Il-profeta Eżekjel, bi xbieha elokwenti, ifisser lil Alla bħala Ragħaj li jiġma’ n-nagħaġ mitlufa tiegħu. Huma xterdu u tbiegħdu minn xulxin “fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru” (Eżek 34:12). Hekk il-Mulej donnu jdur fuqna llejla, permezz tal-profeta, biex iwasslilna messaġġ doppju. Qabelxejn messaġġ ta’ għaqda: Alla, bħala r-Ragħaj, jixtieq l-għaqda tal-poplu tiegħu u jrid li fuq kollox ir-Ragħajja jħabirku għaliha. It-tieni nett, għandna r-raġuni għal dawn il-firdiet fil-merħla: fil-jiem ta’ sħab u swied il-ajru, ma bqajniex naraw lil ħuna li kien maġenbna, ma bqajniex nafu kif nagħrfu lil xulxin u nifirħu bid-doni ta’ xulxin u l-grazzja li rċivejna. Dan seħħ għax madwarna sfieqet l-arja sewda tan-nuqqas ta’ ftehim u tas-suspett u, fuqna, is-sħab griż tat-tilwim u l-kontroversji, li spiss inħoloq għal raġunijiet storiċi u kulturali u mhux biss għal motivi teoloġiċi.

 

Imma għandna ċ-ċertezza soda li Alla jħobb jgħammar fostna, il-merħla u t-teżor prezzjuż tiegħu. Hu Ragħaj li qatt ma jegħja, li jibqa’ jaħdem (ara Ġw 5:17), isejħilna biex nimxu lejn għaqda isħaħ, li tista’ tintlaħaq biss bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu. Għalhekk ma naqtgħux jiesna, għax fuqna, imqar jekk aħna ġarar dgħajfa tal-fuħħar (ara 2 Kor 4:7), Alla jieħu gost isawwab il-grazzja tiegħu. Hu konvint li nistgħu ngħaddu mid-dlam għad-dawl, mit-tixrid għall-għaqda, min-nieqes għas-sħiħ. Din il-mixja ta’ komunjoni hi t-triq tal-Insara kollha u hi l-missjoni partikulari tagħkom, bħala Ragħajja tal-Kummissjoni internazzjonali Anglikana-Kattolika għall-għaqda u l-missjoni.

 

Hi sejħa għolja dik li naħdmu bħala strumenti ta’ komunjoni dejjem u kullimkien. Dan ifisser li flimkien nippromovu l-għaqda tal-familja Nisranija u dik tal-familja tal-bnedmin. Iż-żewġ oqsma mhux biss mhumiex kontra xulxin, imma jagħnu lil xulxin. Meta, bħala dixxipli ta’ Ġesù, noffru s-servizz tagħna flimkien, spalla ma’ spalla, meta nippromovu l-ftuħ u l-laqgħa, u negħlbu t-tentazzjoni tal-għeluq u tal-iżolamenti, inkunu nħabirku fl-istess waqt kemm b’riżq l-għaqda tal-Insara u kemm dik tal-familja umana. Hekk nagħrfu li aħna aħwa li ġejjin minn tradizzjonijiet diversi, imma nħossuna xprunati mill-istess Vanġelu biex naqdu l-istess missjoni fid-dinja. Għalhekk tkun dejjem ħaġa tajba li, qabel ma taqbdu xi ħidma partikulari, tagħmlu dawn il-mistoqsijiet: Għaliex din ma nagħmluhiex flimkien ma’ ħutna l-Anglikani?; Nistgħu nagħtu xhieda ta’ Ġesù billi naħdmu id f’id ma’ ħutna l-Kattoliċi?

 

Jekk naqsmu flimkien b’mod konkret id-diffikultajiet u l-ferħ tal-ministeru, inkunu noqorbu wieħed lejn l-ieħor. Ħa jagħtikom Alla li tkunu promoturi ta’ ekumeniżmu qalbieni u reali, dejjem f’mixja li tfittex tiftaħ toroq ġodda, li minnhom jistgħu jgawdu qabelxejn ħutkom fil-Provinċji u l-Konferenzi Episkopali. Ifisser li dejjem u qabelxejn nimxu fuq l-eżempju tal-Mulej, il-metodoloġija pastorali tiegħu, li l-profeta Eżekjel ifakkarhielna: noħorġu nfittxu n-nagħġa l-mitlufa, inreġġgħu lura lejn il-maqjel lill-maħruba, ninfaxxaw lill-midruba, indewwu lill-marida (ara v. 16). Hekk biss nistgħu niġbru flimkien lill-poplu mxerred.

 

Nixtieq nirriferi għall-mixja komuni tagħna wara Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, billi nieħu spunt mill-baklu ta’ San Girgor il-Kbir, li jista’ jissimbolizza tajjeb it-tifsira ekumenika qawwija ta’ din il-laqgħa tagħna. Il-Papa Girgor minn dan il-post għajn ta’ missjoni għażel u bagħat lil Santu Wistin ta’ Canterbury u l-irħieb tiegħu għand il-popli Anglo-Sassoni, u hekk inawgura paġna ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hi l-istorja komuni tagħna u torbotna b’rabta li ma tinħallx. Għalhekk jixraq li dan il-baklu jkun simbolu komuni tal-mixja tagħna ta’ għaqda u missjoni.

 

Fiċ-ċentru tal-parti tonda tal-baklu jidher il-Ħaruf Rxoxt. Hekk, waqt li jfakkarna fir-rieda tal-Mulej li jiġbor lill-merħla u li joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa, il-baklu donnu jrid jurina wkoll il-kontenut ċentrali tat-tħabbira: l-imħabba ta’ Alla f’Ġesù Mislub u Rxoxt, Ħaruf issagrifikat u dejjem ħaj. Din hi l-imħabba li nifdet id-dalma tal-qabar issiġillat u fetħet beraħ il-bibien għad-dawl tal-ħajja ta’ dejjem. L-imħabba tal-Ħaruf rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt hi l-messaġġ veru u ġdid li flimkien irridu nwasslu lill-mitlufa ta’ żmienna u lil dawk li għand m’għandhomx il-ferħ tal-għarfien tal-wiċċ kollu mogħdrija u t-tgħanniqa ħanina tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-ministeru tagħna jikkonsisti f’li ndawlu d-dlamijiet b’dan id-dawl ħelu, bil-qawwa sempliċi tal-imħabba li tirbaħ fuq id-dnub u tegħleb il-mewt. Għandna l-ferħ li nagħrfu u niċċelebraw flimkien il-qalba tal-fidi. Ejjew nerġgħu nsibu postna fiha, mingħajr ma nħallu jtellifna dak li jħajjarna nimxu wara l-ispirtu tad-dinja u jrid ibegħidna mill-freskezza oriġinarja tal-Vanġelu. Minn hemm toħroġ ir-responsabbiltà komuni tagħna, il-missjoni waħdanija li naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin.

 

Jgħidulna wkoll xi kittieba li l-bakli, min-naħa l-oħra, spiss ikollhom ponta. Hekk nistgħu nistħajlu li l-baklu mhux biss ifakkarna fis-sejħa li mmexxu u niġbru n-nagħaġ f’isem il-Mislub Irxoxt, imma anki li nniggżu lil dawk li mdorrijin jibqgħu wisq qrib u magħluqin, ħa nħeġġuhom joħorġu. Il-missjoni tar-Ragħajja hi dik li jgħinu lill-merħla fdata f’idejhom biex toħroġ, f’moviment biex iħabbru l-ferħ tal-Vanġelu; mhux magħluqa fi ċrieki ristretti, f’“mikroklimi” ekkleżjali li jreġġgħuna lura għal żmien is-sħab u s-swied tal-ajru. Nitolbu flimkien lil Alla l-grazzja li nixbhu l-ispirtu u l-eżempju tal-missjunarji kbar, li bihom l-Ispirtu reġa’ ta l-ħajja lill-Knisja, li terġa’ tieħu l-ħajja meta toħroġ minnha nfisha biex tgħix u tħabbar il-Vanġelu fit-toroq tad-dinja. Naraw x’ġara f’Edinburgh, fil-bidu tal-moviment ekumeniku: kien propju n-nar tal-missjoni li għen biex bdejna naqbżu ċ-ċnut u nwaqqgħu l-ħitan li kienu jiżolawna u li bihom lanqas biss stajt timmaġina mixja komuni. Nitolbu flimkien għal dan: ħa jagħtina l-Mulej li minn hawn toħroġ tħeġġiġa mġedda għall-komunjoni u l-missjoni.

 


 

DIKJARAZZJONI KOMUNI

tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku

u l-Eċċellenza Tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury

 

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey, iltaqgħu f’din il-belt, imqaddsa mill-ministeru u d-demm tal-Appostli Pietru u Pawlu. Iktar tard, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Arċisqfijiet Robert Runcie u George Carey, il-Papa Benedittu XVI u l-Arċisqof Rowan Williams talbu flimkien f’din il-knisja ta’ San Girgor al Celio, mnejn il-Papa Girgor bagħat lil Wistin jevanġelizza lill-popli Anglo-Sassoni. F’pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ dawn l-Appostli u Missirijiet imqaddsa, il-Kattoliċi u l-Anglikani jagħrfu li huma werrieta tat-teżor tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u tas-sejħa li jaqsmuh mad-dinja kollha. Irċivejna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ħajjiet qaddisa ta’ rġiel u nisa, li pprietkaw il-Vanġelu bil-kliem u bl-opri, u ġejna maħtura, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art” (Atti 1:8). Inġbarna flimkien fil-konvinzjoni li “truf l-art” illum ma jirrappreżentawx biss terminu ġeografiku, imma sejħa biex inwasslu l-messaġġ feddej tal-Vanġelu b’mod partikulari lil dawk li jinsabu fit-truf u fil-periferiji tas-soċjetajiet tagħna.

 

Fil-laqgħa storika tagħhom tal-1966, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Ramsey waqqfu l-Kummissjoni Internazzjonali Anglikana-Kattolika biex twettaq djalogu teoloġiku serju li, “imsejjes fuq il-Vanġeli u fuq tradizzjonijiet komuni hekk qodma, iwassal għal dik l-għaqda fil-Verità li għaliha Kristu talab”. Ħamsin sena wara rroddu ħajr lil Alla għar-riżultati tal-Kummissjoni Internazzjonali Anglikana-Kattolika, li fliet dawk id-duttrini li ħolqu firdiet matul l-istorja, minn perspettiva ġdida ta’ rispett u karità reċiproċi. Illum aħna grati b’mod partikulari għad-dokumenti tal-ARCIC II, li se neżaminaw, u qed nistennew il-konklużjonijiet tal-ARCIC III, li qed tipprova tagħmel passi ’l quddiem fis-sitwazzjonijiet il-ġodda u fl-isfidi ġodda għall-għaqda ta’ bejnietna.

 

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna għarfu x-“xkiel serju” li kien qed ixekkel it-triq biex nistgħu naslu għal qsim sħiħ fil-fidi u l-ħajja sagramentali bejnietna. Minkejja dan, f’fedeltà għat-talba tal-Mulej li d-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa waħda, ma qatgħux qalbhom li jkomplu mexjin, imqar bla ma jafu liema passi setgħu jmiddu mat-triq. Seħħ progress kbir f’ħafna oqsma li kienu żammewna mbiegħda minn xulxin. Madankollu, ċirkustanzi ġodda qalgħu nuqqas ta’ ftehim ġdid bejnietna, partikularment dwar l-ordinazzjoni tan-nisa u dwar kwistjonijiet iktar riċenti marbuta mas-sesswalità umana. Wara dawn id-diverġenzi tibqa’ l-kwistjoni dejjiema dwar il-mod kif titħaddem l-awtorità fil-komunità Nisranija. Dawn huma llum xi aspetti problematiċi li huma xkiel serju għall-għaqda sħiħa bejnietna. Waqt li aħna, bħall-predeċessuri tagħna, ukoll għadna m’aħniex naraw soluzzjonijiet għax-xkiel li għandna quddiemna, qalbna mhix maqtugħa. B’fiduċja u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, nemmnu li d-djalogu u l-impenn reċiproku jkabbru l-ftehim ta’ bejnietna u jgħinuna ngħarblu x’inhi r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Aħna fiduċjużi fil-grazzja ta’ Alla u fil-Providenza, għax nafu li l-Ispirtu s-Santu sa jiftaħ bibien ġodda u jmexxina lejn is-sewwa kollu (ara Ġw 16:13).

 

Id-differenzi msemmija ma jistgħux iżommuna milli naraw f’xulxin aħwa fi Kristu grazzi għall-Magħmudija komuni tagħna. Lanqas m’għandhom qatt iżommuna milli niskopru u nifirħu fil-fidi qawwija fi Kristu u fil-qdusija li qed niskopru mill-ġdid fit-tradizzjonijiet ta’ xulxin. Dawn id-differenzi m’għandhomx iwassluna biex innaqqsu l-isforzi ekumeniċi tagħna. It-talba ta’ Kristu fl-Aħħar Ċena biex ilkoll inkunu ħaġa waħda (ara Ġw 17:20-23) hi kmand għad-dixxipli tiegħu llum, kif kienet dakinhar, hekk qrib tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu u tat-twelid tal-Knisja li kellu jseħħ wara. Dawn id-differenzi tagħna lanqas m’għandhom ifixklu t-talb komuni tagħna: mhux biss nistgħu nitolbu flimkien, imma għandna nitolbu flimkien, biex nagħtu leħen lill-fidi u lill-ferħ li flimkien naqsmu fil-Vanġelu ta’ Kristu, fl-Istqarrijiet qodma tal-fidi u fil-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, li l-Ispirtu s-Santu jurina, biex noħorġu rebbieħa fuq kull dnub u firda. Hekk, mal-predeċessuri tagħna, insejħu lill-kleru u lill-fidili tagħna biex ma jittraskurawx jew jissottovalutaw din il-komunjoni żgura, imqar jekk imperfetta, li diġà qed naqsmu ma’ xulxin.

 

Ikbar u aqwa mid-differenzi ta’ bejnietna hi l-fidi li naqsmu flimkien u l-ferħ komuni tagħna fil-Vanġelu. Kristu talab biex id-dixxipli tiegħu jkunu lkoll ħaġa waħda, “biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21). Ix-xewqa ħajja għall-għaqda li aħna qed nesprimu f’din id-Dikjarazzjoni Komuni hi marbuta mill-qrib max-xewqa komuni tagħna li l-bnedmin jaslu biex jemmnu li Alla bagħat lil Ibnu Ġesù fid-dinja, biex jifdiha mill-ħażen li qed jifni u jdgħajjef lill-ħolqien kollu. Ġesù ta ħajtu għall-imħabba u meta qam mill-imwiet rebaħ saħansitra lill-mewt. L-Insara, li ħaddnu din il-fidi, iltaqgħu ma’ Ġesù u mar-rebħa ta’ mħabbtu fl-istess ħajja tagħhom, u jħossuhom xprunati biex jaqsmu mal-oħrajn il-ferħ ta’ din il-Bxara Tajba. Il-ħila tagħna li ningħaqdu flimkien fit-tifħir u t-talb lil Alla u li nixhdu quddiem id-dinja tistrieħ fuq il-fiduċja li għandna li naqsmu flimkien l-istess fidi u sostanzjalment l-istess fehma fil-fidi.

 

Fix-xhieda tagħna, fil-ħidma tagħna flimkien, id-dinja għandha tara din il-fidi komuni f’Ġesù. Nistgħu u għandna naħdmu flimkien biex inħarsu u nippreservaw id-dar komuni tagħna: ngħixu, ngħallmu u naġixxu b’mod li jiffavorixxi l-waqfien immedjat tal-qerda ambjentali, li toffendi lill-Ħallieq u tbaxxi lill-ħlejjaq tiegħu, u noħolqu mudelli ta’ mġiba kemm individwali u soċjali li jxettlu żvilupp sostenibbli u sħiħ għall-ġid ta’ kulħadd. Nistgħu, u għandna, inkunu magħqudin fil-kawża komuni li nwieżnu u nħarsu d-dinjità tal-bnedmin kollha. Il-persuna umana qed tisfa mkasbra mid-dnub personali u soċjali. F’kultura tal-indifferenza, ħitan ta’ aljenazzjoni jiżolawna mill-oħrajn, mit-taqbid tagħhom u mit-tbatija tagħhom, li anki ħafna minn ħutna fi Kristu għaddejjin minnhom illum. F’kultura tal-ħela, il-ħajjiet tal-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà spiss huma mwarrba għall-ġenb u mormija. F’kultura tal-mibegħda, qed naraw atti ħorox ta’ vjolenza, spiss iġġustifikati minn idea żbaljata tat-twemmin reliġjuż. Il-fidi Nisranija tagħna twassalna biex nagħrfu l-valur wisq għoli ta’ kull ħajja umana u nżommuha fuq wiċċ l-idejn b’għemejjel ta’ ħniena, noffru tagħlim, servizzi tas-saħħa, ikel, ilma nadif u kenn, u dejjem infittxu li nsewwu l-ġlied u nibnu l-paċi. Bħala dixxipli ta’ Kristu aħna nżommu li l-persuna umana hi qaddisa u bħala appostli ta’ Kristu jeħtieġ inkunu l-avukati tagħha.

 

Ħamsin sena ilu l-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Ramsey tnebbħu minn kliem l-Appostlu: “Waqt li ninsa ’l ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù” (Fil 3:13-14). Illum, “ta’ warajna kollu” – sekli iebsa ta’ firda – b’xi mod ġie mfejjaq minn ħamsin sena ta’ ħbiberija. Irroddu ħajr lil Alla għal ħamsin sena taċ-Ċentru Anglikan f’Ruma, maħsub biex ikun post ta’ laqgħa u ta’ ħbiberija. Sirna ħbieb u sieħba fil-vjaġġ bħala pellegrini, bl-istess diffikultajiet quddiemna, fejn insaħħu lil xulxin, nitgħallmu napprezzaw id-doni li Alla ta lill-ieħor u nilqgħuhom bħala tagħna, b’umiltà u gratitudni.

 

Bla sabar nimxu ’l quddiem ħalli niksbu l-għaqda sħiħa fix-xandir lil kulħadd, bil-kliem u bil-fatti, tal-Vanġelu ta’ Kristu li jifdi u jrodd il-ħajja. Għalhekk nagħmlu l-qalb tassew bil-laqgħa ta’ dawn il-jiem bejn tant Ragħajja Kattoliċi u Anglikani tal-Kummissjoni internazzjonali Anglikana-Kattolika għall-għaqda u l-missjoni (IARCCUM), li, huma u jibnu fuq dak li hu komuni u li fuqu xeħtu dawl b’reqqa kbira ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studjużi tal-ARCIC, hu tassew mixtieq li jkomplu mexjin fil-missjoni tal-kollaborazzjoni u x-xhieda sa “truf l-art”. Illum nifirħu naħtruhom u nibagħtuhom tnejn tnejn, kif il-Mulej bagħat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu. Il-missjoni ekumenika tagħna ma’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà tkun xhieda għalina lkoll, u minn dan il-post imqaddes, bħall-Bxara t-Tajba ta’ tant sekli ilu, ħa joħroġ il-messaġġ li l-Kattoliċi u l-Anglikani huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jagħtu leħen lill-fidi komuni fil-Mulej Ġesù Kristu, biex iġibu s-serħan fejn hemm it-tbatija, il-paċi fejn hemm il-ġlied, id-dinjità fejn din hi mċaħħda u mogħtija bis-sieq.

 

F’din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir, bil-ħrara kollha nsejħu l-barka tat-Trinità Qaddisa fuq l-andament tal-ħidma kollha tal-ARCIC u tal-IARCCUM, u fuq dawk kollha li jitolbu u jagħtu sehemhom biex terġa’ mill-ġdid l-għaqda bejnietna.

 

Ruma, 5 ta’ Ottubru 2016

 

L-EĊĊELLENZA TIEGĦU JUSTIN WELBY

IL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard