiħ li għandna u li jimliena bil-qawwa: jekk aħna mmorru, jekk noħorġu biex bl-imħabba nwasslu l-Vanġelu tiegħu, bi spirtu Appostoliku veru, bil-parresia, Hu jimxi magħna, anzi jimxi qabilna, – ħa ngħidha bl-Ispanjol – “primerea”.  Il-Mulej dejjem “primerea”!  Sal-lum naħseb li tgħallimtuha t-tifsira ta’ din il-kelma.  U dan tgħidulna l-Bibbja, m’iniex ngħidu jien.  Il-Bibbja tgħid, il-Mulej jgħid fil-Bibbja: Jien bħal fergħa tal-lewża.  Għaliex?  Għax hi l-ewwel siġra li twarrad fir-Rebbiegħa.  Hu dejjem “primero”!  Hu l-ewwel!  Dan hu fundamentali għalina: Alla dejjem jimxi qabilna!  Meta aħna naħsbu li morna ’l bogħod, f’xi periferija mbiegħda, u forsi nibżgħu xi ftit, fir-realtà Hu diġà jkun mar hemm: Ġesù jistenniena fil-qalb ta’ dak ħuna, fil-ġisem miġruħ tiegħu, fil-ħajja mkasbra tiegħu, fir-ruħ tiegħu bla fidi.  Imma intom tafu liema waħda mill-periferiji tweġġagħni u tnikkitni l-iżjed – kont rajtha fid-djoċesi li kelli qabel?  Hi dik tat-tfal li ma jafux iroddu s-Sinjal tas-Salib.  Fi Buenos Aires hemm tant tfal li ma jafux iroddu s-Salib.  Din periferija!  Jeħtieġ immorru hemm!  U Ġesù qiegħed hemm, qed jistenniek, biex tgħin lil dak it-tifel irodd is-Sinjal tas-Salib.  Hu dejjem qiegħed hemm qabilna.

 

Għeżież katekisti, spiċċawli t-tliet punti li kelli.  Dejjem itilqu mill-ġdid minn Kristu!  Ngħidilkom grazzi għal dak li qed tagħmlu, imma fuq kollox talli qegħdin fil-Knisja, fil-Poplu ta’ Alla li jinsab miexi, biex timxu mal-Poplu ta’ Alla.  Nibqgħu ma’ Kristu – nibqgħu fi Kristu – infittxu li nkunu dejjem iżjed ħaġa waħda miegħU; nimxu warajh, nixbhuh fil-moviment tiegħu ta’ mħabba, meta jmur jiltaqa’ mal-bniedem; u noħorġu, niftħu l-bibien, insibu l-kuraġġ li nfittxu toroq ġodda għat-tħabbir tal-Vanġelu.

 

Il-Mulej iberikkom u l-Madonna timxi magħkom.  Grazzi!

 

Marija hi l-Omm tagħna,

Marija dejjem twassalna għand Ġesù!

Nitolbu għal xulxin lill-Madonna.

[Ave Maria]

[Barka]

Grazzi ħafna!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard