Santità, Ħija l-Għażiż,

Għeżież Ħuti fi Kristu,

 

Bil-ferħ kollu, Santità, nagħti merħba mill-qalb lilek u lid-delegazzjoni distinta li għandek miegħek.  Fil-persuna tal-Qdusija Tiegħek nibgħat it-tislijiet rispettużi u kollha mħabba tiegħi lill-membri tal-familja tal-Kattolikat ta’ l-Armeni kollha mxerrda mad-dinja.  Hi grazzja kbira li stajna niltaqgħu f’din id-dar, qrib il-qabar ta’ l-Appostlu Pietru, u naqsmu mument ta’ fraternità u ta’ talb.

 

Magħkom inbierek lill-Mulej, għax ir-rabtiet tal-Knisja Appostolika Armena mal-Knisja ta’ Ruma fl-aħħar snin issaħħu, grazzi wkoll għall-ġrajjiet li jibqgħu mnaqqxa fil-memorja tagħna, jiġifieri l-vjaġġ tal-Predeċessur qaddis tiegħi Ġwanni Pawlu II fl-Armenja, fl-2001, u l-preżenza mogħġuba tal-Qdusija Tiegħek fil-Vatikan b’bosta okkażjonijiet ta’ importanza speċjali, fosthom iż-żjara uffiċjali lill-Papa Benedittu XVI fl-2008, u ċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma, is-sena l-oħra.

 

Imma nixtieq hawn niftakar f’ċelebrazzjoni oħra, mimlija tifsir, li fiha ħadet sehem il-Qdusija Tiegħek: it-Tifkira tax-Xhieda tal-Fidi tas-seklu XX, li nżammet fil-kuntest tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000.  Fil-verità, l-għadd tad-dixxipli li ċarċru demmhom għal Kristu tul il-ġrajjiet traġiċi tas-seklu l-ieħor ċertament hu ikbar minn dak tal-martri ta’ l-ewwel sekli, u f’dan il-martiroloġju, ulied il-ġens Armen għandhom post ta’ ġieħ.  Il-misteru tas-Salib, hekk għażiż għall-memorja tal-poplu tagħkom, irrappreżentat fis-slaleb kollhom ġmiel maħduma fil-ġebel li jżejnu kull rokna ta’ artkom, ġarrbuh għadd bla qies minn uliedkom bħala sehem dirett fil-kalċi tal-Passjoni.  Ix-xhieda tagħhom, traġika u għolja fl-istess ħin, m’għandha qatt tintesa.

 

Santità, għeżież ħuti, it-tbatijiet li għaddew minnhom l-Insara fl-aħħar għexieren ta’ snin taw kontribut uniku u imprezzabbli anki b’riżq l-għaqda bejn id-dixxipli ta’ Kristu.  Kif fil-Knisja bikrija d-demm tal-martri sar żerriegħa ta’ Nsara ġodda, hekk fi żmienna d-demm ta’ ħafna Nsara sar żerriegħa ta’ l-għaqda.  L-ekumeniżmu tat-tbatija, l-ekumeniżmu tal-martirju, l-ekumeniżmu tad-demm hu sejħa qawwija biex nimxu t-triq tar-rikonċiljazzjoni bejn il-Knejjes, determinati u f’abbandun fiduċjuż f’idejn l-azzjoni ta’ l-Ispirtu.  Inħossu d-dmir li nimxu f’din it-triq ta’ fraternità anki minħabba d-dejn ta’ gratitudni li għandna lejn it-tbatija ta’ tant ħutna, li saret salvifika għax magħquda mal-Passjoni ta’ Kristu.

 

F’dan ir-rigward, nixtieq nirringrazzja lill-Qdusija Tiegħek għas-sostenn effettiv tiegħek lid-djalogu ekumeniku, b’mod partikulari lill-ħidmiet tal-Kummissjoni konġunta għad-Djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali, u għall-kontribut teoloġiku għani li qed joffru fiha r-rappreżentanti tal-Kattolikat ta’ l-Armeni kollha.

 

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ.  Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1:3-4).  Inħaffu kollna fiduċja fil-ġirja li għandna quddiemna, imwieżna minn għadd hekk kbir ta’ xhieda (ara Lhud 12:1) u nitolbu lill-Missier jagħtina dik l-għaqda li Ġesù Kristu talab għaliha fl-Aħħar Ikla (ara Ġw 17:21).

 

Nitolbu għal xulxin: ħalli l-Ispirtu s-Santu jdawwalna u jmexxina lejn il-jum hekk mixtieq li fih għad inkunu nistgħu naqsmu flimkien mill-istess mejda Ewkaristika.  Infaħħru lill-Mulej bi kliem San Girgor ta’ Narek: “Ilqa’ l-għana ta’ barkiet li joħroġ minn xofftejna u indenja agħti lil din il-Knisja d-doni u l-grazzja ta’ Sijon u ta’ Betlehem, biex ikun jixirqilna nieħdu sehem fis-salvazzjoni”.  Tidħol għall-poplu Armen l-Omm Kollha Mqaddsa ta’ Alla, issa u għal dejjem.  Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard