Meta flimkien mal-Kardinal Vigarju konna qed naħsbu għal din il-laqgħa, għidtlu li stajt nagħmlilkom xi meditazzjonijiet fuq it-tema tal-ħniena.  Jagħmlilna tajjeb bħala saċerdoti li fil-bidu tar-Randan nirriflettu flimkien fuq il-ħniena.  Kollha kemm aħna neħtieġuha.  U anki l-fidili, għax bħala rgħajja rridu nfittxu li nxerrdu kotra ta’ ħniena, ħafna!

Is-silta li smajna mill-Vanġelu ta’ Mattew tgħinna nħarsu lejn Ġesù li jgħaddi mill-ibliet u l-irħula.  U din hi ħaġa kurjuża.  Liema hu l-post li fih Ġesù kienu ikun l-aktar ta’ spiss, fejn l-aktar faċli li stajt issibu?  Fit-triq.  Seta’ jidher qisu wieħed minn dawk li jgħixu bla saqaf fuq rashom, għax dejjem fit-triq kont ħa ssibu.  Il-ħajja ta’ Ġesù kienet fit-triq.  Fuq kollox jistedinna nifhmu l-profondità tal-qalb tiegħu, dak li Hu jħoss għall-ġmiegħi, għan-nies li magħha jiltaqa’: dik l-imġiba interjuri ta’ “ħniena”, meta jilmaħ il-ġmiegħi, tiġih ħniena minnhom.  Għax jilmaħ il-persuni “imdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj”.  Dan il-kliem smajnieh kemm-il darba tant li forsi ma jidħolx fina bil-qawwa kollha tiegħu.  Imma hu kliem qawwi!  Xi ftit jew wisq bħal tant persuni li intom tiltaqgħu magħhom il-lum fit-toroq ta’ l-inħawi fejn tgħixu…  Imbagħad ix-xefaq tagħna jitwessa’, u naraw li dawn il-bliet u dawn l-irħula m’humiex biss Ruma u l-Italja, imma huma d-dinja kollha… u dawk il-ġmiegħi mitluqa huma l-popli ta’ tant pajjiżi li għaddejjin minn sitwazzjonijiet hekk diffiċli ta’ tbatija… 

Hawn nifhmu li aħna m’aħniex hawn biex nagħmlu xi kors sabiħ ta’ eżerċizzi spiritwali fil-bidu tar-Randan, imma biex nisimgħu l-leħen ta’ l-Ispirtu li jkellem lill-Knisja kollha fi żmienna, li hu sewwa sew żmien il-ħniena.  Jien ċert minn dan.  M’hux biss ir-Randan; aħna qed ngħixu fi żmien il-ħniena, f’dawn l-aħħar tletin sena jew iżjed, sal-lum.

1. Fil-Knisja kollha hu żmien il-ħniena

Din kienet intuwizzjoni tal-Beatu Ġwanni Pawlu II.  Hu kellu x-“xamma” li dan kien iż-żmien tal-ħniena.  Jiġuna f’moħħna l-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Swor Fawstina Kowalska; imbagħad daħħal il-festa tal-Ħniena Divina.  Ftit ftit baqa’ miexi f’din id-direzzjoni.

Fl-Omelija tal-Kanonizzazzjoni, li seħħet fis-sena 2000, Ġwanni Pawlu II fakkar li l-messaġġ ta’ Ġesù Kristu lil Swor Fawstina, bħala żmien jinsab bejn iż-żewġ gwerer dinjija u hu marbut ħafna ma’ l-istorja tas-seklu għoxrin.  U b’ħarstu lejn il-futur qal: “X’sa jġibulna s-snin li għandna quddiemna?  X’għad ikun il-ġejjieni tal-bniedem fuq din l-art?  Dan aħna ma nistgħux nafuh.  Imma hi ħaġa ċerta li, flimkien ma’ progressi ġodda, b’xorti ħażina, mhux sa jonqsu esperjenzi ta’ swied il-qalb.  Imma d-dawl tal-ħniena divina, li l-Mulej kważi ried jagħti mill-ġdid lid-dinja permezz tal-kariżma ta’ Swor Fawstina, idawwal il-mixja tal-bnedmin tat-tielet millennju”.  Hu ċar.  Hawn, fis-sena 2000, hu espliċitu, imma hi ħaġa li fil-qalb tiegħu kienet ilha żmien timmatura.  Fit-talb tiegħu kellu din l-intuwizzjoni.

Il-lum ninsew kollox wisq malajr, anki l-Maġisteru tal-Knisja!  Minn naħa hi ħaġa li ma nistgħux nevitawha, imma l-kontenut il-kbir, l-intuwizzjonijiet u l-wirt kbir li ħalla lill-Poplu ta’ Alla ma nistgħux ninsewhom.  U dan tal-ħniena divina hu wieħed minnhom.  Hu wirt li hu ħalliena, imma li ġej mill-għoli.  Issa f’idejna, bħala ministri tal-Knisja, biex inżommu ħaj dan il-messaġġ, fuq kollox fil-predikazzjoni u fil-ġesti, fis-sinjali, fl-għażliet pastorali, ngħidu aħna l-għażla li nerġgħu nqiegħdu fuq quddiem is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, u fl-istess ħin l-għemejjel ta’ ħniena.  Nirrikonċiljaw, inxerrdu l-paċi permezz tas-Sagrament, u anki bil-kiem, u bl-għemejjel ta’ ħniena.

2. X’inhi l-ħniena għas-saċerdoti?

Jiġini f’moħħi li xi wħud minnkom ċempluli, kitbuli ittri, imbagħad kellimtkom fuq it-telefon…  “Imma Missier, għaliex għandek daqshekk għall-qassisin?”.  Għax qalu li jien insawwat il-qassisin bi kliemi!  Ma rrid insawwat lil ħadd hawnhekk…

Nistaqsu lilna nfusna xi tfisser il-ħniena għal saċerdot, ippermettuli ngħid, għalina s-saċerdoti.  Għalina, għalina lkoll!  Is-saċerdoti jitħassru n-nagħaġ tagħhom, bħal Ġesù, meta ra n-nies għajjiena u mitluqa qishom merħla bla ragħaj.  Ġesù għandu l-“intern” ta’ Alla, Isaija jitkellem ħafna fuq hekk: mimli bi ħlewwa għan-nies, speċjalment mal-persuni mwarrbin, jiġifieri mal-midinbin, mal-morda li ħadd ma jieħu ħsiebhom…  Hekk, fuq ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb, is-saċerdot hu bniedem ta’ ħniena u mogħdrija, qrib in-nies tiegħu u qaddej ta’ kulħadd.  Dan hu kriterju pastorali li nixtieq nagħfas ħafna fuqu: li nkunu qrib tan-nies.  Qrib tan-nies u f’servizz lejhom, imma l-aktar li nkunu qrib tan-nies!…  Min isib ruħu miġruħ f’ħajtu, hi x’inhi l-kawża tal-ferita, jista’ jsib fis-saċerdot xi ħadd attent għalih u lest jisimgħu…  B’mod partikulari s-saċerdot juri l-intern ta’ ħniena li għandu fih hu u jamministra s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni; jurih fl-imġiba kollha tiegħu, fil-mod kif jilqa’, jisma’, jagħti l-pariri, jagħti l-assoluzzjoni…  Imma dan jiġi minn kemm hu nnifsu qabel xejn jgħix is-sagrament, minn kif iħalli lil Alla l-Missier iħaddnu miegħu fil-Qrar, u jibqa’ f’din it-tħaddina…  Jekk wieħed l-ewwel jgħix dan għalih innifsu, fil-qalb tiegħu, jista’ wkoll jgħaddih lill-oħrajn fil-ministeru tiegħu.  U nħallilkom din il-mistoqsija: Jien kif qed inqerr?  Inħalli lil Alla jħaddanni miegħu?  Jiġini f’moħħi bħalissa saċerdot kbir minn Buenos Aires, għandu inqas żmien minni, forsi għandu 72…  Darba ġie għandi.  Hu konfessur kbir: dejjem bil-kju biex tqerr għandu…  Is-saċerdoti, il-biċċa l-kbira, għandu jmorru jqerru…  Hu konfessur kbir.  Darba ġie għandi: “Imma Dun…”, “Għidli”, “Jien għandi daqsxejn ta’ skruplu, għax jien naf li qed naħfer wisq!”; “Itlob… jekk qed taħfer wisq…”.  U tkellimna dwar il-ħniena.  F’ħin minnhom qalli: “Ħa ngħidlek, meta jiena nħoss li qed jikber fija dan l-iskruplu, immur fil-kappella, quddiem it-Tabernaklu, u ngħidlU: ‘Skużani, imma l-ħtija hi kollha tiegħeK, għax int li tajtni eżempju ħażin!’.  U nitlaq minn hemm trankwill…”.  Hi talba sabiħa ta’ ħniena!  Jekk wieħed fil-Qrar jgħix dan fih innifsu, fl-istess qalb tiegħu, imbagħad jista’ jagħtih lill-oħrajn.

Is-saċerdot hu mistieden jitgħallem dan, ikollu qalb li titħassar lill-oħrajn.  Is-saċerdoti – ippermettuli l-kelma – “mhux mimsusa mill-ħmieġ”, dawk “tal-laboratorju”, kollox nadif, kollox sabiħ, ma jgħinuhiex lill-Knisja.  Il-Knisja l-lum nistgħu nħarsu lejha bħala “sptar fuq il-kamp tal-battalja”.  Skużawni li qed nirripetih dan, għax hekk naraha, hekk inħossha: “sptar fuq il-kamp tal-battalja”.  Jeħtieġ indewwu l-ġrieħi, tant ġrieħi!  Tant ġrieħi!  Hemm tant nies imweġġgħa u miġruħa, mill-problemi materjali, mill-iskandli, anki mill-Knisja…  Nies miġruħa mill-illużjonijiet tad-dinja…  Aħna s-saċerdoti hemm bżonn inkunu hemm, qrib dawn in-nies.  Ħniena tfisser qabel xejn indewwu l-ġrieħi.  Meta wieħed għandu ġerħa, minnufih għandu bżonn ta’ dan, mhux ta’ xi analiżi, bħal kemm hu għoli l-kolesterol, jew iz-zokkor…  Għax quddiem għajnejh il-ġerħa għandu, irid ifejjaq il-ġerħa, u mbagħad naraw l-analiżi.  Imbagħad ngħaddu għall-kura ta’ l-ispeċjalista, imma l-ewwel irridu ndewwu l-ġrieħi miftuħa.  Dan għalija, f’dan il-mument, hu iżjed importanti.  U hemm ukoll ġrieħi moħbija, għax hemm nies li qed titbiegħed biex ma tmurx tikxef il-ġrieħi li għandha…  Tiġini f’moħħi d-drawwa, skond il-liġi ta’ Mosè, li kien hemm f’rabta ma’ l-imġiddma ta’ żmien Ġesù, li jiġu dejjem imbiegħda min-nies, biex ħadd ma jittieħed minnhom…  Hemm nies li titbiegħed bil-mistħija, għax tistħi turi l-ġrieħi tagħha…  U titbiegħed forsi b’xi ftit fastidju, kontra l-Knisja, imma fil-qiegħ ta’ qalbha, fuq ġewwa, hemm il-ġerħa  Qed tistenna tmellisa!  U intom, għeżież ħuti fis-saċerdozju – nistaqsikom – tafu x’inhuma l-ġrieħi tal-parruċċani tagħkom?  Tħossuhom?  Intom qrib tagħhom?  Din hi l-unika mistoqsija

3. Ħniena la tfisser komma wiesgħa u lanqas riġidità

Lura għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.  Lilna l-qassisin spiss jiġrilna li nisimgħu b’xi esperjenza min-naħa tal-fidili tagħna li jirrakkuntawlna kif fil-Qrar iltaqgħu ma’ saċerdot “strett” iżżejjed, jew inkella “laxk” ħafna, rigorista jew laxk.  U dan m’hux sewwa.  Hu normali li fost il-konfessuri jkun hemm differenzi fl-istili, imma dawn id-differenzi m’għadhomx ikunu fis-sustanza, jiġifieri fid-duttrina morali sana u fil-ħniena.  La min hu idu miftuħa żżejjed u lanqas min hu idu magħluqa m’hu jagħti xhieda tajba ta’ Ġesù Kristu, għax la wieħed u lanqas l-ieħor m’hu jidħol fiż-żarbun tal-persuna li qed jiltaqa’ magħha.  Ir-rigorista jaħsel idejh: fil-fatt isallabha ma’ liġi bl-aġir indifferenti u riġidu tiegħu; il-laxk, min-naħa l-oħra, ukoll jaħsel idejh: minn barra biss jidher ħanin, imma fir-realtà ma jkunx qed jieħu bis-serjetà l-problema ta’ dik il-kuxjenza, u jċekken il-gravità tad-dnub.  Il-ħniena vera tidħol fiż-żarbun tal-persuna, tismagħha b’attenzjoni, tersaq bir-rispett u bil-verità qrib il-qagħda li tinsab fiha, u sseħibha fil-mixja tar-rikonċiljazzjoni.  U dan, iva, bla dubju hu biċċa xogħol iebsa.  Is-saċerdot li hu tabilħaqq ħanin iġib ruħu bħar-Ragħaj it-Tajjeb imma għaliex jagħmel hekk?  Għax qalbu taf tagħder, hi l-qalb ta’ Kristu!

Nafu sewwa li la l-laxkiżmu u lanqas ir-rigoriżmu ma jkabbru l-qdusija.  Forsi xi rigoristi jidhru qaddisin, qaddisin  Imma aħsbu ftit f’Pelaġju u mbagħad nitkellmu  Ma jqaddsux lill-qassis, u ma jqaddsux lill-fidili, u la l-laxkiżmu u lanqas ir-rigoriżmu!  Imma hi l-ħniena li ssieħeb il-mixja tal-qdusija, isseħibha u tkabbarha  Ħafna xogħol għal kappillan?  Veru, ħafna xogħol!  U b’liema mod jista’ jsieħeb u jgħin tikber il-mixja tal-qdusija?  Permezz tat-tbatija pastorali, li hi waħda mill-għamliet ta’ ħniena.  Xi tfisser tbatija pastorali?  Tfisser li tbati għall-persuni u tbati magħhom.  U din m’hix ħaġa ħafifa!  Tbati bħalma missier u omm ibatu għal uliedhom; ippermettuli ngħid, anki b’xi ftit ansjetà

Biex infisser ruħi sew, sa nagħmel lilkom ukoll xi mistoqsijiet li lili jgħinuni meta saċerdot jiġi għandi.  Jgħinuni anki meta nkun waħdi quddiem il-Mulej!

Għidli: Int tibki?  Jew tlifnieh kollu d-dmugħ?  Niftakar li fil-Missali l-qodma, dawk ta’ dari, hemm talba sabiħa ħafna għad-don tad-dmugħ.  Kienet tibda hekk din it-talba: “Mulej, Int li ordnajt lil Mosè jolqot il-blata biex minnha joħroġ l-ilma, olqot il-blata ta’ qalbi biex id-dmugħ”: hekk kienet tgħid xi ftit jew wisq din it-talba.  Kienet sabiħa ħafna.  Imma kemm minna nibku quddiem it-tbatija ta’ tifel, quddiem it-tifrik ta’ familja, quddiem tant persuni li ma jistgħux isibu triqithom?  Il-biki tal-qassis  Int tibki?  Jew f’dan il-presbiterju tlifna d-dmugħ kollu?

Tibki għall-poplu tiegħek?  Għidli, tagħmilha t-talba ta’ interċessjoni meta tkun quddiem it-Tabernaklu?

Teħodha int xejn mal-Mulej għall-poplu tiegħek, kif għamel Abraham: “U jekk ikun hemm inqas?  Jekk jinstabu tletin?  Jekk jinstabu hemm għoxrin?” (ara Ġen 18:22-33).  Dik it-talba qalbiena ta’ interċessjoni  Aħna nitkellmu dwar parresia, dwar kuraġġ appostoliku, u naħsbu għall-pjani pastorali, u dan hu sewwa; imma l-istess parresia għandna bżonnha wkoll fit-talb.  Teħodha mal-Mulej?  Tiddiskuti mal-Mulej kif għamel Mosè?  Meta l-Mulej kien xeba’ għal kollox, għeja jissaporti l-poplu tiegħu, u qallu: “Int tħabbel moħħok xejn… neqridhom ilkoll, u nagħmel minnek kap ta’ poplu ieħor”; “Le, le!  Jekk trid teqred lill-poplu, eqred lili wkoll”.  Imma dawn kellhom il-gazz!  U jien nistaqsi: Aħna għandna l-gazz neħduha ma’ Alla għall-ġid tal-poplu tagħna?

Mistoqsija oħra li rrid nagħmel: Fil-għaxija, kif tagħlaqha l-ġurnata tiegħek?  Mal-Mulej jew mat-televiżjoni?

X’relazzjoni għandek ma’ dawk li jgħinuk tkun iżjed ħanin?  Jiġifieri, x’relazzjoni għandek mat-tfal, ma’ l-anzjani, mal-morda?  Taf tmellishom, jew tistħi żżiegħel b’anzjan?

La tistħix mill-ġisem ta’ ħuk (ara Reflexiones en esperanza, kap. I).  Fl-aħħar mill-aħħar, għad niġu ġġudikati fuq kemm kellna l-ħila nersqu lejn “kull ġisem” – dan Isaija.  Tistħix minn ġisem ħuk.  “Kun proxxmu tiegħu”: kun qrib tiegħu, qrib il-ġisem ta’ ħuk.  Il-qassis u l-Levita li għaddew qabel is-Samaritan it-tajjeb ma għarfux jersqu qrib ta’ dik il-persuna li l-ħallelin tat-triq qabżu fuqha u ħallewha għal mejta.  Qalbhom kienet magħluqa.  Aktarx li l-qassis ħares lejn l-arloġġ u qal: “Irrid immur għall-Quddiesa, ma nistax nasal tard għall-Quddiesa”, u baqa’ sejjer.  Ġustifikazzjonijiet!  Kemm drabi nagħmlu dawn il-ġustifikazzjonijiet, biex induru minn barra mal-problema, mal-persuna.  L-ieħor, il-Levita, jew l-imgħallem tal-liġi, l-avukat, qal: “Le, ma nistax, għax jekk nagħmel dan, għada jkolli nitla’ bħala xhud, u noqgħod naħli ż-żmien…”.  L-iskużi!…  Kellhom qalbhom magħluqa.  Imma qalb magħluqa tfittex dejjem li tiġġustifika ruħha għal dak li ma tkunx għamlet.  Mill-banda l-oħra, is-Samaritan jiftaħ qalbu, jitqanqal minn ġewwa nett, u dan it-taħrik ġewwieni jinbidel f’għemil prattiku, f’intervent konkret u effikaċi biex jgħin lil dik il-persuna.

Fl-aħħar taż-żminijiet, jitħalla biss jidħol jikkontempla l-ġisem igglorifikat ta’ Kristu min ma jkunx staħa mill-ġisem ta’ ħuh miġruħ u mwarrab.

Nistqarr magħkom, xi kultant lili jagħmilli tajjeb naqra l-lista li fuqha għad niġi ġġudikat, jagħmilli sew: qiegħda f’Mattew 25.

Dan li ġieni f’moħħi biex naqsmu magħkom.  Kont spontanju, għidt li ġie ġo moħħi…  [Il-Kardinal Vallini: “X’eżami sabiħ tal-kuxjenza!”]  Jagħmlilna tajjeb.  [applawsi]

Fi Buenos Aires – nitkellem dwar saċerdot ieħor – kien hemm konfessur famuż: dan kien Sagramentin.  Kważi l-kleru kollu kien imur iqerr għandu.  Meta, darba mid-darbtejn li ġie, Ġwanni Pawlu II talab li jkollu konfessur fin-Nunzjatura, mar hu.  Hu anzjan, anzjan ħafna…  Kien Provinċjal ta’ l-Ordni tiegħu, professur… imma dejjem baqa’ konfessur, dejjem.  U dejjem bil-kju, hemm, fil-knisja tas-Santissmu Sagrament.  F’dak iż-żmien, jien kont Vigarju Ġenerali u kont noqgħod il-Kurja, u kull fil-għodu, kmieni, kont ninżel nara daħlitx xi ħaġa bil-fax.  U nhar l-Għid fil-għodu sibt din il-fax tas-superjur tal-komunità: “Il-bieraħ, nofs siegħa qabel il-Velja ta’ l-Għid, ħalliena Padre Aristi, fl-età ta’ 94 – jew 96? – sena.  Il-funeral se jsir fit-tali jum…”.  U nhar l-Għid fil-għodu jien kelli mmur għall-ikla mas-saċerdoti fid-dar ta’ l-anzjani – ħaġa li kont nagħmel kull sena fl-Għid –, u mbagħad – għidt bejni u bejn ruħi – wara l-ikel immur il-knisja.  Kienet knisja kbira, kbira ħafna, bi kripta l-ġmiel tagħha.  Inżilt fil-kripta fejn kien hemm it-tebut, u żewġ nisa anzjani li kienu qed jitolbu hemm, imma fjuri xejn.  Ħsibt: Imma dan il-bniedem, li ħafer id-dnubiet tal-kleru kollu ta’ Buenos Aires, anki tiegħi, lanqas fjura waħda…  Tlajt u mort għand ħanut tal-fjuri – għax fi Buenos Aires f’salib it-toroq issib lil tal-fjuri, fit-toroq, fil-postijiet fejn taqa’ n-nies – u xtrajt bukkett fjuri, tal-ward…  U rġajt lura u bdejt inżejjen it-tebut bil-fjuri…  U lmaħt il-kuruna tar-Rużarju li kellu f’idu…  U dritt għadda ħsieb minn moħħi – dak il-ħalliel li hemm f’kull wieħed minna, le? –, u jien u nirranġa l-fjuri, qbadt is-salib tal-kuruna, u bi ftit tas-saħħa qlajtu minn magħha.  U dak il-ħin ħarist lejh u għidtlu: “’Tini mqar nofs il-ħniena li kellek int”.  Ħassejt xi ħaġa qawwija ġo fija tagħmilli l-kuraġġ biex nagħmel dan u nitlob hekk!  U mbagħad, dak is-salib poġġejtu hawn, fil-but.  Is-suttana tal-Papa ma fihiex bwiet, imma jien dejjem inġorr hawn borża ċkejkna tad-drapp, u minn dak in-nhar sal-lum, dak is-salib inżommu fuqi.  U meta jgħaddili ħsieb ħażin kontra xi ħadd, idi dlonk tmur fuq hawn, dejjem.  U nħoss il-grazzja!  Inħossu jagħmilli l-ġid.  Kemm jagħmel ġid l-eżempju ta’ saċerdot ħanin, ta’ saċerdot li joqrob lejn il-ġrieħi…

Jekk taħsbu ftit, intom żgur li kontu tafu bosta, bosta minn dawn, għax is-saċerdoti ta’ l-Italja huma tajbin!  Huma tajbin.  Jien nemmen li jekk l-Italja għadha daqshekk b’saħħitha, dan mhux daqshekk minħabba fina l-Isqfijiet, imma minħabba fil-kappillani, fil-qassisin!  Veru, dan veru!  M’hux ftit inċens biex infarraġkom, imma għax hekk inħossha.

Il-ħniena.  Aħsbu f’tant saċerdoti li qegħdin il-Ġenna u itolbuhom din il-grazzja!  Ħa jagħtukom dik il-ħniena li kellhom huma mal-fidili tagħhom.  U dan jgħinkom.

Grazzi ħafna li smajtuni u li ġejtu hawn.

 

Angelus Domini…