Għeżież ħuti,

Qed nieħu gost niltaqa’ magħkom fl-aħħar tal-kors ta’ formazzjoni għall-kappillani, organizzat mir-Rota Rumana dwar il-proċess ġdid taż-żwieġ. Nirringrazzja lid-Dekan u lill-Pro Dekan għall-impenn tagħhom biex isiru dawn il-korsijiet formattivi. Dak li s-Sinodu tal-Isqfijiet”  iddiskuta u ppropona  dwar is-suġġett “Żwieġ u familja” ntlaqa’ u  ġie integrat b’mod organiku fl-Eżortazzjoni appostolika Amoris laetitia  u ssarraf f’normi  ġuridiċi xierqa  li jinsabu fiż-żewġ  dokumenti speċifiċi: il-motu proprio Mitis Iudex u l-moto proprio Misericoris Jesus.  Hi ħaġa tajba li intom il-kappillani tapprofondixxu dan is-suġġett  permezz ta’  dawn l-inizjattivi ta’ studju, għax,  fuq kollox, huwa intom li tridu tapplikawh fil-kuntatti li jkollkom kuljum mal-familji.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, tkunu intom l-ewwel nies li tkellmu liż-żgħażagħ li jixtiequ jiffurmaw familja ġdida u jieħdu s-Sagrament taż-żwieġ. U lejkom  jersqu ħafna  minn dawk il-koppji li jsibu  ruħhom fi kriżi minħabba l-problemi serji fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u li jkollhom bżonn jissaħħu mill-ġdid fil-fidi u jiskopru mill-ġdid il-grazzja tas-Sagrament, u li f’ċerti każijiet jitlobu  indikazzjonijiet biex jibda l-proċess ta’ nullità. Ħadd daqskom  ma jaf ir-realtajiet soċjali tal-postijiet fejn tgħixu; ħadd daqskom ma’ jinsab f’kuntatt  man-nies u jaf kemm  hemm realtajiet differenti: rabtiet taż-żwieġ fi Kristu, rabtiet bħala fatt, rabtiet ċivili, rabtiet li fallew, familji u żgħażagħ li huma kuntenti  u oħrajn li mhumiex. Intom imsejħin takkumpanjaw lil kull persuna f’kull sitwazzjoni li ssib ruħha fija fil-vjaġġ tal-ħajja biex tagħtu xhieda u ssostnu.

Qabel kollox għandkom tfittxu li tagħtu xhieda tal-grazzja tas-Sagrament u tal-ġid primordjali tal-familja, ċellula vitali tal-Knisja u tas-soċjetà, billi tħabbru li ż-żwieġ bejn raġel u mara hu sinjal tar-rabta ta’ mħabba bejn Kristu u l-għarusa tiegħu l-Knisja. Din ix-xhieda twettquha b’mod konkret meta tħejju l-għarajjes għaż-żwieġ u twassluhom biex jagħrfu t-tifsira tal-pass li ser jagħmlu, meta takkumpanjaw lill-koppji żgħażagħ u tgħinuhom jgħixu l-qawwa divina u l-ġmiel taż-żwieġ fil-waqtiet ta’ dawl u anki  f’dawk ta’ dell, fil-mumenti ta’ ferħ u anki f’dawk ta’ għeja. Imma  nistaqsi: kemm minn dawn iż-żgħażagħ li jiġu għall-korsijiet ta’ qabel iż-żwieġ, jifhmu xi jfisser “żwieġ”, is-sinjal tar-rabta bejn Kristu u l-Knisja? Jgħidulek:” iva”, imma dan jifhmuh? Jemmnu fih?  Jien konvint li hemm bżonn  ta’ katekumenat veru għas-Sagrament taż-żwieġ u mhux biss tħejjija  b’xi żewġ jew tliet laqgħat u mbagħad nibqgħu għaddejjin.

Tonqsux milli dejjem tfakkru lill-għarajjes Insara li fis-Sagrament taż-żwieġ, Alla jidher fihom bħal f’mera, biex ngħid hekk, għax hu jimmarkhom bix-xbieha u l-karattru ta’ mħabbtu li ma  jitħassar  qatt. Fil-fatt, iż-żwieġ hu ikona t’Alla, maħluqa għalina minnu, li hu komunjoni perfetta tat-tliet Persuni, tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.  Ħallu l-Imħabba  t’ Alla  Wieħed fi Tliet Persuni u l-imħabba bejn Kristu u l-għarusa tiegħu l-Knisja, ikunu ċ-ċentru tal-katekeżi u tal-evanġelizzazzjoni fiż-żwieġ: permezz ta’ laqgħat personali jew komunitarji, programmati jew spontanji, tgħejjew qatt turu lil kulħadd, speċjalment lill-għarajjes dan “il-misteru kbir” (ara Efes 5,32).       

Waqt li toffru din ix-xhieda, ħudu ħsieb ukoll li ssostnu  lil dawk li jagħrfu li r-rabta ta’ bejniethom mhijiex tassew żwieġ sagrament u jixtiequ joħorġu minn din is-sitwazzjoni.  Waqt li twettqu din il-ħidma delikata u bżonnjuża, agħmlu minn kollox biex fikom ma jarawx esperti ta’ atti burokratiċi jew ta’ normi ġuridiċi, imma biex isibu aħwa li jisimgħuhom u jifhmuhom.

Fl-istess ħin araw li ż-żgħażagħ li jippreferu jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu jkunu għalikom il-proxxmu li tiltaqgħu miegħu u tilqgħuh bil-mod li jitlob minna l-Evanġelju. Meta tħares lejhom mil-lat spiritwali u morali,  dawn huma fost l-ifqar u l-aktar ċkejknin. Il-Knisja trid li timxi fuq il-passi tal-Imgħallem u l-Mulej tagħha u tkun għalihom omm li ma tabbandunahomx, imma li tieħu ħsiebhom.  Anki dawn huma maħbuba mill-Qalb ta’ Kristu. Ħarsu lejhom b’ħarsa ta’ tenerezza u ħniena. Il-ħarsien ta’ dawk li huma fl-aħħar post, propju għax joħroġ mill-Evanġelju, hu parti essenzjali mill-ħidma tagħkom biex tippromwovu  u tiddefendu s-Sagrament taż-żwieġ. Fil-fatt, il-parroċċa hi l-post per eċċellenza għas-saħħa tar-ruħ. Hekk għallem il-Beatu Papa Pawlu VI: “Il-parroċċa (...) hi l-preżenza ta’ Kristu fil-milja tal-funżjoni tagħha ta’ fidwa. (...) Hi d-dar tal-Evanġelju, id-dar tal-verità, l-iskola tal-Mulej tagħna” (Diskors fil-parroċċa Omm Kbira t’Alla, Ruma  8/3/1964:  Tagħlim II [1964], 1077).

Għeżież ħuti, meta dan l-aħħar kont qed inkellem lir-Rota Rumana rrakkomandajt li jsir veru katekumenat lil dawk li jkunu ser jiżżewġu. Dan għandu jinkludi l-passi kollha tal-mixja sagramentali: iż-żmien ta’ tħejjija għaż-żwieġ, iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u l-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa. Dan il-katekumenat hu prinċipalment fdat f’idejkom il-kappillani, kollaboraturi indispensabbli tal-Isqfijiet. Ninkoraġġikom li  dan tagħmluh minkejja d-diffikultajiet li tistgħu tiltaqgħu magħhom. U nemmen li l-akbar diffikultà hi li wieħed jaħseb u jgħix iż-żwieġ bħala fatt soċjali  - “jeħtieġ nagħmlu dan il-fatt soċjali” -  u mhux bħala veru sagrament, li jitlob tħejjija twila.

Nirringrazzjakom tal-impenn tagħkom biex jitħabbar l-Evanġelju tal-familja. Jalla l-Ispirtu s-Santu jgħinkom tkunu ministri ta’ paċi  u ta’ faraġ fost il-poplu qaddis u fidil t’Alla, speċjalment fost dawk l-aktar dgħajfa u li jeħtieġu l-għajnuna pastorali tagħkom. Filwaqt li nitlobkom titolbu għalija, minn qalbi nbierek  lil kull wieħed minnkom u lill-komunitajiet parrokkjali tagħkom. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.