«Mulej, seddaq fina l-fidi!» (Luqa 17,5). Din kienet mistoqsija spontanja tad-dixxipli meta l-Mulej kien qed ikellimhom dwar il-ħniena u qal li għandna  naħfru seba’ għal sebgħin darba. “Kattar fina l-fidi”, nitolbu aħna wkoll fil-bidu ta’ din il-konversazzjoni.  Nitolbu dan bis-sempliċità tal-Katekiżmu, li jgħidilna: «Biex tgħix, tikber u tippersevera fil-fidi sal-aħħar, trid tmantnieha bil-Kelma t’Alla; irridu nitolbu lill-Mulej ikattarhielna».  Hija fidi li «għandha topera “permezz tal-karità” (Gal 5,6; cfr Ġak. 2,14-26), tkun mirfuda mit-tama (cfr Rm 15,13) u radikata fil-fidi ta-Knisja» (n.162).

Hu ta’ għajnuna għalija nistrieħ fuq tliet punti solidi: il-memorja, it-tama u d-dixxerniment tal-mument.  Kif jgħid il-­Katekiżmu, il-memorja għandha għeruqha fil-fidi tal-Knisja, fil-fidi ta’ missierijietna; it-tama hi dik li ssostnina fil-fidi; u d-dixxerniment tal-mument inżommu quddiem għajnejja fil-waqt li nkun irrid naġixxi, li nqiegħed fis-seħħ “dik il-fidi li taħdem permezz tal-karità”.

Se nifformulaha b’dal-mod:

- Jien għandi tiegħi, wegħda – dejjem huwa importanti niftakru l-wegħda tal-Mulej li qegħedni fi triq -.

- Jien qiegħed f’mixja – għandi ­t-tama -: it-tama turini x-xefaq, tiggwidani: hija l-kewkba u dak li jsostnini, l-ankra, ankrata ma’ Kristu.

- U, fil-mument speċifiku, f’kull salib it-toroq jeħtieġli niddixxerni t-tajjeb konkret, il-pass ‘il quddiem fl-imħabba li nista’ nagħmel, u wkoll il-mod li l-Mulej iridni nagħmlu..

­Li niftakru fil-grazzji tal-passat jagħti lill-fidi tagħna s-solidità tal-inkarnazzjoni; iqiegħda fil-kwadru ta’ storja, l-istorja tal-fidi ta’ missierijietna li «mietu bil-fidi mingħajr ma kienu għadhom ħadu dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu» (Lhud 11,13)[1].  Aħna, «imdawrin minn għadd tant kbir ta’ xhieda» aħna u nħarsu lejn fejn iħarsu huma, «inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna, li nissel il-fidi u wassalha għall-milja tagħha» (Lhud 12,2).

Min-naħa tagħha, it-tama hi dik li tiftaħ il-fidi lejn is-sorpriżi t’Alla.  Alla tagħna hu dejjem akbar minn kull ma nistgħu naħsbu u nimmaġinaw dwaru, dwar dak li hu tiegħu u tal-mod kif jaħdem fl-istorja.  Meta aħna miftuħin għat-tama, il-fidi tagħna tikseb freskezza u oriżżonti.  Mhix il-ftuħ lejn immaġinazzjoni viżjonarja li għandha mnejn tipproġettalna fantasija u xewqat personali, imma ftuħ li bih nitqanqlu biex naraw ‘il Ġesù mneżża’, «li, flok l-hena li kelllu quddiemu qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla» (Lhud 12,2).  Paradossalment, it-tama li tattira mhix dik iġġenerata mill-Mulej trasfigurat, imma x-xbieha tal-għajb tiegħu.  «Niġbed lil kulħadd lejja» (Ġw 12,32).  Hu l-Mulej mogħti kollu kemm hu fuq is-Salib li jattirana, għax jikxef il-possibiltà li (t-tama) tkun aktar awtentika.  Hi l-għera ta’ dak li l-wegħda ta’ Alla m’għamilhiex tiegħu, imma bħala testatur veru, għadda l-fjakkola lil uliedu: «Fejn ikun hemm testment, ikun meħtieġ li tixxandar il-mewt ta’ min għamlu» (Lhud 9,16).

Fl-aħħar, id-dixxerniment hu dak li jagħmel il-fidi konkreta, dak li jagħmilha «taħdem permezz tal-imħabba» (Gal 5,6), dak li jipperrmettilna nagħtu xhieda kredibbli: «bl-għemil tiegħi nurik il-fidi tiegħi» (Ġak 2,18).  Qabel kollox, id-dixxerniment iħares lejn dak li jogħġob lil Missierna, «li jara fil-fond ta’ qalbna» (Mt 6,4.6), ma jħarisx lejn il-mudelli tal-perfezzjoni tal-arketipi kulturali.  Id-dixxerniment hu “waqt” għax huwa attent, kif kienet il-Madonna f’Kana, għall-ġid tal-proxxmu li jista’ jwassal lill-Mulej jantiċipa “s-siegħa tiegħu” jew li “jaqbeż” Sibt biex jerġa’ jqajjem fuq saqajh li min kien paraliżżat.  Id-dixxerniment tal-waqt opportun (kairos) fundamentalment hu għani bil-memorja u t-tama: għax jiftakar bl-imħabba, jitfa’ ħarstu luċida fuq l-aħjar mod li bih jiggwida lejn il-Wegħda.

U dak li jmexxi l-aħjar, dejjem hu f’relazzjoni mas-salib.  Bil-mod li bih ninfatam mir-rieda tiegħi, b’dak id-dramm interjuri ta’ «mhux kif irrid jien, imma kif trid int» (Mt 26,39), li jqegħedni f’idejn il-Missier b’mod li jkun Hu li jmexxili ħajti.

Nikbru fil-fidi

Għal mument se nerġa’ ndur fuq it-tema tat-“tkabbir”.  Jekk terġgħu taqraw bl-attenzjoni l-Evangelii Gaudium – li hu dokument programmatiku – taraw li jitkellem dejjem dwar it-“tkabbir” u l-”maturazzjoni”, kemm fil-fidi u wkoll fl-imħabba, fis-solidarjetà daqskemm fil-fehim tal-Kelma [2].   L-Evangelii Gaudium għandha perspettiva dinamika.  «Il-mandat missjunarju tal-Mulej jiġbor fih ukoll l-appell biex nikbru fil-fidi meta jindika: “kien jgħallimhom josservaw dak kollu li ordnalhom hu” (Mt 28,20).  Hekk jidher ċar li l-ewwel tħabbira għandha ukoll tkun il-bidu  ta’ mixja ta’ formazzjoni u maturazzjoni» (n. 160).

Nisħaq dan: mixja ta’ formazzjoni u maturazzjoni fil-fidi.  Li nieħdu dan bis-serjetà jimplika li «ma jkunx korrett li dan l-appell ikun interpretat esklussivament jew prijoritarjament għat-tkabbir ta’ sempliċi formazzjoni dottrinali» (n.161).  It-tkabbir fil-fidi jsir permezz tal-laqgħat mal-Mulej tul il-mixja tal-ħajja.  Dawn il-laqgħat jitħarsu bħala teżor fil-memorja u huma l-fidi ħajja tagħna, storja ta’ salvazzjoni personali.

L-esperjenza ta’ dawn il-laqgħat hi dik ta’ milja mhux mitmuma.  Mhux sħiħa, għax għandna nkomplu mexjin: milja, għaliex, bħal fl-affarijiet umani u divini kollha, f’kull parti hemm is-sħiħ [3].  Dil-maturazzjoni kostanti tiswa kemm għad-dixxiplu kif ukoll għall-missjunarju, għas-seminarista daqskemm għas-saċerdot u għall-isqof.  Fl-aħħar mill-aħħar hija dak iċ-ċirku ta’ virtù li jirreferi għalih id-dokument ta’ Aparecida li kien ħoloq il-formula “dixxipli missjunarji”.

Il-punt fundamentali tas-salib

Meta nitkellem dwar punti fundamentali, jew li huma “fus”, għandi quddiemi l-immaġni tal-pleyer ta’ baskitbol li jwaħħal il-“pivot foot” mal-art u jagħmel movimenti biex jipproteġi l-ballun, jew biex isib spazju ħalli jqassmu, jew biex jibda l-ġirja ħalli jmur lejn il-“basket”.  Għalina, dik is-sieq inkullata mal-art, li nduru fuqha, hija s-Salib ta’ Kristu.  Frażi miktuba fuq il-ħajt tal-kappella tad-Dar tal-Eżerċizzi ta’ San Miguel (Buenos Aires) kienet tgħid: “Iffissa ħarstek fuq is-Salib, filwaqt li d-dinja ddur” [“Stat crux dum volvitur orbis”, motto ta San Bruno u taċ-Certosini].  Imbagħad wieħed jiċċaqlaq, jipproteġi l-ballun, bit-tama li jagħmel il-“basket” u jfittex jifhem lil min se jqassmu.

Il-fidi – il-progress u t-tkabbir fil-fidi – titwaqqaf dejjem fuq is-Salib: «Hekk Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni» ta’ «Kristu msallab: skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani» (1 Kor 1,21.23).  Għalhekk, kif tgħidilna l-Ittra lil-Lhud: «meta nżommu ħarsitna fuq Ġesù, dak li welled il-fidi u wassalha għall-milja tagħha» aħna naġixxu u nitħarrġu fil-memorja – billi niftakru «fl-għadd bla qies tax-xhieda» - u nibqgħu niġru bit-tama «it-triq tat-tiġrib li għandna quddiemna», niddixxernu t-tentazzjonijiet kontra l-fidi «mingħajr ma negħjew u mingħajr ma naqtgħu qalbna» (cfr Lhud 12,1-3).

Memorja Dewteronomika

Fl-Evangelii Gaudium ridt nagħti importanza lid-dimensjoni tal-fidi li nsejħilha Dewteronomika, b’analoġija mal-memorja ta’ Iżrael:

«Il-ferħ tal-evanġeliżżazzjoni jilma dejjem fl-isfond tal-memorja mimlija gratitudni: hija grazzja li hemm bżonn nitolbu għaliha.  L-Appostli qatt ma nsew il-waqt li fih Ġesù missilhom qlubhom: “Kien madwar l-erbgħa ta’ waranofsinhar” (Ġw 1,39)» (n.13).

«Fost l-għadd bla qies tax-xhieda” […] jiddistingwu ruħhom xi persuni li b’mod speċjali kellhom influwenza kbira biex il-ferħ tat-twemmin tagħna jwarrad: “Ftakru fil-kapijiet tagħkom, dawk li ħabbrulkom il-Kelma t’Alla (Lhud 13,7).  Kultant ikunu nies sempliċi u qrib tagħna  li jkunu wellduna għall-ħajja tal-fidi: “Niftakar fil-fidi vera li kellhom nanntek Lojd u ommok Ewniki” (2 Tim 1,5).  Dak li jemmen, fundmentalment hu “dak li jiftakar” (ibid.)

Il-memorja żżoqq u tmantni l-fidi.  Il-memorja tal-Patt li l-Mulej għamel magħna: Huwa Alla ta’ missirijietna u tan-nannietna.  Mhux Alla tal-aħħar mument, Alla bla storja ta’ familja, Alla li biex iwieġeb għal kull arketipu jrid jiskarta dawk ta’ qabel qieshom xi ħaġa qadima u ridikola.  L-istorja tal-familja “qatt ma toħroġ mill-moda”.  L-ilbies u l-kpipel tan-nanniet jidhru qodma, ir-ritratti jidhru kulur sepja, imma l-affetti u l-kuraġġ ta’ missirijietna, li taw kollox biex issa aħna hawn u jkollna dak kollu li għandna, huma fjamma mixgħula f’kull qalb nobbli.

Inżommu tajjeb quddiem għajnejna li l-progress fil-fidi mhux sempliċi proponiment tal-volontà li min issa ‘l quddiem se nemmnu aktar: huwa wkoll eżerċizzju li bih nerġgħu lura lejn il-grazzji fundamentali li rċevejna permezz tal-fakra.  Nistgħu nagħmlu “progress b’lura”, billi mmorru nfittxu teżori u esperjenzi minsija u li hafna drabi huma ċ-ċavetta biex nifhmu l-preżent.  Din hi l-vera “rivoluzzjoni”: li mmorru lura lejn l-għeruq.  Daqskemm hi ċara l-memorja tal-passat daqstant ieħor jidher aktar ċar il-futur, għax wieħed ikun jista’ jara t-triq verament ġdida u jgħażilha minn dawk li jkun diġà terraq u li ma kienu wasslu mkien.  Il-fidi tikber billi niftakru, nikkollegaw l-affarijiet mal-istorja reali mgħejxa minn missirijietna u mill-poplu t’Alla kollu, mill-Knisja kollha.

Għalhekk, l-Ewkaristija hija l-Memorjal tal-fidi tagħna, dak li jpoġġina dejjem f’qagħda ġdida, kuljum, fl-avveniment fundamentali tas-salvazzjoni tagħna, fil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej, ċentru u fus tal-istorja. Induru dejjem lejn dan il-Memorjal – inqegħduh fis-seħħ f’Sagrament li jibqa’ għaddej matul il-ħajja – dan ifisser li nagħmlu progress fil-fidi.  Kif kien jgħid San Alberto Hurtado: «Il-Quddiesa hi ħajti u ħajti hi Quddiesa mtawwla» [4].

Biex nitla’ ħdejn l-għejun tal-memorja, jgħinni dejjem naqra mill-ġdid pass tal-Profeta Ġeremija u ieħor tal-Profeta Hosegħa, li fihom huma jkellmuna dwar dak li l-Mulej jiftakar dwar il-Poplu tiegħu.  Għal Ġeremija, il-memorja tal-Mulej hi dik ta’ għarusa maħbuba taż-żgħożija li mbagħad tkun infidila.  «Niftakar fik – jgħid lil Iżrael -, u fl-imħabba ta’ żgħożitek, fl-imħabba fi żmien l-għerusija, meta kont tiġi warajja fid-deżert, […].  Iżrael kien sagru għall-Mulej» (2,2-3).

Lill-poplu tiegħu l-Mulej iċanfru minħabba l-infedeltà, li tidher fl-għażla ħażina:  «Il-poplu tiegħu għamel żewġ żbalji: abbanduna lili li jien għajn ta’ ilma ħaj, u ħaffer bjar, bjar mimlijin xquq li ma jżommux ilma. […]  Imma inti twieġeb: “Le, huwa inutli, għax jien inħobb lill-istranġieri, irrid nissieħeb magħhom» (2,13.25).

Għal Hosegħa, it-tifkira tal-Mulej hi dik tal-iben imfissed u ingrat: «Meta Iżrael kien għadu tarbija, ħabbejtu u sejjaħt lil ibni mill-Eġittu.  Imma aktar ma kont insejħilhom, aktar kienu jitbegħdu minni; […] kienu jaħarqu l-inċens quddiem l-idoli.  Lil Efrajm jien għallimtu jimxi billi żammejtlu idu, imma huma ma fehmux li jien kont qed nieħu ħsiebhom.  Jien kont niġbidhom  bi rbit ta’ tjubija, bi rbit ta’ mħabba, għalihom kont bħal min jerfa’ tarbija ma ħaddejh, kont immil fuqu biex intih jiekol.  […]  Il-poplu tiegħi huwa iebes biex jikkonverti» (11,1-4,7).  Illum, bħal dak iż-żmien, l-infedeltà tar-rgħajja teffettwa lill-foqra tal-poplu fidil, li jaqgħu vittmi tal-barrranin u tal-idolatri.

Tama mhux biss fil-futur

Il-fidi tmantni ruħha u tagħmel progress bis-saħħa tat-tama.  It-tama hi l-ankra, ankrata fis-Sema, ankrata mal-futur traxxendenti, li l-futur temporali tiegħu – meqjus f’forma linejari – huwa biss espressjoni.  It-tama hi dik il-ħarsa li tagħti d-dinamiżmu lill-ħarsa lura lejn il-fidi, li tmexxi lejn l-iskoperta ta’ ħwejjeġ ġodda fil-passat – fit-teżori tal-memorja – għax tiltaqa’ mal-istess Alla li tittama li għad tara fil-futur.  Minbarra dan, it-tama tinfirex ‘l hinn mill-limiti, fil-wisa’ kollu u fis-sustanza kollha tal-kuljum u tal-immedjat, u tara possibiltajiet ġodda fil-proxxmu u f’dak li jista’ jsir hawn, illum.  It-tama hi li fil-wiċċ tal-foqra li niltaqa’ magħhom illum, ikolli ħila nara lill-istess Mulej li ġurnata għad jiġi biex jiġġudikana skont il-protokoll ta’ Mattew 25: «Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi» (v.40).

Bl-emmna f’dan “l-impuls” traxxendentali dejjem jiċċaqlaq – li jkun attiv u operanti -, il-fidi timxi ‘l quddiem eżistenzjalment lejn il-futur, imma wkoll lejn il-passat u fil-firxa kollha tal-mument preżenti.  B’hekk nistgħu nifhmu sewwa dak li jgħid Pawlu lill-Galatin, meta jgħid li dak li jgħodd «huwa l-fidi li titħaddem permezz tal-karità» (5,6): karità li meta jkollha l-memorja, tieħu l-ħajja hi u tistqarr, bit-tifħir u l-ferħ, li l-imħabba diġà ingħatatilha: karità li meta tħares ‘il quddiem u ‘l fuq, tistqarr ix-xewqa tagħha li tespandi l-qalb bil-milja tal-Akbar Ġid; dawn iż-żewġ stqarrijiet ta’ fidi għanja bil-gratitudni u t-tama, jissarrfu fl-azzjoni ta’ issa: il-fidi tkun mistqarra fil-prattika, billi noħorġu minna nfusna u nidħlu fit-traxxendenza tal-adorazzjoni u tas-servizz.

Dixxerniment tal-waqt

B’hekk naraw kif il-fidi, id-dinamiżmu miksub mit-tama li niskopru lil Kristu fis-sustanza tal-preżent, hi marbuta mad-dixxerniment.

Huwa propju d-dixxerniment li l-ewwel jagħmel il-pass lura, bħal min jersaq xi ftit lura biex jara l-panorama aħjar.  Dejjem hemm tentazzjoni fl-ewwel impuls li jistimulana biex xi ħaġa nsolvuha minnufih.  F’das-sens nemmen li hemm l-ewwel dixxerniment, kbir u stabbilit, jiġifieri dak li ma jħallix il-qawwa tal-ħażen tingannah, imma li jaf jara r-rebħa tas-Salib ta’ Kristu f’kull sitwazzjoni umana.  F’dal-punt nixtieq nerġa’ naqra magħkom silta sħiħa mill-Evangelii Gaudium, għax tgħinna niddixxernu dit-tentazzjoni perikuluża li nsejħilha pessimiżmu sterili:

«Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imqarras li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa.  Ħadd ma jista’ jidħol għal battalja jekk sa minn qabel ma jittamax għalkollox fi trijonf.  Min jitlaq bl-ewwel passi mingħajr ma jkollu fiduċja diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu.  Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru dak li qal il-Mulej lil San Pawl: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).  It-trijonf Nisrani dejjem hu salib, imma salib li fl-istess ħin hu stendard ta’ rebħa, li nġorruh bi ħlewwa lesta biex tissielet kontra l-attakki tal-ħażen.  L-ispirtu ħażin tat-telfa hu ħu t-tentazzjoni li nifirdu qabel iż-żmien il-qamħ mis-sikrana, frott nuqqas ta’ fiduċja anzjuż u egoċentriku.  (…) Hu x’inhu, f’dawk iċ-ċirkustanzi aħna msejħin inkunu ġarar ta’ ilma ħaj biex nagħtu jixrob lill-oħrajn.  Kultant il-ġarra tinbidel f’salib tqil, imma hu propju fuq is-Salib li l-Mulej, b’ġenbu minfud, ingħata għalina bħala għajn ta’ ilma ħaj.  Ma nħallux lil min jisirqilna t-tama! (85-86).

Dawn l-espressjonijiet «ma nħallux min jisirqilna....», jitnisslu fija mir-regoli tad-dixxerniment ta’ San Injazju, li d-drawwa tiegħu hi li jippreżenta lid-demonju bħala ħalliel.  Iġib ruħu bħall-kaptan – jgħid Injazju – li biex jirbaħ u jisraq dak li jixtieq, jattakkana fl-aktar punt debboli tagħna (cfr Eżerċizzi Spiritwali, 327).  U fil-każ tagħna, bħalissa, nemmen li qed jisirqilna l-ferħ – li hu qiesu qed jisirqilna l-preżent [5] – u t-tama – il-ħruġ. Il-mixi -, li huma l-grazzji li l-aktar nitlob għalihom u li nitlob mill-oħrajn, għall-Knisja f’daż-żmien.

F’dal-punt huwa importanti li jsir pass ‘il quddiem u jingħad li l-fidi tagħmel progress meta, fiż-żmien preżenti, niddixxernu kif nistgħu nagħmlu l-imħabba konkreta bl-aħjar mod possibbli, bi qbil mal-ġid tal-ieħor.  L-ewwel ġid tal-ieħor hu li jkun jista’ jikber fil-fidi.  It-talba ħerqana komunitarja tad-dixxipli «Kattar fina l-fidi!» (Lq 17,6) tistor fiha l-għarfien li l-fidi hi beni komunitarju.  Hu meħtieġ ukoll nikkunsifraw li t-tfittxija għall-ġid tal-oħrajn idaħħalna f’riskju.  Kif tgħid l-Evangelii Gaudium:

«Qalb missjunarja taf (.....) li hi stess jeħtieġ tikber fl-għarfien tal-Vanġelu u fid-dixxerniment tal-mogħdijiet tal-Ispirtu, u allura qatt ma tgħid le għall-ġid li jista’ jir, anzi lesta li tidħol għar-riskju li titħammeġ bit-tajn tat-triq» (45).

F’dan id-dixxerniment hemm impliċitu l-att ta’ fidi fi Kristu preżenti fl-ifqar fost il-fqar, fl-iżgħar, fin-nagħġa l-mitlufa, fil-ħabib li ma jeżistix.  Kristu preżenti f’min jiġi jiltaqa’ magħna – billi jippreżenta ruħu, bħal Żakkew jew il-midinba li tidħol bil-ġarra tal-fwieħa tagħha kważi mingħajr ma turi ruħha, bħall-mara li kienet tbati bin-nixxiegħa tad-demm -; jew Kristu preżenti f’min nersqu lejn aħna stess, għax tiġina ħniena minnu meta narawh mill-bogħod, mitfugħ fil-ġenb tat-triq.  Li nemmnu li hemmhekk hemm Kristu, meta niddixxernu l-mod kif nistgħu nagħmlu pass żgħir lejH, għall-ġid ta’ dik il-persuna, huwa progress fil-fidi.  Daqstant ieħor hu progress fil-fidi meta nfaħħru, meta nixtiequ aktar, dan hu progress fil-fidi.

Jista’ jkun ta’ fejda għalina nieqfu ftit issa fuq dan il-progress fil-fidi li jiġi mid-dixxerniment tal-mument.  Il-progress fil-fidi li hemm fil-memorja u fit-tama huwa aktar żviluppat.  Iżda, dan il-waqt tad-dixxerniment tal-mument forsi mhux daqstant.  Jista’ jidher, addirittura li fejn hemm il-fidi m’għandux ikun hemm il-ħtieġa tad-dixxerniment: nemmnu u biżżejjed.  Imma dan hu perikoluż, l-aktar jekk l-atti ta’ fidi li għandhom id-dinamiżmu li għadna kif rajna, imġeddin f’Persuna – fi Kristu Mulej tagħna – jinbidlu ma’ atti ta’ fidi sempliċiment intellettwali, li d-dinamiżmu tagħhom jikkonsma ruħu fir-riflessjonijiet li nagħmlu u fl-elaborazzjoni ta’ formuli astratti.  Il-formulazzjoni konċettwali hija mument meħtieġ għall-ħsieb, bħal meta nagħżlu mezz ta’ trasport biex naslu ximkien.  Imma l-fidi ma teżawrix ruħha f’xi formula astratta u lanqas il-karità m’hi biss xi ħaġa tajba partikolari, imma il-karatteristiċi tal-fidi u tal-karità huma l-progress li jsir bil-ftuħ lejn aktar fiduċja u lejn ġid komuni akbar.  Il-karatteristika tal-fidi hi li tkun “operanti”, attiva u l-istess il-karità.  U l-qies ta’ dan hu propju d-dixxerniment.  Infatti l-fidi tista’ tiffosiliżża ruħha meta tippreserva l-imħabba li rċeviet u tittrasformaha f’oġġett li għandu jingħalaq f’mużew; u l-fidi tista’ wkoll tevapora meta tipproġetta mħabba mixtieqa u tittrasformaha f’oġġett virtwali li jeżisti biss fil-gżira tal-utopiji.  Id-dixxerniment tal-imħabba reali, konkreta u possibbli fil-mument preżenti, favur il-proxxmu li drammatikament hu l-aktar fil-bżonn, jara li l-fidi ssir attiva, kreattiva u effikaċi.

L-ikona ta’ Xmun Pietru “mgħoddija mill-għarbiel”

Biex din ir-riflessjoni rigward il-fidi li tikber bid-dixxerniment tal-mument nagħmluha konkreta, nikkuntemplaw l-ikona ta’ Xmun Pietru “mgħoddija mill-għarbiel” (cfr Luqa 22,31), li l-Mulej ħejja bħala mudell, sabiex bil-fidi tiegħu mgħoddija mit-tiġrib iwettaq lilna lkoll li “nħobbu lil Kristu mingħajr ma rajnieh” (cfr 1 Pietru 1,8).

Nidħlu kompletament fil-paradoss li bih, dak li għandu jwettaqna fil-fidi huwa l-istess wieħed li l-Mulej ta’ spiss iċanfru minħabba n-nuqqas ta’ fidi tiegħu.  Soltu l-Mulej jurina l-eżempji ta’ fidi kbira f’persuni oħrajn.  B’enfasi kbira ħafna drabi jfaħħar il-fidi ta’ persuni sempliċi u ta’ oħrajn li mhumiex parti mil-poplu ta’ Iżrael – naħsbu fiċ-ċenturjun (cfr Luqa 7,9) u fil-mara Siro-Feniċja (cfr 15,28) – filwaqt li lid-dixxipli – lil Xmun Pietru b’mod partikolari – spiss iċanfarhom minħabba «l-fidi żgħira tagħhom» (Mt 14,31).

Filwaqt li nżommu f’moħħna li r-riflessjonijiet tal-Mulej rigward il-fidi kbira jew il-fidi żgħira għandhom għan pedagoġiku u huma stimolu biex ikattar ix-xewqa tat-tkabbir fil-fidi, nikkonċentraw fuq mument ċentrali fil-ħajja ta’ Xmun Pietru, dak li fih Ġesù jgħidlu li “talab” għall-fidi tiegħu.  Hu l-waqt li jseħħ qabel il-passjoni: l-Appostli għadhom kif kienu qed jiddiskutu dwar min fosthom huwa t-traditur u min hu l-akbar, u lil Xmun Ġesù jgħidlu:

«Xmun, Xmun!  Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħ addikom mill-għarbiel bħall-qamħ; imma jien tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa.  Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek» (Luqa 22,31-32).

Ħa nfissru aħjar dal-kliem, għax il-petizzjonijiet tal-Mulej lill-Missier huma ħwejjeġ li rridu ngħożżuhom fi qlubna.  Nikkunsidraw li l-Mulej “jitlob” [6] għal Xmun filwaqt li qed jaħseb fina.  It-traduzzjoni ta’ “ma tiġix nieqsa” hi ekleipo – li minnha toħroġ “sparizzjoni” – u hija plastika ħafna l-immaġni ta’ fidi li tisparixxi minħabba l-iskandlu tal-passjonijiet.  Hija dik l-esperjenza li aħna nsejħulha deżolazzjoni: xi ħaġa li tgħatti d-dawl.

Li nduru lura (epistrepsas) hawhnhekk jesprimi s-sens tal-“konverżjoni”, li nirritornaw għall-faraġ wara esperjenza ta’ deżolazzjoni u li nkunu għaddejna mill-għarbiel min-naħa tax-xitan.

“Konferma” (sterizon) tingħad fis-sens ta’ “konsolidament” (histemi) tal-fidi biex min issa ‘l quddiem tkun “ta’ rieda sħiħa” (cfr Luqa 9,51).  Fidi li ebda riħ dottrinali ma jkun jista’ jkaxkarha miegħu (Ef 4,14).  Aktar ‘il quddiem nerġgħu nieqfu mill-ġdid fuq “il-mogħdija mill-għarbiel”.  Nistgħu naqraw mill-ġdid kliem il-Mulej b’dal-mod:

“Xmun, Xmun, […] jien tlabt lill-Missier għalik biex il-fidi tiegħek ma tibqax moħbija (minħabba l-wiċċ sfigurat tiegħi, int li rajtu trasfigurat); u int, ladarba tkun ħriġt minn din l-esperjenza ta’ deżolazzjoni li d-demonju approfitta ruħu minnha biex jgħaddik mill-għarbiel, wettaq (b’dil-fidi tiegħek mgħoddija mill-tiġrib) il-fidi ta’ ħutek”.

B’hekk naraw li l-fidi ta’ Xmun Pietru għandha karattru speċjali: hi fidi mgħoddija mit-tiġrib, u biha hu għandu l-missjoni li jwettaq u jsaħħaħ il-fidi ta’ ħutu, il-fidi tagħna.  Il-fidi ta’ Pietru hi anqas minn dik ta’ tant ċkejknin fost il-poplu t’Alla.  Saħansitra hemm xi pagani, bħalma hu ċ-ċenturjun, li għandhom fidi akbar fil-waqt li jkunu qed jimploraw il-fejqan ta’ marid fl-familja tagħhom.  Il-fidi ta’ Xmun hi aktar kajmana minn dik ta’ Marija Madalena u minn dik ta’ Ġwanni.  Ġwanni jemmen biss meta jara is-sinjal tas-sudarju u biss meta sema’ kliem il-Mulej fuq ix-xatt tax-xmara.  Il-fidi ta’ Xmun Pietru għandha waqtiet ta’ kobor, bħal meta jistqarr li Ġesù hu l-Messija, imma wara dawn il-mumenti hemm oħrajn, kważi immedjati, ta’ żbalji kbar, ta’ dgħufija estrema u taħwid totali, bħal meta ried ibiegħed lill-Mulej mis-salib, jew meta, bla rimedju, beda jegħreq fl-għadira, jew meta ried jiddefendi lill-Mulej bix-xabla.  Biex ma nitkellmux dwar il-mument tal-mistħija tat-tliet ċaħdiet quddiem il-qaddejja.

Nistgħu naraw tliet tipi ta’ ħsibijiet, mimlijin affezzjoni [7], li għandhom effett fuq xuxlin waqt it-tiġrib tal-fidi ta’ Xmun Pietru: xi wħud huma ħsibijiet li jitnisslu mill-istess mod ta’ kif inhu magħmul hu; ħsibijiet oħra jkunu provokati direttament mid-demonju (mill-ispirtu malinn); u t-tielet  tip ta’ ħsibijiet huma dawk li jiġu direttament mill-Mulej jew mill-Missier (mill-ispirtu tajjeb).

a) Iż-żewġ ismijiet u x-xewqa li jimxi lejn Ġesù fuq l-ilma

L-ewwelnett naraw x’inhi r-relazzjoni tal-Mulej mal-aspett l-aktar uman tal-fidi ta’ Xmun Pietru.  Qed nitkellem dwar l-awtostima sana li biha bniedem jemmen fih innifsu u fl-ieħor, bil-ħila li jkun dehen li jkun afdat, sinċier u fidil, (prinċipji) li huma s-sies ta’ kull ħbiberija umana.  Hemm żewġ episodji fil-ħajja ta’ Xmun Pietru li fihom nistgħu naraw tkabbir fil-fidi li nistgħu nsejħulha sinċiera.  Sinċiera fis-sens li hi mingħajr kumplikazzjonijiet, li fiha l-ħbiberija tikber b’għarfien aħjar dwar min hu kull wieħed, mingħajr ma jkun hemm dellijiet.   Wieħed hu l-episodju taż-żewġ ismijiet; l-ieħor, meta Xmun Pietru jitlob lill-Mulej jikkmandah biex jersaq lejH miexi fuq l-ilma.

Xmun jidħol fix-xena meta ħuh Indrì jmur ifittxu u jgħidlu: «Sibna l-Messija» (Ġw 1,41); u hu jmur wara ħuh li jieħdu għand Ġesù.  Hemmhekk iseħħ mill-ewwel it-tibdil tal-isem.  Hi għażla li jagħmel il-Mulej, dik  li jkun blata, pedament solidu li fuqu kellu jibni l-Knisja tiegħu.  Ninnutaw li aktar milli jibdillu l-isem ta’ Xmun, fil-fatt dak li jagħmel il-Mulej hu li jżidlu Pietru ma dak li kellu.

Dal-fatt fih innifsu diġà hu raġuni ta’ tensjoni u tkabbir.  Pietru dejjem jibqa’ jdur madawar il-fus li hu l-Mulej, idur u jħoss il-piż u l-moviment taż-żewġ ismijiet tiegħu: dak ta’ Xmun – is-sajjied, il-midneb, il-ħabib... – u dak ta’ Pietru – il-Blata li fuqha jieqaf il-bini, dak li għandu l-imfietaħ, li jgħid l-aħħar kelma, li jikkura u jirgħa n-nagħaġ.  Jagħmilli tajjeb naħseb li Xmun hu l-isem li kien isejjaħlu bih Ġesù meta kienu jitkellmu u jaqsmu bejniethom l-affarijiet tal-ħbieb, u Pietru hu l-isem li bih il-Mulej jippreżentah, jiġġustifikah, jiddefendih u jtih l-importanza b’mod uniku bħala l-bniedem li jgwadi l-fiduċja sħiħa tiegħu, quddiem l-oħrajn.  Anki jekk huwa Hu stess li jtih l-isem ta’ “Blata”, Ġesù jsejjaħlu Xmun.

Il-fidi ta’ Xmun Pietru tagħmel progress u tikber f’tensjoni bejn dawn iż-żewġ ismijiet, li l-punt fiss tagħhom – il-fus – hu ċċentrat fuq Ġesù.

Il-fatt taż-żewġ ismijiet ma jħallihx aktar fiċ-ċentru.  Ma jista’ jsib iċ-ċentralità f’ebda wieħed minnhom.  Kieku ried li “Xmun” ikun il-punt fiss tiegħu, kien ikollu dejjem jgħid sempliċiment: «Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb» (Luqa 5,8).  Kieku ried li jimmira biss li jkun Pietru u jinsa u jgħatti dak kollu li hu ta’ Xmun, kien isir “blata ta’ skandlu”, kif qallu Pawlu għax kien ħeba l-fatt li mar jiekol mal-pagani (cfr Gal 2,11-14).  Il-fatt li żamm lilu nnifsu bħala Xmun (sajjied u midneb) u Pietru (Blata u muftiħ għall-oħrajn) jobbligah li dejjem jibqa’ bogħod miċ-ċentru biex idur biss madwar Kristu, l-uniku ċentru.

L-ikona ta’ dan id-deċentrament, it-tqegħid tiegħu fis-seħħ, isir, meta jitlob li Ġesù biex jikkmandah imur ħdejH fuq l-ilma.  Hemmhekk Xmun Pietru juri l-karatrru tiegħu, il-ħolma tiegħu, l-attrattiva li kellu li jimita lil Ġesù.  Meta jibda jegħreq, għax ma jibqax iħares lejn il-Mulej imma jibda jħares lejn iċ-ċaqliq tal-mewġ, jikxef il-beżgħat tiegħu u l-ispettri li kellu.  U meta jitolbu jsalvah u l-Mulej itih idu, juri li jaf tajjeb min hu Ġesù għalih: is-Salvatur tiegħu.  U l-Mulej iqawwilu l-fidi, itih dak li xtaq, itih idu u jagħlaq il-kwistjoni b’dik il-frażi ta’ mħabba u serħan ir-ras: «Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?« (Mt 14,31).

F’kull sitwazzjoni “limitu” li fiha jista’ jqiegħed ruħu Xmun Pietru, immexxi mill-fidi tiegħu f’Ġesù, dejjem se jiddixxerni liema hi l-id li ssalvah.  B’dik iċ-ċertezza li anki meta ma jifhimx sewwa dak li jgħid jew jagħmel Ġesù, iġġegħelu jgħid: «Mulej, għand min se mmorru?  Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem» (Ġw 6,68).  Umanament, dan l-għarfien ta’ “fidi żgħira” flimkien mal-umiltà li jħalli jgħinu lil min jaf u jista’, hu l-punt tal-awtostima sana li fiha tħawwel għeruqha ż-żerriegħa ta’ dik il-fidi “li tikkkonferma lill-oħrajn”, biex “fuqha jitla’ l-bini”, li Ġesù jrid minn Xmun Pietru u minna, aħna li nieħdu sehem fil-ministeru.  Nista’ ngħid li din hi fidi li tista’ tinqasam mal-oħrajn forsi għax mhix waħda li ta’ min jammiraha.  Il-fidi ta’ xi ħadd lil jkun tgħallem jimxi mingħajr tribulazzjonijiet fuq l-ilma tista’ tkun affaxxinanti, imma aktarx tbegħedna.  Iżda, dil-fidi tal-ħabib tal-qalb, li tagħraf ix-xejn tagħha u tafda għal kollox f’Ġesù, tqanqal fina simpatija – din hi l-grazzja tiegħu – u twettaqna!

b) It-talba ta’ Ġesù u l-għarbiel tad-demonju

Fil-pass ċentrali ta’ Luqa li ħadna bħala gwida, nistgħu naraw x’jipproduċi l-għarbiel tad-demonju fil-personalità ta’ Xmun Pietru u kif jitlob Ġesù biex id-dgħufija, u saħansitra d-dnub, jinbidlu fi grazzja u grazzja komunitarja.

Nikkonċentraw fuq il-kolma “għarbel” (siniazo: it-tagħrbil tal-qamħ) li jevoka l-movimenti tal-ispirti, li grazzi għalih, fl-aħħar, wieħed jista’ jiddixxerni dak li ġej mill-ispirtu t-tajjeb minn dak li jiġi minn spirtu malinn.  U l-Mulej dan ma jostakolahx, imma japprofitta ruħu mill-tiġrib u jdawwar it-talba tiegħu lejn il-Missier biex iwettaq il-qalb ta’ Xmun Pietru.  Ġesù jitlob biex Xmun Pietru “ma jaqax fit-tentazzjoni”.  Il-Mulej għamel dak kollu li seta’ biex iħares lil tiegħu fil-Passjoni li għadda minnha.  Madankollu ma jistax jevita li kull wieħed minnhom seta’ jkun ittentat mid-demonju, li jidħol mill-aktar parti dgħajfa.  F’dan it-tip ta’ tiġrib, li Alla ma jibgħatux direttament imma lanqas josatkolah, Palwu jgħid li l-Mulej jara li aħna ma nkunux ittentati aktar milli nifilħu (cfr 1 Kor 10,13).

Il-fatt li l-Mulej jgħid espressament li jitlob għal Xmun hu ta’ importanza estrema, għax l-aktar tentazzjoni perikloluża tad-demonju hi, li flimkien ma ċertu tiġrib partikolari, iġegħelna nħossu li Ġesù abbandunana, li b’xi mod ħalliena waħedna u ma għeniex kif kellu jagħmel.  Il-Mulej stess għadda minn dit-tentazzjoni u għelibha, l-ewwel fil-ġnien u mbagħad fuq is-salib, billi meta ħassu abbandunat, intelaq f’idejn il-Missier.  huwa f’dal-punt tal-fidi li b’mod speċjali u bil-għaqal jeħtieġ li nitqawwew u nkunu konfermati.  Fil-fatt li l-Mulej jipprevedi dak li kellu jiġri minn Xmun Pietru, u jiżgurah li diġà talab biex il-fidi tiegħu ma tiġix nieqsa, insibu l-qawwa li neħtieġu.

Din “l-eklissi” tal-fidi quddiem l-iskandlu tal-passjoni hi ħaġa li l-Mulej jitlob għaliha b’mod partikolari.  Il-Mulej jitlobna biex nitolbu dejjem, b’insistenza: jgħaqqadna mat-talb tiegħu, jgħidlna biex nitolbu “ħallli ma naqgħux fit-tentazzjoni u li nkunu meħlusin mid-deni”, għax il-laħam tagħna hu dgħajjef; jurina wkoll li hemm demonji li ma nistgħux negħlbuhom jekk mhux bit-talb u l-penitenza u li, f’ċerti affarijiet, jurina li Hu jitlob b’mod speċjali.  Din hi waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi.  Bħalma hu ħa fuqu ‘l biċċa xogħol li jaħsel riġlejn dawk tiegħu, bħalma ladarba kien irxoxta ried personalment ifarraġ lill ħbiebu, bl-istess mod, dit-talba li biha wettaq il-fidi ta’ Xmun Pietru, tqawwi dik tal-oħrajn kollha, hija ħaġa li l-Mulej jieħu fuq spallejh personalment.  U rridu nżommuha f’moħħna: hu għal din it-talba li l-Mulej darba għamel u għadu jagħmel - «qiegħed fuq il-lemin tal-Missier u jidħol għalina» (Rum 8,34) li għandna nduru lejha biex insaħħu l-fidi tagħna.

Jekk il-lezzjoni li nagħta San Pietru biex iħalli li jinħaslulu saqajh ikkonfermat l-atteġġjament ta’ servizz tal-Mulej u ttimbrat darba għal dejjem dan fil-memorja tal-Knisja bħala fatt fundamentali, dil-lezzjoni, mogħtija fl-istess kuntest, għandha tkun ukoll ikona tal-fidi ttentata u magħrbla li l-Mulej jitlob għaliha.  Bħala saċerdoti li nieħu sehem fil-ministeru Petrin, f’dak li jiddependi minna, aħna nieħdu sehem mill-istess missjoni: mhux biss għandna naħslu riġlejn ħutna, kif nagħmlu f’Ħamis ix-Xirka, imma għandna nwettquhom fil-fidi tagħhom, biex nagħtu xhieda ta’ kif il-Mulej talab għal tagħna.

Jekk waqt it-tiġrib li jinbet minn laħamna l-Mulej jinkuraġġina u jqawwina, ħafna drabi billi jagħmel mirakli ta’ fejqan, f’dawn it-tentazzjonijiet li jiġu direttament mid-demonju, il-Mulej juża strateġija aktar kumplikata.  Naraw li hemm xi demonji li hu jkeċċihom direttament u mingħajr rispett; oħrajn jinnewtraliżżahom u jsikkithom; oħrajn iġegħelhom jitkellmu, jistaqsihom isimhom bħalma għamel ma dak li kien “leġjun”; lil oħrajn iweġibhom sħiħ bl-Iskrittura, billi jissaporti proċess sħiħ bħalma ġara fil-każ tat-tentazzjoniet fid-deżert.  Dad-demonju li jittanta lill-ħabib tiegħu fil-bidu tal-passjoni, jegħlbu bit-talb, mhux biex iħallihom bi kwiethom, imma biex l-għarbiel tiegħu isir raġuni ta’ qawwa għall-ġid tal-oħrajn.

Hawnhekk għandna xi taghlimiet kbar dwar it-tkabbir tal-fidi.  Wieħed hu dwar l-iskandlu tat-tabtija tal-Innoċenti u tal-innoċenti. Dan jolqotna aktar milli naħsbu, jolqot saħansitra lil dawk li jipprovokawh u li min jagħmel tabirruħu li mhux jarah.  Jagħmel tajjeb nisimgħu minn fomm il-Mulej, fil-waqt preċiż li fih kien se jieħu fuq spallejh l-iskandlu tal-passjoni, li Hu jitlob biex ma tonqosx il-fidi ta’ dak li Hu ħalla minfloku, u biex ikun hu li jikkonferma lilna lkoll.  L-eklissi tal-fidi provokata mill-passjoni mhix xi ħaġa li kull wieħed minna jista’ jsolvi jew jegħleb individwalment.

Lezzjoni oħra importanti hi li meta l-Mulej jgħaddina mit-tiġrib, qatt ma jagħmel dan billi jibbaża fuq il-parti l-aktar dgħajfa tagħna.  Dan hu tipiku tad-demonju, li jisfrutta d-dgħufijiet tagħna, li jfittex l-aktar ġunt dgħajjef tagħna u jippersegwita b’mod feroċi lill-aktar dgħajfa ta’ din id-dinja.  Għalhekk, il-ħniena infinita u bla kundizzjonijiet tal-Missier lejn l-iżgħar u lejn il-midinbin, u l-kumpassjoni u l-maħfra infiniti li jeżerċita Ġesù sal-punt li jagħti ħajtu għall-midinbin, mhix biss għax Alla hu tajjeb, imma hija wkoll frott tad-dixxerniment aħħari ta’ Alla fuq il-ħażen biex iqaċċtu mir-relazzjoni li għandu mal-limitazzjonijiet tal-ġisem.  Għalhekk il-Verb isir bniedem mingħajr biża’ ta’ xejn u jagħti xhieda li jista’ jgħix perfettament fi ħdan il-Familja Mqaddsa u jikber imħares minn żewġ kreaturi umli San Ġusżepp u l-Verġni Marija ommu.

Il-ħażen jinbet b’att ta’ suppervja spiritwali u jitwieled mis-suppervja ta’ kreatura perfetta, Luċifru.  Imbagħad iniġġes lil Adam u Eva, imma jsib appoġġ “fix-xewqa tagħhom li jkunu bħal allat”, mhux fil-fraġiltà tagħhom.  Fil-każ ta’ Xmun Pietru, il-Mulej ma jibżax mill-fraġilità tiegħu ta’ bniedem midneb u lanqas mill-biża’ tiegħu li jimxi fuq l-ilma qalb it-tempesta.  Pjuttost, jibża’ mid-diskussjoni dwar min kien l-akbar.

Hu f’dan il-kuntest li jgħid lil Xmun Pietru li d-demonnju talab permess biex jagħrblu.  U nistgħu naħsbu li t-tgħarbil beda hemm, waqt id-diskussjoni dwar min kien se jittradih, li mbagħad inbidlet dwar min minnhom kien l-akbar.  Il-pass kollu ta’ Luqa li jseħħ immedjatament wara t-twaqqif tal-Ewkaristija, hu għarbiel: diskussjoni, previżjoni dwar it-tradiment, offerta tax-xabla (cfr 22, 23-38).  Il-fidi ta’ Xmun Pietru hi mgħarbla mit-tensjoni bejn ix-xewqa li jkun leali, li jiddefendi lil Ġesù, u dik li jkun l-akbar u t-tradiment, il-ġjufija li jħossu l-agħar fost kulħadd.  Il-Mulej jitlob biex Satana ma jdallamx il-fidi ta’ Xmun f’dal-waqt li fih qed iħares lejh innifsu biex isir akbar, biex jiddisprezza lilu nnifsu jew (inkella) jibqa’ skunċertat u konfuż.

Jekk min-naħa ta’ Pietru kienet elaborata xi espressjoni dwar dawn l-affarijiet, din hi waħda “ta’ fidi mgħarbla” kif turina l-ewwel ittra tiegħu li fiha Pietru jwissi li t-tiġrib mhux xi ħaġa li għandna nistgħaġbu biha bħallikieku kient xi ħaġa mhux tas-soltu (4,12), imma jeħtieġ nirreżistu lid-demonju «sħaħ fil-fidi» (5,9).  Pietru jiddeskrivi lilu nnifsu bħala «xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu» (5,1) u jikteb l-ittri tiegħu bl-għan li jqanqal fina […] mod pożittiv kif naħsbu» (2, Pt 3,1) (eilikrine dianoian: ġudizzju mdawwal minn raġġ tax-xemx), il-grazzja li hi l-maqlub “tal-eklissi” tal-fidi.

Il-progress fil-fidi għalhekk, iseħħ permezz tal-grazzja ta’ dan l-għarbiel, permezz tal-fatt li aħna ngħaddu mit-tentazzjonijiet u t-tiġrib.  Il-ħajja kollha ta’ Xmun Pietru nistgħu narawha bħala (proċess) ta’ progress fil-fidi grazzi għall-akkumpanjament tal-Mulej li jgħallmu jiddixxerni f’qalbu, dak li jiġi mill-Missier u dak li jiġi mid-demonju.

c) Il-Mulej li jgħaddina mit-tiġrib li jkabbrilna l-fidi mit-tajjeb għall-aħjar waqt li t-tentazzjoni hi dejjem preżenti

Fl-aħħar, il-laqgħa ħdejn l-għadira ta’ Tiberija.  Pass ieħor ‘il quddiem li bih il-Mulej iġarrab lil Xmun Pietru u jgħinu jgħaddi mit-tajjeb għall-aħjar.  L-imħabba tal-ħbiberija personali tikkonsolida ruħha bl-istess kejl li bih “iżoqq” il-merħla u jsaħħaħha fil-fidi (cfr Ġw 21,15-19).

Meta narawha fil-kuntest tat-tiġrib tal-fidi ta’ Xmun Pietru li jservi biex isaħħaħ (il-fidi) tagħna, nistgħu naraw hawnhekk li din hi prova speċjali tal-Mulej.  Ġeneralment jingħad li l-Mulej għamillu l-istess mistoqsija tliet darbiet għax Pietru kien ċaħdu tliet darbiet.  Jista’ jkun li din id-dgħufija  kienet f’qalb Xmun Pietru (jew f’qalb min jaqra l-istorja tiegħu) u d-djalogu kien immirat biex ifejjaqha.  Imma nistgħu naħsbu wkoll li l-Mulej fejjaq dik iċ-ċaħda bil-ħarsa li wasslet lil Pietru jibki biki ta’ qsim il-qalb (cfr Luqa 22,62).  F’dan l-interrogatorju nilmħu l-mod kif jimxi l-Mulej, jiġifieri li jibda’ minn ħaġa tajba – li kulħadd kien jaf u li Xmun Pietru seta’ kien kuntent biha –: «Tħobbni aktar minn dawn?» (v. 15); li seta’ jikkonfermah u jissimplifikah f’sempliċi «tħobbni?» (v . 16), li jneħħi kull sentiment ta’ kburija u rivalità minn qalb Xmun; biex jispiċċa bil-mistoqsija «tħobbni bħala ħabib?» (v. 17), li hu dak li kien jixtieq Xmun Pietru u, evidentement hi l-ħaġa l-aktar għall-qalb Ġesù.  Jekk verament hi mħabba ta’ ħbiberija, m’hemmx assolutament ebda tip ta’ ċanfira jew korrezzjoni f’din l-imħabba: il-ħbiberija hi ħbiberija u hija l-għola valur li jikkoreġi u jtejjeb il-bqija kollu, mingħajr ħtieġa ta diskors dwar l-għan.

Forsi l-akbar tentazzjoni tad-demonju kienet din: li jiżra’ fi Xmun Pietru l-idea li hu mhux dehen ikun ħabib ta’ Ġesù għax kien ittradih.  Imma l-mulej hu fidil.  Dejjem.  U minn darba għal oħra jġedded dil-fedeltà tiegħu. «Jekk aħna ma nkunux fidili, hu jibqa’ fidil dejjem għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu» (2 Tim 2,13), kif jgħid Palwu lil ibnu fil-fidi, Timotju.  Il-ħbiberija tiġbor fiha dil-grazzja: li ħabib li jkun fidil, bil-fidi tiegħu, jagħmel fidil lill-ieħor li ma jkunx tant fidil.  U la hu Ġesù, Hu aktar minn kulħadd ieħor, għandu s-setħa li lill-ħbiebu jagħmilhom fidili.   Huwa f’dil-fidi – il-fidi f’Ġesù ħabib fidil – li Xmun Pietru jkun imwettaq u mibgħut biex jikkonferma lilna lkoll.  Il-missjoni trippla li jirgħa n-nagħaġ u ħrief nistgħu narawha preċiżament f’dan is-sens.  Huwa element essenzjali illi nqisu sewwa dak kollu li timplika l-kura pastorali: li ssaħħaħ lill-oħrajn fil-fidi f’Ġesù li jħobbna bħala ħbiebu.  Fl-ewwel ittra tiegħu, Pietru qed jirreferi għal din l-imħabba: hija fidi f’Ġesù Kristu illi - «għandkom tħobbu mingħajr ma rajtuh, u issa ,mingħajr m’intom tarawh, temmnu fih», u dil-fidi ġġegħelna ntiru «b’ferħ li ma jitfissirx u glorjuż» għax ċerti li se naslu għall-għan tal-fidi (tagħna): is-salvazzjoni tal-erwieħ» (cfr 1 Pt 1, 7-9).

Madankollu tixref tentazzjoni oħra.  Din id-darfba kontra l-akbar ħabib tiegħu.  It-tentazzjoni li jitkixxef dwar ir-relazzjoni bejn Ġesù u Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub.  Il-Mulej iċanfru bl-ikraħ dwar dan: «Lilek x’jimpurtak?  Inti, imxi warajja» (Ġw 21,22).

* * *

Naraw kif it-tentazzjoni hija dejjem preżenti fil-ħajja ta’ Xmun Pietru.  Hu jurina personalment kif timxi ‘l quddiem il-fidi bl-istqarrija u billi jħalli lilu nnifsu jiġġarrab.  U billi juri wkoll li anki d-dnub stess jifforma parti mill-progress fil-fidi.  Pietru għamel l-aktar dnubiet ħorox – ċaħad il-Mulej – u madankollu għamluh Papa.  Huwa importanti għas-saċerdot li jagħraf iqiegħed it-tentazzjonijiet tiegħu u dnubietu fil-qafas ta’ dit-talba ta’ Ġesù ħalli ma tonqosx il-fidi tagħna, imma timmatura u sservi biex min-naħa tagħha ssaħħaħ il-fidi ta’ dawk li huma fdati lilna.

Inħobb nirrepeti li saċerdot jew isqof li ma jħossx li hu midneb, li ma jqerrx, li jingħalaq fih innifsu, ma jimxix ‘il quddiem fil-fidi.  Imma jeħtieġ noqgħodu attenti biex il-qrar u d-dixxerniment tat-tentazzjonijiet li jiġuna jinkludu u jżommu kont ta’ din l-intenzjoni pastorali li l-Mulej irid itihom.

Raġel żgħażugħ li kien qed jirkupra fil-Hogar de Cristo ta’ Padre Pepe fi Buenos Aires, li moħħu kien għadu tiegħu u jgħidlu li ma kellux ikun f’dak il-post, imma hu kien jissielet kontra dan is-sentiment.  U kien jgħid li Padre Pepe kien għenu ħafna. Li jum wieħed kien stqarrlu li ma felaħx aktar, li kien qed iħoss ħafna n-nuqqas tal-familja tiegħu, ta’ martu u ż-żewġ uliedu, u li ried jitlaq. «U l-patri qalli: “ Imma qabel, meta kont tiġri ‘l hawn u ‘l hinn tieħu d-droga u tbigħha, kont tħoss in-nuqqas tal-familjari tiegħek?  Kont taħseb fihom?”  Jien għamilt sinjal li le b’rasi, fis-skiet – qal ir-raġel – u l-patri, mingħajr ma qalli xejn aktar, tani daqqa fuq spallti u lissen: “Mur, biżżejjed daqshekk”.  Qiesu ried jgħidli: aħseb ftit dwar dak li qed jiġrilek u dwar dak li qed tgħid.  “Irringrazzja s-sema li issa qed thħoss in-nuqqas tagħhom”.

Dak ir-raġel kien itenni li l-patri kien kbir!  Li kien jgħidlu l-affarijiet f’wiċċu.  U dan kien jgħinu biex jissielet, għax kien hu nnifsu li kellu jagħmel ħiltu.

Qed nirrakkonta dan biex nuri li dak li jgħin fil-progress tal-fidi hu li flimkien mad-dnub tiegħu wieħed jgħaqqad ukoll ix-xewqa li jagħmel il-ġid mal-oħrajn; l-għajnuna li nirċievu u dik li għandna nagħtu aħna.  M’hemmx għalfejn nifirdu: m’hemmx għalfejn inħossuna perfetti meta nkunu qed naqdu l-ministeru u meta nidinbu m’hemmx għalfejn niġġustifikaw ruħna bil-fatt li aħna bħall-oħrajn.  Hemm bżonn ngħaqqdu kollox f’daqqa: jekk aħna nsaħħu l-fidi tal-oħrajn qed nagħmlu dan bħala midinbin.  U meta nidinbu, inqerru bħala saċerdoti, u ma ninsewx li għandna responsabbiltà lejn il-persuni, m’aħniex bħall-oħrajn kollha.  Dawn iż-żewġ affarijiet jitwaħħdu sewwa jekk in-nies, in-nagħaġ tagħna, speċjalment lill-aktar foqra, inqegħduhom qabilna.  Huwa dak li jagħmel Ġesù meta jistaqsi lil Pietru jekk iħobbux, imma ma jgħidlu xejn la dwar it-tbatija u lanqas dwar il-ferħ li se tnissillu fih din l-imħabba, iġagħlu jħares lejn ħutu b’dal-mod: irgħa n-nagħaġ tiegħi, saħħaħ il-fidi ta’ ħutek.  Kważi ried jgħidlu l-istess bħal dak ir-raġel żgħażugħ fil-Hogar de Cristo: “Kun grat li issa qed tħoss in-nuqqas”.  “rodd ħajr jekk tħoss li għandek ftit fidi”, ifisser li qed tħobb lil ħutek.  “Rodd ħajr jekk tħossok midneb u mhux dehen tal-ministeru” ifisser li qed tinduna li jekk qed tagħmel xi ħaġa, qed tagħmilha għax Ġesù qed jitlob għalik, u mingħajru ma tista’ tagħmel xejn (cfr Pw 15,5).

L-anzjani tagħna kienu jgħidu li l-fidi tikber int u tagħmel atti ta’ fidi.  Xmun Pietru hu l-ikona tal-bniedem li lilu l-Mulej Ġesù jġagħlu jagħmel atti ta’ fidi ‘l ħin kollu.  Meta Xmun Pietru jifhem din “id-dinamika” tal-Mulej, dil-pedagoġija tiegħu, ma jitlifx l-okkażjoni biex jiddixxerni, f’kull waqt, liema att ta’ fidi jista’ jagħmel fil-Mulej tiegħu.  U f’dan ma jiżbaljax.  Meta Ġesù jġib ruħu ta’ sid u jtih l-isem ta’ Pietru, Xmun iħalli lil Ġesù jagħmel lil jidhirlu.  L-“hekk ikun” tiegħu hu sieket bħal dak ta’ San Ġużepp, u jidher ċar tul il-mixja ta’ ħajtu. Meta l-Mulej jgħollih u jumiljah, Xmun Pietru ma jħarisx lejh innifsu, imma joqgħod attent biex jitgħallem il-lezzjoni: dwar dak li jkun ġej mill-Missier u dak li jkun ġej mix-xitan.  Meta l-Mulej ilumu għax tkabbar, jaċċetta l-korrezzjoni.  Meta l-Mulej jurih b’mod ċajtier li quddiem dak li jiġbor it-taxxi ma jistax jilgħabha tal-ħmar, imur jistad għall-ħuta bil-munita.  Meta l-Mulej jumiljah u jħabbarlu li għad jittradih, jgħid dak li qed iħoss bis-sinċerità, bħalma ġara meta beka biki ta’ qsim il-qalb u meta aċċetta li jkun maħfur.  Tant mumenti bħal dawn f’ħajtu imma lezzjoni waħda: dik tal-Mulej li jwettaqlu l-fidi biex hu jkun jista’ jikkonferma dik tal-poplu tiegħu.  Nitolbu aħna wkoll lil Pietru biex iwettaqna fil-fidi ħalli aħna nkunu nistgħu nwettqu dik ta’ ħutna.

Ruma, 2 ta’ Marzu, 2017


[1] Cfr Diskors lir-Rappreżentanti Pontifċji, 21 ta’ Ġunju, 2013.

[2] Cfr nn. 160, 161, 164, 190.

[3] Cfr J.M. Bergoglio, Messaġġ waqt il-Quddiesa għall-Edukazzjoni, L-Għid 2008.

[4] Nar li jqabbad nirien oħra, Santiago taċ-Ċilì, 2004, 69-70; cfr Dok. Ta’ Aparecida 191.

[5] Ara wkoll ES 333: «Il-ħames regola.  Irridu nagħmlu attenzjoni kbira ‘l fejn sejrin ħsibijietna.  Jekk fil-ħsieb kollox hu tajjeb, il-prinċipju, il-mezz u l-għan u jekk kollox hu orjentat lejn it-tajjeb, dan hu sinjal tal-anġlu t-tajjeb.  Iżda jista’ jagħti l-każ li fil-mument tal-ħsieb titfaċċa xi ħaġa ħażina jew ta’ distrazzjoni, jew anqas tajba minn dak li r-ruħ tkun qatgħetha li tagħmel, jew xi ħaġa li ddgħajjef ir-ruħ, tifxilha, tħawwadha u tisirqilha l-paċi, it-trankwillità, il-kalma li kellha qabel: dan għalhekk hu sinjal ċar li dawk il-ħsibijiet ġejjin mill-ispirtu l-ħażin, għadu tal-ġid tagħna u tas-salvazzjoni eterna tagħna».

[6] Cfr Omelia f’Santa Marta, 3 ta’ Ġunju 2014.  Niftakru li l-Mulej jitlob biex inkunu ħaġa waħda, biex il-Mulej iħarisna mid-demonju u mid-dinja, biex jaħfrilna “meta ma nkunux nafu x’qed nagħmlu”.

[7] Huma ħsibijiet li l-Mulej jiddixxerni fid-dixxipli meta rxuxtat jgħidilhom: “Għaliex tħawwadtu?  Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom?» (Luqa 24,38.

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber