Għeżież Ħuti,

 

B’ferħ kbir qed nilqagħkom f’dan il-mument kważi fl-għeluq tal-pellegrinaġġ Ruman tagħkom, organizzat mill-Kongregazzjonijiet għall-Isqfijiet u għall-Knejjes Orjentali. Irrodd ħajr lill-Kardinal Marc Ouellet u l-Kardinal Leonardo Sandri u lid-Dikasteri li rispettivament jippresiedu, għall-impenn ġeneruż tagħhom biex isir dan l-avveniment, li grazzi għalih issa nista’ nsir nafkom personalment u napprofondixxi magħkom, Ragħajja ġodda tal-Knisja, il-grazzja u r-responsabbiltà tal-ministeru li rċivejna.

 

Fil-fatt, mhux għall-merti tagħna, imma biss għat-tjieba divina tiegħu ġejna fdati bix-“xhieda tal-Evanġelju tal-grazzja ta’ Alla” (Atti 20:24; ara Rum 15:16) u “l-ministeru tal-Ispirtu” (2 Kor 3:8-9). Din is-sena, il-programm tal-ġranet Rumani tagħkom fittex li jidħol fil-fond tal-misteru tal-Episkopat tagħkom permezz ta’ waħda mill-ħidmiet ċentrali tiegħu, dik li joffri lill-“merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha” (Atti 20:28) dak id-dixxerniment spiritwali u pastorali meħtieġ biex taslu għall-għarfien u t-twettiq tar-rieda ta’ Alla, li fiha hemm il-milja kollha.

 

Mela ħalluni naqsam magħkom xi riflessjonijiet dwar din it-tema dejjem iżjed importanti fi żminijietna, paradossalment immarkati minn sens ta’ awtoreferenzjalità, li qed iħabbar li ntemm żmien l-għalliema waqt li, fis-solitudni tiegħu, il-bniedem konkret għadu jokrob li għandu bżonn l-għajnuna biex jaffronta l-kwistjonijiet drammatiċi li qed jaħbtu għalih, irid li jsib min bi mħabba ta’ missier jurih it-triq fil-mixja xejn ovvja li qed tisfidah, li jsib min idaħħlu fil-misteru tat-tiftixa ta’ ħajtu u tal-ferħ tiegħu.

 

Huwa sewwasew permezz tad-dixxerniment awtentiku, li Pawlu jippreżenta bħala wieħed mid-doni tal-Ispirtu (ara 1 Kor 12:10) u San Tumas ta’ Aquino jsejjaħ “il-virtù aktar għolja li tiġġudika skont dawk il-prinċipji ogħla” (Sum. Theol., II-II, q. 51, a. 4, ad 3), li nistgħu nwieġbu għal dan il-bżonn li għandu l-bniedem tal-lum.

 

L-Ispirtu s-Santu, protagonista ta’ kull dixxerniment awtentiku

M’ilux wisq, il-Knisja sejħet fuqkom l-i“Spiritus Principalis” jew “Pneuma hegemonikon”, il-qawwa li l-Missier ta lill-Iben u li Dawn għaddew lill-Appostli mqaddsa, jiġifieri “l-Ispirtu ewlieni li jrieġi u jmexxi”.

 

Tajjeb nagħrfu li dan id-don kbir, li tiegħu bi gratitudni aħna qaddejja għal dejjem, qed iserraħ fuq spallejn dgħajfa. Forsi għalhekk il-Knisja, fit-talba tagħha tal-konsagrazzjoni tal-isqfijiet, ħadet din l-espressjoni mill-Miserere (ara Salm 51:14b) fejn min qed jitlob, wara li juri l-falliment tiegħu, jitkarrab għal dak l-Ispirtu li jroddlu l-ġenerożità immedjata u spontanja fl-ubbidjenza għal Alla, hekk fundamentali għal min imexxi komunità.

 

Hu biss min iħalli lil Alla jmexxih li jista’ u għandu l-awtorevolezza li jiġi mqiegħed bħala mexxej fuq l-oħrajn. Jista’ jagħmilha ta’ mgħallem u jrawwem fid-dixxerniment dak biss li għandu familjarità ma’ dan l-imgħallem ġewwieni li, bħal boxxla, joffri l-kriterji biex wieħed jagħraf, għalih u għall-oħrajn, iż-żminijiet ta’ Alla u tal-grazzja tiegħu; biex jifhem mnejn jgħaddi u liema hi t-triq tas-salvazzjoni tiegħu; biex juri l-mezzi konkreti, mogħġuba minn Alla, biex iwettaq it-tajjeb li Hu ħejja sa minn qabel fil-pjan misterjuż ta’ mħabbtu għal kull wieħed u waħda u għal kulħadd. Dan hu l-għerf prattiku tas-Salib, li anki jekk jinkludi fih ir-raġuni u l-prudenza tagħha, imur lil hemm minnhom għax iwassal għall-istess għajn tal-ħajja li ma tmutx, jiġifieri, li “jagħraf lill-Missier, Alla waħdu veru, u lil dak li hu bagħat: Ġesù Kristu” (ara Ġw 17:3).

 

L-isqof ma jistax jibqa’ ma jqisx il-pussess ta’ don hekk għoli u traxxendenti, bħallikieku kien dritt miksub, mingħajr ma jispiċċa f’ministeru li ma jibqax jagħmel frott. Hemm bżonn li kontinwament nittallbu għalih bħala kundizzjoni ewlenija li dawwal kull għerf uman, eżistenzjali, psikoloġiku, soċjoloġiku, morali li bih nistgħu ninqdew fil-ħidma tad-dixxerniment tat-toroq ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk li ġew fdati f’idejna.

 

Għalhekk, hemm bżonn li kontinwament nerġgħu lura fit-talb tagħna lejn Gibgħon (ara 1 Slat 3:5-12), biex infakkru lil Alla li quddiemu aħna għal dejjem “daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma nafu mnejn għandna ngħaddu” u biex nittallbu mhux “għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa”, imma biss “moħħ ħafif biex nifhmu, biex nistgħu mmexxu l-poplu tiegħu, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin”. Mingħajr din il-grazzja, ma nistgħux insiru bassara tajba ta’ dak li jidher f’“wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll”, u nibqgħu ma nkunux kapaċi “nfissru ż-żmien ta’ Alla” (ara Lq 12:54-56).

 

Għalhekk, id-dixxerniment jitwieled fil-qalb u fil-moħħ tal-isqof fit-talb tiegħu, meta jlaqqa’ l-persuni u s-sitwazzjonijiet fdati lilu mal-Kelma divina mlissna mill-Ispirtu. U f’din l-intimità r-Ragħaj jimmatura l-libertà interjuri tiegħu li ssaħħu fl-għażliet u fl-imġibiet tiegħu, kemm personali u kemm ekkleżjali. Fis-skiet tat-talb biss jista’ jitgħallem il-leħen ta’ Alla, jaqbad xi ħaġa mill-lingwaġġ tiegħu, jasal għall-verità tiegħu, li hi dawl differenti, li “mhix ’il fuq mill-intelliġenza kważi bħaż-żejt li jitla’ f’wiċċ l-ilma”, hi pjuttost ogħla għax huwa biss “min jaf il-verità li jaf dan id-dawl” (ara Wistin, Conf. VII, 10.16).

 

Id-dixxerniment hu don tal-Ispirtu lill-Knisja, li għalih inwieġbu bis-smigħ

Id-dixxerniment hu grazzja tal-Ispirtu lill-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, li tagħmlu Poplu profetiku, mogħni bis-sens tal-fidi u b’dak l-istint spiritwali li jagħmlu kapaċi sentire cum Ecclesia. Hu don li rċieva f’nofs il-Poplu u hu orjentat għas-salvazzjoni tiegħu. Ladarba sa mill-Magħmudija l-Ispirtu diġà jgħammar fil-qalb tal-fidili, il-fidi appostolika, il-Beatitudnijiet, l-integrità u l-ispirtu tal-Vanġelu mhumiex ħaġa barranija għalihom.

 

Għalhekk, imqar jekk hu mlibbes b’responsabbiltà personali li ma jistax jaħrab minnha (ara Direttorju Apostolorum successores, 160-161), l-Isqof hu msejjaħ jgħix id-dixxerniment tiegħu ta’ Ragħaj bħala membru tal-Poplu ta’ Alla, jiġifieri f’dinamika dejjem ekkleżjali, għas-servizz tal-koinonìa. L-Isqof mhuwiex il-“missier sid” awtosuffiċċjenti u lanqas ir-“ragħaj solitarju” mbeżża’ u maqtugħ għalih waħdu.

 

Id-dixxerniment tal-Isqof hu dejjem azzjoni komunitarja, li ma tistax taħrab mill-għana tal-parir tal-presbiteri u d-djakni tiegħu, tal-Poplu ta’ Alla u ta’ dawk kollha li jistgħu joffrulu kontribut siewi, anki b’sehem konkret u mhux sempliċiment formali. “Meta ma nagħtux kas tal-aħwa u nħossuna superjuri, nispiċċaw nitkabbru anki kontra Alla nnifsu”.[1]

 

Fid-djalogu seren, hu ma jibżax jaqsam, u anki xi drabi jagħmel bidliet, fid-dixxerniment tiegħu mal-oħrajn: mal-aħwa fl-episkopat, li magħhom hu mxierek sagramentalment, u allura d-dixxerniment isir kolleġġjali; mas-saċerdoti tiegħu, li tagħhom hu garanti ta’ dik l-għaqda li ma tiġix imposta bil-qawwa imma tintiseġ bis-sabar u l-għerf ta’ bniedem tas-sengħa; mal-fidili lajċi, għax huma għandhom ix-“xamma” tal-infallibbiltà vera tal-fidi li tgħammar fil-Knisja: huma jafu li Alla ma jonqos qatt fi mħabbtu u ma jerġa’ qatt lura mill-wegħdiet tiegħu.

 

Kif tgħallima l-istorja, ir-Ragħajja kbar, biex iħarsu l-fidi vera, għarfu jiddjalogaw ma’ dan id-depożitu preżenti fil-qalb u fl-għarfien tal-fidili u, mhux darba u tnejn, kienu mwieżna minnhom. Mingħajr dan il-qsim reċiproku, “il-fidi tal-iżjed għorrief tista’ tispiċċa f’indifferenza u dik tal-iżjed ċkejkna f’superstizzjoni”.[2]

 

Mela nistedinkom trawmu fikom atteġġjament ta’ smigħ, tikbru fil-libertà li biha tkunu kapaċi twarrbu l-mod kif taraw l-affarijiet intom (meta dan ikun parzjali u mhux biżżejjed), biex tagħmlu tagħkom dak ta’ Alla. Mingħajr ma tħallu jikkundizzjonawkom l-għajnejn tal-oħrajn, ħabirku biex tagħrfu b’għajnejkom stess il-postijiet u l-persuni, it-“tradizzjoni” spiritwali u kulturali tad-djoċesi fdata lilkom, biex b’rispett kbir tidħlu fil-qalba tal-memorja tax-xhieda tagħha ta’ Kristu u biex taqraw il-preżent konkret tagħha fid-dawl tal-Vanġelu, li barra minnu ma hemm ebda futur għall-Knisja.

 

Il-missjoni li hemm tistenniekom mhix li tmexxu l-ideat u l-proġetti tagħkom infuskom, lanqas soluzzjonijiet maħsuba fl-astratt minn min iqis il-Knisja bħall-ġnien tad-dar tiegħu, imma li umilment, mingħajr protagoniżmi jew narċisiżmi, toffru x-xhieda konkreta tagħkom ta’ għaqda ma’ Alla, taqdu l-Vanġelu li għandu jinżera’ u jiġi megħjun jikber f’dik is-sitwazzjoni speċifika.

 

Tiddixxernu, mela, ifisser umiltà u ubbidjenza. Umiltà fejn jidħlu l-proġetti tagħkom. Ubbidjenza lejn il-Vanġelu, l-ogħla kriterju; lejn il-Maġisteru, li jħarsu; lejn in-normi tal-Knisja universali, li jaqduh; u lejn il-qagħda konkreta tal-persuni, li ma jistennew xejn iktar minna ħlief li noħorġulhom mit-teżor tal-Knisja dak li jissarraf fl-akbar frott għas-salvazzjoni tagħhom illum (ara Mt 13:52).

 

Id-dixxerniment hu rimedju tajjeb għal min ma jridx jiċċaqlaq minn postu għax “dejjem hekk sar” jew “imbagħad naraw”. Hu proċess kreattiv, li ma jillimitax ruħu għall-applikazzjoni ta’ skemi. Hi mediċina kontra r-riġidità, għax l-istess soluzzjonijiet mhumiex tajba għal kullimkien. Hu dejjem l-illum dejjiemi tal-Irxoxt li ma jridniex nirrassenjaw ruħna għar-ripetizzjoni tal-passat, imma li jkollna l-kuraġġ nistaqsu lilna nfusna jekk il-proposti tal-bieraħ għadhomx evanġelikament validi. Tingħalqux wara l-ħitan tan-nostalġija li jista’ jkollkom biss tweġiba waħda biex tapplikawha għall-każi kollha. Dan jaf forsi jikkalma l-ansjetà tagħna biex nieħdu azzjoni, imma jitlaq għall-ġenb u “fin-nixfa” dawk il-ħajjiet li għandhom bżonn jissaqqew mill-grazzja li aħna ħarriesa tagħha (ara Mk 3:1-6; Eżek 37:4).

 

Nitlobkom timxu bi ħlewwa speċjali mal-kultura u r-reliġjożità tal-poplu. Dawn mhumiex xi ħaġa li rridu nittolleraw, jew sempliċi strumenti li nimmanuvraw, jew “Cindirella” li aħjar inżommu dejjem moħbija għax ma jixirqilhiex tirfes fis-salott nobbli tal-kunċetti u tar-raġunijiet superjuri tal-fidi. Anzi, hemmm bżonn nieħdu ħsiebhom u niddjalogaw magħhom, għax, barra li huma dak il-livell soċjali li fih in-nies tifhem lilha nfisha, huma suġġett veru ta’ evanġelizzazzjoni, li d-dixxerniment tagħkom ma jistax jgħaddi mingħajru. Kariżma bħal din, mogħtija lill-komunità ta’ dawk li jemmnu, ma jistax ma jkollhiex l-għarfien, il-konsultazzjoni u l-involviment tal-mixja ordinarja tad-dixxerniment tar-Ragħajja.

 

Ftakru li Alla kien diġà preżenti fid-djoċesijiet tagħkom meta wasaltu intom u sa jibqa’ hemm meta intom tkunu tlaqtu. U, fl-aħħar nett, ilkoll għad isir kejl minna mhux skont kemm għamilna opri, imma skont kemm l-opra ta’ Alla kibret fil-qalb tal-merħla li aħna nħarsu f’isem ir-“Ragħaj u ħarries ta’ ruħna” (ara 1 Pt 2:25).

 

Imsejħa biex nikbru fid-dixxerniment

Irridu nħabirku biex nikbru f’dixxerniment inkarnat u inklużiv, li jiddjaloga mal-kuxjenza tal-fidili li għandha tiġi ffurmata u mhux jeħdilha postha (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 37), fi proċess ta’ tisħib kollu sabar u kuraġġ, biex tista’ timmatura l-ħila ta’ kull persuna – fidili, familji, presbiteri, komunità u soċjetà –, kulħadd imsejjaħ biex jimxi ’l quddiem fil-libertà li jagħżel u jwettaq il-ġid mixtieq minn Alla. Fil-fatt, il-ħidma ta’ dixxerniment mhix biss għall-għorrief, għal dawk li moħħhom jilħqilhom jew għall-perfetti. Anzi, Alla spiss jiqfilhom lis-suppervi u juru ruħu lill-umli (ara Mt 11:25).

 

Ir-Ragħaj jaf li Alla hu t-triq u jafda fil-kumpanija tiegħu; jaf u ma jiddubita qatt mill-verità tiegħu, lanqas jaqta’ jiesu mill-wegħda tiegħu ta’ ħajja. Imma dawn iċ-ċertezzi qegħdin għand ir-Ragħaj fid-dalma umli tal-fidi. Biex jgħaddihom lill-merħla, allura, ma joqgħodx ixandar proklami ovvji, imma jdaħħalha fl-esperjenza ta’ Alla li jifdi billi jwieżen u jmexxi l-passi li jistgħu jsiru.

 

Għalhekk, id-dixxerniment awtentiku, imqar jekk defenittiv f’kull pass tiegħu, hu proċess dejjem miftuħ u meħtieġ, li jista’ jitwettaq u jistagħna. Ma jirriduċix ruħu għat-tennija ta’ formli li “bħas-sħab għoli jibagħtu ftit li xejn xita” lill-bniedem konkret, spiss mgħaddas f’realtà li ma tistax tirriduċiha għall-abjad jew l-iswed. Ir-Ragħaj hu msejjaħ jagħmel disponibbli għall-merħla l-grazzja tal-Ispirtu, li taf tinfed qalb it-tinjiet ta’ dak li hu reali, bla ma tinsa l-isfumaturi tiegħu, biex toħroġ dak li Alla jrid iwettaq f’kull ħin. Qed jiġuni f’moħħi b’mod partikulari ż-żgħażagħ, il-familji, is-saċerdoti, dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxu s-soċjetà. Jalla fuq xofftejkom ikunu jistgħu jfittxu u jsibu x-xhieda sħiħa ta’ dik il-Kelma ogħla, li hi “musbieħ għall-passi u dawl fil-mixi” (ara Salm 118:105).

 

Kundizzjoni essenzjali biex nimxu ’l quddiem fid-dixxerniment hi li nedukaw ruħna għall-paċenzja ta’ Alla u għaż-żminijiet tiegħu, li qatt ma huma bħal tagħna. Hu ma “jisparax in-nar fuq l-infidili” (ara Lq 9:53:54), lanqas jippermetti liż-żelanti li “jaqilgħu s-sikrana mill-għalqa” meta jarawha qed tikber (ara Mt 13:27-29). Jeħtieġ li aħna ta’ kuljum nilqgħu mingħand Alla t-tama li żżommna saqajna mal-art, għax tgħinna niskopru l-grazzja moħbija fil-preżent mingħajr ma nitilfu minn taħt għajnejna s-sabar tal-pjan ta’ mħabbtu li jmur lil hemm minna.

 

Għeżież ħuti,

 

Nitlobkom li żżommu b’reqqa quddiem għajnejkom lil Ġesù u l-missjoni li ma kinitx tiegħu imma tal-Missier (ara Ġw 7:16), u li toffru lin-nies – illum, bħall-bieraħ, mifxula u mitlufa – dak li għaraf jagħtiha hu: il-possibbiltà li tiltaqa’ personalment ma’ Alla, li tagħżel it-Triq tiegħu u li timxi fi mħabbtu.

 

Żommu partikularment imsammra fuqu l-ħarsa tagħkom illum, festa tas-Salib Imqaddes, post permanenti tad-dixxerniment ta’ Alla għall-ġid tagħna, billi tikkontemplaw il-profondità tal-Inkarnazzjoni tiegħu u titgħallmu minnu l-kriterju ta’ kull dixxerniment awtentiku (ara 1 Ġw 4:1).

 

Il-Verġni, li tibqa’ b’ħaristha msammra fuq Binha, tħariskom hi u tberikkom, lilkom u lill-Knejjes partikulari tagħkom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Doroteo di Gaza, Comunione con Dio e con gli uomini, Edizioni Qiqajon, 2014, 101-102.

[2] John Henry Newman, Sulla consultazione dei fedeli in materia di dottrina, Morcelliana, Brescia 1991, 123.