Kliem il-Papa lis-saċerdoti:

 

Lilkom is-saċerdoti jiġini li ngħidilkom kelma waħda: kunu qrib.  Qrib ta’ Ġesù Kristu, fit-talb u fl-adorazzjoni.  Qrib tal-Mulej, u qrib tan-nies, tal-poplu ta’ Alla li ġie fdat f’idejkom.  Ħobbu lill-poplu tagħkom, kunu qrib in-nies.  Dak hu li nitlobkom, din il-qrubija doppja: qrib ta’ Ġesù u qrib tan-nies.

 

Kliem il-Papa liż-żgħażagħ:

 

Hi għafsa ta’ qalb tara żagħżugħ iżomm iż-żgħożija tiegħu msakkra ġo kaxxaforti: hekk din iż-żgħożija tixjieħ, fl-agħar sens tal-kelma; issir pezza ħażina; ma tiswa għal xejn.  Iż-żgħożija qiegħda hemm biex nirriskjawha: nirriskjawha tajjeb, nirriskjawha bit-tama.  Qiegħda hemm biex nilagħbuha fuq ħwejjeġ għoljin.  Iż-żgħożija qiegħda hemm biex nagħtuha, biex oħrajn jistgħu jiltaqgħu mal-Mulej.  Iżżommux għalikom iż-żgħożija tagħkom: ibqgħu mexjin!

 

Kliem il-Papa lill-familji:

 

Il-familji huma l-Knisja tad-dar, fejn Ġesù jikber, jikber fl-imħabba ta’ bejn il-miżżewġin, jikber fil-ħajja ta’ l-ulied.  U għalhekk li l-għadu jaħbat tant għall-familja: ix-xitan ma jridhiex!  U jfittex li jeqridha, ifittex li jagħmel mod kif fiha ma jkunx hemm imħabba.  Il-familji huma din il-Knisja tad-dar.  Il-miżżewġin huma midinbin, bħal kulħadd, imma jixtiequ jibqgħu mexjin ’il quddiem fil-fidi, għammiela, fl-ulied u fil-fidi ta’ wliedhom.  Il-Mulej ibierk il-familja, isaħħaħha hi u għaddejja minn din il-kriżi fejn ix-xitan jixtieq jeqridha.

 

Kliem il-Papa lid-diżabbli:

 

Ħutna rġiel u nisa li qed ibatu, li jġorru xi marda, li għandhom diżabbiltà, huma aħwa midluka mit-tbatija ta’ Ġesù Kristu, jixbhu lil Ġesù fil-mument diffiċli tas-salib tiegħu, ta’ ħajtu.  Din id-dilka tat-tbatija huma jħarsuha għall-Knisja kollha.  Grazzi ħafna, ħuti; grazzi ħafna li aċċettajtu li tiġu midluka mit-tbatija.  Grazzi ħafna tat-tama li tagħtu xhieda tagħha, dik it-tama li tmexxina aħna u nfittxu t-tmellisa ta’ Ġesù.

 

Kelmtejn fuq l-anzjani

 

Lil Salvatore għidtlu li forsi jonqos xi ħadd, forsi l-iktar importanti: jonqos in-nanniet!  Jonqos l-anzjani, u dawn huma l-garanzija tal-fidi tagħna, ix-“xjuħ”.  Araw, meta Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù fit-Tempju, kien hemm tnejn; u erba’ darbiet, jekk mhux ħamsa – ma niftakarx tajjeb – il-Vanġelu jgħid li “kienu mqanqlin mill-Ispirtu”.  Dwar Marija u Ġużeppi, imma, jgħid li kienu mqanqlin mil-Liġi.  Iż-żgħażagħ iridu jwettqu l-Liġi, l-anzjani – bħall-inbid it-tajjeb – għandhom il-libertà ta’ l-Ispirtu s-Santu.  U hekk dan Xmun, li kien kuraġġjuż, ħoloq “liturġija”, u faħħar lil Alla, faħħar… u kien l-Ispirtu li qanqlu biex jagħmel hekk.  L-anzjani!  Huma l-għerf tagħna, huma l-għerf tal-Knisja; l-anzjani li tant drabi aħna narmu, in-nanniet, l-anzjani…  U din in-nanna xwejħa, Anna, għamlet ħaġa ta’ l-għaġeb fil-Knisja: ikkanonizzat it-tpaċpiċ!  U dan kif għamlitu?  Hekk: għax flok qagħdet tpaċpaċ kontra xi ħadd, kienet toqgħod iddur minn post għall-ieħor ixxandar [dwar Ġesù]: “Dan hu, dan hu li sa jsalvana!”.  U din hi ħaġa tajba.  In-nanniet huma l-qawwa tagħna u l-għerf tagħna.  Jalla l-Mulej jagħtina dejjem anzjani għorrief!  Anzjani li jagħtuna l-memorja tal-poplu tagħna, il-memorja tal-Knisja.  U jagħtuna wkoll dak li dwarhom tgħid l-Ittra lil-Lhud: is-sens tal-ferħ.  Tgħid li l-anzjani, dawn, sellmu mill-bogħod il-wegħdiet: jalla jgħallmuna dan.

 

Talba tal-Papa:

 

Mulej, ħares lill-poplu tiegħek hu u jistenna lill-Ispirtu s-Santu.  Ħares liż-żgħażagħ, ħares lill-familji, ħares lit-tfal, ħares lill-morda, ħares lis-saċerdoti, l-ikkonsagrati, ħares lilna l-isqfijiet, ħares lil kulħadd.  U agħtina dik is-sakra qaddisa, dik ta’ l-Ispirtu, dik li tagħtina li nitkellmu bl-ilsna kollha, l-ilsna ta’ l-imħabba, dejjem qrib ta’ ħutna li għandhom bżonna.  Għallimna ma noqogħdux nitlewmu bejnietna għal biċċa iżjed poter f’idejna; għallimna nkunu umli, għallimna nħobbu iżjed lill-Knisja milli l-partit tagħna, milli t-“tilwim” ta’ bejnietna; għallimna jkollna qalb miftuħa biex nilqgħu fiha lill-Ispirtu.  Ibgħat, o Mulej, l-Ispirtu tiegħek fuqna.  Amen.

 


 

Għeżież ħuti!

 

Nirringrazzjakom ħafna tal-merħba li tajtuni.  Żgur mhux forsi li xi ħadd lill-organizzaturi għarrafhom minn qabel li lili jogħġobni ħafna dan l-innu, “Ġesù jgħix, il-Mulej”…  Meta mal-Moviment tat-Tiġdid Kariżmatiku kont niċċelebra l-Quddiesa fil-Katidral ta’ Buenos Aires, wara l-Konsagrazzjoni u wara xi ftit sekondi ta’ adorazzjoni bl-ilsna, konna nkantaw dan l-innu b’tant ferħ u saħħa, kif għannejtuh il-lum intom.  Grazzi!  Ħassejtni qiegħed id-dar!

 

Nirringrazzja lill-Moviment tat-Tiġdid fl-Ispirtu, lill-ICCRS u lill-Catholic Fraternity għal din il-laqgħa magħkom, li qed timlieni tant bil-ferħ.  Nirringrazzja wkoll għall-preżenza tagħhom lil dawk li kienu minn ta’ l-ewwel li għaddew minn esperjenza tal-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu; naħseb li hawn Patty, hawn…  Intom, Kariżmatiċi, irċivejtu don kbir mill-Mulej.  Intom twelidtu mir-rieda ta’ l-Ispirtu s-Santu bħala “kurrent ta’ grazzja fil-Knisja u għall-Knisja”.  Din hi d-defenizzjoni tagħkom: kurrent ta’ grazzja.

 

L-ewwel don ta’ l-Ispirtu s-Santu, liema hu?  Id-don Tiegħu nnifsu, li hu mħabba u jinnamrak ma’ Ġesù.  U din l-imħabba tibdillek ħajtek.  Għalhekk ngħidu li “nitwieldu mill-ġdid għall-ħajja fl-Ispirtu”.  Dan qalu Ġesù lil Nikodemu.  Irċivejtu d-don kbir tad-diversità tal-kariżmi, id-diversità li twassal għall-armonija ta’ l-Ispirtu s-Santu, għall-qadi tal-Knisja.

 

Meta naħseb fikom il-Kariżmatiċi, tiġini f’moħħi l-istess xbieha tal-Knisja, imma b’mod partikulari: naħseb f’orkestra kbira, fejn kull strument hu differenti mill-ieħor u anki l-ilħna huma differenti, imma kollha huma meħtieġa għall-armonija mużikali.  Dan jgħidhulna San Pawl, fil-kapitlu tnax ta’ l-Ewwel Ittra lill-Korintin.  Għalhekk, bħal f’orkestra, ħadd fit-Tiġdid ma għandu jaħseb li hu iżjed importanti jew aqwa mill-ieħor, nitlobkom!  Għax meta xi ħadd minnkom jibda jaħseb li hu iżjed importanti mill-ieħor jew aqwa minnu, tibda l-pesta!  Ħadd ma jista’ jgħid: “Jien ir-ras”.  Intom, bħall-Knisja kollha, għandkom ras waħda, Mulej wieħed: Sidna Ġesù.  Tennu miegħi: Min hu r-ras tat-Tiġdid?  Il-Mulej Ġesù!  Min hu r-ras tat-Tiġdid? [il-folla:] Il-Mulej Ġesù!  U dan nistgħu ngħiduh bil-qawwa li jagħtina l-Ispirtu s-Santu, għax ħadd ma jista’ jlissen “Ġesù hu l-Mulej” mingħajr ma jkollu l-Ispirtu s-Santu.

 

Kif forsi tafu – għax l-aħbarijiet jiġru – fl-ewwel snin tat-Tiġdid Kariżmatiku fi Buenos Aires, jien ma tantx kienu jinżluli dawn il-Kariżmatiċi.  U kont ngħid għalihom: “Qishom skola tas-samba!”.  Ma kontx naqsam fil-mod tagħhom ta’ kif jitolbu u t-tant ħwejjeġ ġodda li kienu qed iseħħu fil-Knisja.  Wara, bdejt insir nafhom u fl-aħħar fhimt x’ġid it-Tiġdid Kariżmatiku jagħmel lill-Knisja.  U din l-istorja, ibda mill-“iskola tas-samba” ’il quddiem, tintemm b’mod partikulari: ftit tax-xhur biss qabel dħalt għall-Konklavi, ġejt maħtur mill-Konferenza Episkopali bħala assistent spiritwali tat-Tiġdid Kariżmatiku fl-Arġentina.

 

It-Tiġdid Kariżmatiku hu qawwa kbira għas-servizz tax-xandir tal-Vanġelu, fil-ferħ ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Intom irċivejtu l-Ispirtu s-Santu li għarrafkom l-imħabba ta’ Alla għal uliedu kollha u l-imħabba għall-Kelma.  Fl-ewwel żminijiet kienu jgħidu li intom il-Kariżmatiċi kontu ġġorru fuqkom dejjem il-Bibbja, it-Testment il-Ġdid…  Hekk għadkom tagħmlu l-lum?  [il-folla:] Iva!  M’iniex daqshekk konvint!  Jekk le, erġgħu lura għal din l-ewwel imħabba, ġorru dejjem fil-but, fil-basket, il-Kelma ta’ Alla!  U aqraw biċċa.  Dejjem bil-Kelma ta’ Alla fuqkom.

 

Intom, poplu ta’ Alla, poplu tat-Tiġdid Kariżmatiku, oqogħdu attenti li ma titilfux il-libertà li tana l-Ispirtu s-Santu!  Il-periklu tat-Tiġdid, kif spiss jgħid l-għażiż tagħna Patri Raniero Cantalamessa, hu dak ta’ l-organizzazzjoni żejda: il-periklu ta’ l-organizzazzjoni żejda.

 

Iva, għandkom bżonn ta’ organizzazzjoni, imma titilfux dik il-grazzja li tħallu lil Alla jkun Alla!  “Minkejja dan, m’hemmx libertà aqwa minn meta nħallu lill-Ispirtu jeħodna fejn irid Hu, u ma noqogħdux inkejlu jew nikkontrollaw kollox, u nħallu lilU jdawwalna, imexxina, jeħodna fejn jixtieq Hu.  Hu jaf tajjeb x’hemm bżonn f’kull żmien u f’kull ħin.  Dan ifisser li nkunu misterjożament għammiela!” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 280).

 

Periklu ieħor hu dak li nsiru “kontrollaturi” tal-grazzji ta’ Alla.  Tant drabi, ir-responsabbli (lili jogħġobni aktar l-isem “qaddejja”) ta’ xi grupp jew xi komunità jsiru, forsi bla ma jridu, amministraturi tal-grazzja, u jiddeċiedu huma min jista’ jirċievi jew le t-talb għat-tiswib jew il-Magħmudija fl-Ispirtu.  Jekk hemm min jagħmel hekk, nitlobkom ma tagħmluhx iżjed, tagħmluhx iżjed!  Intom qegħdin hemm biex tqassmu l-grazzja ta’ Alla, u mhux biex tikkontrollawha!  Tagħmluhiex ta’ dwana ta’ l-Ispirtu s-Santu!

 

Fid-Dokumenti ta’ Malines, intom għandkom gwida, mixja żgura biex ma tiżbaljawx it-triq.  L-ewwel dokument hu: Orjentament teoloġiku u pastorali.  It-tieni hu: Tiġdid Kariżmatiku u l-ekumeniżmu, miktub mill-istess Kardinal Suenens, protagonista kbir tal-Konċilju Vatikan II.  It-tielet hu: Tiġdid Kariżmatiku u s-servizz lill-bniedem, miktub mill-Kardinal Suenens u mill-Isqof Helder Camara.

 

Din hi l-mixja tagħkom: evanġelizzazzjoni, ekumeniżmu spiritwali, għożża tal-foqra u ta’ dawk fil-bżonn, u merħba lill-emarġinati.  U dan kollu msejjes fuq l-adorazzjoni!  Il-bażi tat-tiġdid hi l-adorazzjoni quddiem Alla!

 

Talbuni ngħid lill-Moviment tat-Tiġdid x’jistenna minnkom il-Papa.

 

L-ewwel ħaġa hi l-konverżjoni lejn l-imħabba ta’ Ġesù li tibdel il-ħajja u tagħmel min-Nisrani xhud ta’ l-Imħabba ta’ Alla.  Il-Knisja tistenna din ix-xhieda ta’ ħajja Nisranija u l-Ispirtu s-Santu jgħinna ngħixu l-koerenza tal-Vanġelu għall-qdusija tagħna.

 

Nistenna minnkom li taqsmu ma’ kulħadd, fil-Knisja, il-grazzja tal-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu (espressjoni li naqrawha fl-Atti ta’ l-Appostli).

 

Nistenna minnkom evanġelizzazzjoni bil-Kelma ta’ Alla li xxandar li Ġesù hu ħaj u jħobb lill-bnedmin kollha.

 

Ħa tagħtu xhieda ta’ ekumeniżmu spiritwali ma’ dawk l-aħwa kollha ta’ Knejjes u komunitajiet Insara oħra li jemmnu f’Ġesù bħala Mulej u Feddej.

 

Ħa tibqgħu magħquda fl-imħabba li l-Mulej Ġesù jitlob minna għall-bnedmin kollha, u fit-talb lill-Ispirtu s-Santu biex naslu għal din l-għaqda, meħtieġa għall-evanġelizzazzjoni f’isem Ġesù.  Ftakru li “it-Tiġdid Kariżmatiku hu min-natura tiegħu stess ekumeniku…  It-Tiġdid Kattoliku jifraħ b’dak li l-Ispirtu s-Santu jwettaq fil-Knejjes l-oħra” (1 Malines 5:3).

 

Ersqu lejn il-foqra, dawk fil-bżonn, biex fil-ġisem tagħhom tmissu l-ġisem miġruħ ta’ Ġesù.  Ersqu lejhom, nitlobkom!

 

Fittxu l-għaqda fit-Tiġdid, għax l-għaqda ġejja mill-Ispirtu s-Santu u titwieled mill-għaqda tat-Trinità.  Il-firda minn fejn tiġi?  Mix-xitan!  Il-firda tiġi mix-xitan.  Aħarbu mit-tilwim ta’ bejnietkom, nitlobkom!  M’għandux ikun hemm fostkom!

 

Irrid nirringrazzja lill-ICCRS u lill-Catholic Fraternity, iż-żewġ organiżmi ta’ Dritt Pontifiċju tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi, għas-servizz tat-Tiġdid dinji, impenjati biex iħejju l-laqgħa dinjija għas-saċerdoti u isqfijiet li sa tinżamm f’Ġunju tas-sena d-dieħla.  Naf li ddeċidew li jaqsmu wkoll l-uffiċċju u jaħdmu id f’id flimkien bħala sinjal ta’ għaqda u biex jużaw aħjar ir-riżorsi tagħhom.  Nifraħ ħafna.  Irrid anki nirringrazzjahom għax diġà qed jorganizzaw għall-ġublew kbir ta’ l-2017.

 

Ħuti, ftakru: aduraw lill-Mulej Alla: din hi l-bażi!  Qimu lil Alla.  Fittxu l-qdusija fil-ħajja ġdida ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Qassmu l-grazzja ta’ Alla.  Evitaw il-periklu ta’ l-organizzazzjoni żejda.

 

Oħorġu fit-toroq biex tevanġelizzaw, intom u tħabbru l-Vanġelu.  Ftakru li l-Knisja twieldet “biex toħroġ”, f’dik l-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin.  Ersqu qrib tal-foqra u missu f’ġisimhom il-ġisem miġruħ ta’ Ġesù.  Ħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxikom hu, b’dik il-libertà; u nitlobkom, tagħlqux f’gaġġa lill-Ispirtu s-Santu!  Bil-libertà!

 

Fittxu l-għaqda tat-Tiġdid, għaqda li tiġi mit-Trinità!

 

U nistenniekom ilkoll, Kariżmatiċi tad-dinja, biex tiċċelebraw, flimkien mal-Papa, il-Ġublew kbir tagħkom nhar Għid il-Ħamsin ta’ l-2017 fi Pjazza San Pietru!  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard