Għeżież Ħuti,

Nirringrazzjakom, u nixtieq napprofitta minn din il-laqgħa tiegħi magħkom li taħdmu fil-ħabsijiet madwar l-Italja kollha biex inwassal tislija lill-ħabsin kollha.  Nitlobkom, għidulhom li nitlob għalihom, inżommhom ġo qalbi, u nitlob lill-Mulej u lill-Madonna li huma jissuperaw pożittivament dan il-perjodu diffiċli ta’ ħajjithom.  M’għandhomx għax jaqtgħu qalbhom jew jingħalqu fihom infushom.  Intom tafu kif jum wieħed iħossuhom tajbin, imma ġurnata oħra jafu jkunu bil-moral baxx, u dik il-mewġa hi diffiċli.  Il-Mulej hu qrib tagħhom, imma uruhom bil-ġesti, bil-kliem, bil-qalb tagħkom li l-Mulej ma jibqax barra, ma jibqax barra miċ-ċella tagħhom, ma jibqax barra mill-ħabsijiet, imma qiegħed ġewwa, qiegħed hemm.  Tistgħu tgħidulhom hekk: il-Mulej qiegħed hemm ġew magħhom; anki hu ħabsi, il-lum ukoll, priġunier ta’ l-egoiżmi tagħna, tas-sistemi tagħna, ta’ tant inġustizzji, għax faċli nikkastigaw lill-iktar dgħajfin, u l-ħut il-kbir jibqa’ jgħum ħieles fl-ilma.  L-ebda ċella m’hi daqshekk iżolata li tbarri lill-Mulej, l-ebda waħda; Hu jinsab hemm, jibki magħhom, jaħdem magħhom, jittama magħhom; l-imħabba paterna u materna tiegħu tidħol kullimkien.  Nitlob biex kull wieħed u waħda minnhom jiftaħ qalbu għal din l-imħabba.  Meta kont nirċievi xi ittra minn għand xi ħadd minnhom fi Buenos Aires, kont immur inżuru, waqt li issa meta baqgħu jiktbuli dawk ta’ Buenos Aires, xi kultant inċemplilhom, speċjalment il-Ħadd, u nitkellmu ftit.  Imma meta naqta’, ngħid bejni u bejn ruħi: Għaliex qiegħed hemm dak u mhux jien li għandi tant raġunijiet għalfejn inkun hemm ġew?  Jagħmilli l-ġid naħseb fuq dan: jekk id-dgħufijiet li għandna huma l-istess, għaliex waqa’ hu u ma waqajtx jien?  Għalija dan hu misteru li jġagħilni nitlob u jqarribni lejn il-ħabsin.

 

U nitlob ukoll għalikom il-Kappillani, għall-ministeru tagħkom, li m’hux ħafif, hu impenjattiv ħafna u importanti ħafna, għax jesprimi waħda mill-opri tal-ħniena; jagħmel viżibbli l-preżenza tal-Mulej fil-ħabs, fiċ-ċella.  Intom sinjal ta’ kemm Kristu jinsab qrib ta’ dawn ħutna li għandhom bżonn tat-tama.  Dan l-aħħar tkellimtu dwar ġustizzja ta’ rikonċiljazzjoni, imma anki dwar ġustizzja ta’ tama, ta’ bibien miftuħa, ta’ orizzonti.  Din m’hix utopija, nistgħu naslu għaliha.  M’hix faċli, għax id-dgħufijiet tagħna qegħdin kullimkien, anki x-xitan issibu kullimkien, it-tentazzjonijiet qegħdin kullimkien, imma dejjem għandna nippruvaw.

 

Nawguralkom li l-Mulej ikun dejjem magħkom, iberikkom u l-Madonna tħariskom; dejjem f’idejn il-Madonna, għax hi l-omm tagħkom ilkoll u ta’ dawk kollha li qegħdin fil-ħabs.  Dan nawguralkom, grazzi!  U nitolbu lill-Mulej biex ibierek lilkom u lil ħbiebkom irġiel u nisa fil-ħabsijiet; imma l-ewwel ejjew nitolbu lill-Madonna biex tressaqna dejjem lejn Ġesù: Ave Maria

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard