D. – Santità, qabelxejn grazzi tal-ħin li qed tagħtina: inqisuh bħala rigal lit-telespettaturi kollha ta’ Tv2000. Nixtiequ nitkellmu miegħek fuq il-Ġublew li għadu kemm intemm. It-terminu bilanċ għandu ton kummerċjali, tajjeb għall-kumpaniji. Imma x’inhuma l-impressjonijiet tiegħek? Kuntent kif għexna l-Ġublew? Kemm kienet qaddisa din is-Sena Mqaddsa?

 

Il-Papa Franġisku:

Xi ħadd talabni nagħmel intervista fuq il-bilanċ, ftit jew wisq, u jien dritt ġieni f’moħħi ċ-ċensiment tas-Sultan David, u twerwirt… [jidħak] [is-Sultan David ġie kkastigat minn Alla bil-pesta minħabba f’ċensiment tal-poplu ta’ Israel li ma kienx mixtieq minn Alla (2 Sam 24)]. Jien nista’ ngħid biss x’aħbarijiet qed jaslu mid-dinja kollha. Il-fatt li l-Ġublew ma sarx biss Ruma, imma f’kull djoċesi tad-dinja, fid-djoċesijiet, fil-katidrali u fil-knejjes li l-Isqof indika, dak il-fatt għamel il-Ġublew xi ħaġa ftit jew wisq universali. U għamel tant ġid. Għamel tant ġid. Għax kienet il-Knisja kollha li għexitu dan il-Ġublew, inħolqot bħal atmosfera ta’ Ġublew. U l-aħbarijiet li jasluli mid-djoċesijiet jitkellmu fuq ħafna nies li resqu lejn il-Knisja, kellhom laqgħa ma’ Ġesù, il-laqgħa… tant affarijiet sbieħ… Jien ngħid: kienet barka tal-Mulej u anki, mhux ħa ngħid l-aħħar pass, imma pass kbir ’il quddiem fil-mixja li bdiet mal-Beatu Pawlu VI, u mbagħad San Ġwanni Pawlu II li saħaq b’ċerta qawwa fuq il-Ħniena: jiġuni f’moħħi tliet fatti kbar, le? L-Enċiklika, il-jum tal-Ħniena Divina fl-Ottava tal-Għid, u l-kanonizzazzjoni ta’ Swor Fawstina. San Ġwanni Pawlu II għamel pass kbir. U mbagħad, dan… Hu f’linja ekkleżjali fejn il-Ħniena tiġi, mhux skoperta, għax dejjem kienet, imma tiġi mxandra b’mod qawwi: hu bħal bżonn, bżonn. Bżonn li nemmen li għandha din id-dinja, li għandha l-marda tal-iskart, il-marda li tagħlaq qalbha, tal-egoiżmu, jagħmlilha tajjeb. Għax fetħet qalbha u ħafna nies iltaqgħet ma’ Ġesù… Ma nafx, dan hu li naħseb jien dwar il-Ġublew.

 

D. – U issa, biex ma jiqafx kollox hawn, x’tistenna li jsir? Kif għadha trid tinbidel din is-Sena tal-Ġublew, u xi frott tista’ tħalli fil-Knisja?

 

Il-Papa Franġisku:

Ġie miżrugħ ħafna. U skont il-liġi tal-Vanġelu, iż-żerriegħa tiġi miżrugħa u hu l-Mulej li jkabbarha. Jien nemmen li l-Mulej sa jkabbar ħwejjeġ tajba, sempliċi, ta’ kuljum, fil-ħajja tan-nies, mhux ħwejjeġ spettakolari, le.

 

D. – Kull xahar, il-Ġimgħa, int għamilt xi opra ta’ ħniena billi kont tmur iżżur xi post ta’ tbatija u li jilqa’ lil persuni fil-bżonn. Nista’ nimmaġina kemm uċuħ, kemm stejjer għaddew minn ħajtek, matul din is-sena. Hemm xi waħda jew iżjed li int tixtieq tfakkar b’mod partikulari, għax baqgħet f’qalbek?

 

Il-Papa Franġisku:

Jiġuni f’moħħi tnejn, biex ngħidu hekk, bħalissa… Meta żort it-tfajliet li nqalgħu mill-isfruttament tal-prostituzzjoni. Niftakar waħda, mill-Afrika: ħelwa ħafna, għadha żgħira, abbużata – kienet tqila – sfruttata, imma wkoll bix-xbajja qawwija u t-torturi: “Trid tmur taħdem”… U hi u tirrakkonta l-istorja tagħha – kien hemm ħmistax bħalha, hemm, jirrakkontawli l-istorja tagħhom, kull waħda – qaltli: “Dun, jien ħlist f’jum ta’ xitwa fit-triq. Waħdi. Waħdi. It-tarbija tiegħi mietet”. Ġagħluha taħdem sa dakinhar, għax jekk lil min kien jisfruttaha ma kinitx teħodlu kemm iridu, kienet tiġi msawta, anki ttorturata. Oħra kienu qatgħulha widintha barra għax ma kinitx ġabitilhom… Din hi… U ħsibt mhux biss f’dawk li jisfruttaw, imma anki f’dawk li kienu jħallsu lit-tfajliet: imma huma ma jafux li b’dawk il-flus, biex jissodisfaw ruħhom sesswalment, qed jgħinu lill-isfruttaturi?

 

L-oħra, dakinhar li mort nara ż-żewġt itruf tal-ħajja, il-bidu u t-tmiem: fit-tmiem mort l-isptar qrib il-Gemelli, sptar li għandu rabta mal-Gemelli, imma hu għall-pazjenti b’mard terminali. Dakinhar stess mort fl-Isptar San Giovanni, fis-sala tal-maternità, u kien hemm mara tibki, tibki, tibki quddiem iż-żewġ tewmin tagħha… żgħar żgħar, imma l-ġmiel tagħhom: kien miet it-tielet wieħed. Kienu tlieta, imma wieħed minnhom miet. U kienet qed tibki għal binha mejjet, hija u żżiegħel b’dawn it-tnejn. Id-don tal-ħajja… U ħsibt fid-drawwa li nneħħu t-tfal qabel jitwieldu, dan il-krimini orrend: ineħħuhom għax aħjar hekk, għax hekk tkun iżjed komdu, x’responsabbiltà kbira – dnub gravissmu, le? – hi responsabbiltà kbira… Din, li kellha tliet ulied, kienet qed tibki għal dak li kien mitilha, lanqas fit-tnejn li għexu ma setgħet issib faraġ. L-imħabba għall-ħajja, f’kull sitwazzjoni… Dan baqa’ hekk ġo qalbi… żewġ affarijiet li rajt…

 

D. – Int spiss ittenni li tixtieq Knisja fqira għall-foqra: veru hi possibbli, u kif? U dan jolqot il-Knisja bħala istituzzjoni jew imbagħad jolqot fir-realtà wkoll lil kull wieħed u waħda minna?

 

Il-Papa Franġisku:

Il-Knisja bħala istituzzjoni aħna nagħmluha, kull wieħed u waħda minna; il-komunità hi aħna. L-akbar għadu – l-akbar wieħed! – ta’ Alla hu l-flus. Aħsbu ftit kif Ġesù lill-flus jagħtihom l-istatus ta’ sid, meta jgħid: “Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien: Alla u l-flus”. Alla u l-għana. Ma jgħidx Alla u – fejn naf jien – il-mard, jew Alla u xi ħaġa oħra: il-flus. Għax il-flus huma l-idolu. Dan qed narawh issa, le? F’din id-dinja fejn il-flus donnhom li jikkmandaw. Il-flus huma strument maħluq biex iservi, u l-faqar hu fil-qalba tal-Vanġelu u Ġesù jitkellem fuq dan l-iskontru: żewġ sinjuri, żewġ sidien. Jew inkun fuq il-parti ta’ dan jew fuq il-parti tal-ieħor. Noqgħod fuq il-parti ta’ dan, li hu Missieri; noqgħod fuq il-parti tal-ieħor, li jagħmilni lsir. U mbagħad, il-verità: ix-Xitan dejjem jidħol mill-bwiet, dejjem. Hu l-bieb li minnu jgħaddi biex jidħol. Jeħtieġ nissieltu biex nibnu Knisja fqira għall-foqra, skont il-Vanġelu, le? Jeħtieġ nitqabdu. U meta jien nara Mattew 25, li hu l-protokoll li fuqu għad isir ħaqq minna, nifhem iżjed xi tfisser Knisja fqira għall-foqra: l-opri tal-ħniena, le? F’Mattew 25. Hi possibbli, imma dejjem irridu nitqabdu għax it-tentazzjoni tal-ġid hi kbira ħafna. Sant’Injazju fl-Eżerċizzi jgħallimna li hemm tliet tarġiet: l-ewwel, l-għana li jibda jikkorrompi r-ruħ; imbagħad, il-vanità, il-blalen tas-sapun [hu jgħid: pompe di sapone, mill-Ispanjol pompas de jabón], ħajja vanituża, id-dehra minn barra… u mbagħad, is-suppervja u l-kburija. U minn hekk, id-dnubiet kollha. Imma l-ewwel tarġa huma l-flus, in-nuqqas ta’ faqar. Għalhekk mhix ħaġa ħafifa, u jeħtieġ kontinwament, kontinwament nirriflettu, ngħarblu lilna nfusna…

 

D. – Mistoqsija personali, jekk tippermettili: meta titkellem dwarek innifsek, int spiss sejjaħt lilek innifsek midneb li l-Mulej ħares lejh. Xtaqt nistaqsik: liema huma t-tentazzjonijiet ta’ Papa, u kif tispjega lil xi ħadd li ma jemminx, lil min m’għandux id-don tal-fidi, din l-esperjenza li l-Mulej qed iħares lejk? Kif tirrakkontaha, kif tispjegaha?

 

Il-Papa Franġisku:

Imma t-tentazzjonijiet ta’ Papa huma t-tentazzjonijiet ta’ kull persuna oħra, ta’ kull bniedem. Skont id-dgħufijiet tal-personalità, li x-Xitan dejjem jinqeda bihom biex jidħol, li huma n-nuqqas ta’ sabar, l-egoiżmu, imbagħad xi ftit tat-telqa… ma jimpurtax, imma mbagħad jidħlu kollha, kollha… U t-tentazzjonijiet jibqgħu magħna sal-aħħar, le? Il-qaddisin kienu ttentati sal-aħħar mument, u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù kienet tgħid li għandna nitolbu ħafna għall-moribondi, għax ix-Xitan iwaddbilhom tempesta ta’ tentazzjonijiet, f’dak il-ħin, le? U anki hi: hi ġiet ittentata bil-qtigħ il-qalb, bin-nuqqas ta’ fidi, le? Niexfa bħal ġebla… Imma rnexxielha tafda fil-Mulej, bla ma tħoss xejn, u hekk għelbet it-tentazzjoni, le? U għalhekk kienet tisħaq li importanti nitolbu għall-moribondi. “Il-ħajja tal-bniedem hi ġlieda fuq din l-art”, jgħid il-ktieb, wieħed mill-kotba tal-Għerf, le? U tiġġieled biex tirbaħ it-tentazzjonijiet. Dejjem sa nsibuhom magħna. Dwar dik l-espressjoni, hi esperjenza, dik li jien kelli, dak il-21 ta’ Settembru, meta dħalt fil-knisja… jien kont żagħżugħ prattikanti, imma tal-qoxra, eħ? U rajt saċerdot li ma kontx naf, qerrejt għandu u ħriġt differenti u mibdul. U minn dakinhar sal-lum, il-Mulej baqa’ jħares lejja bil-ħniena u jsalvani. Hekk ngħixha l-esperjenza tiegħi…

 

D. – Jien ridt nistaqsik ħaġa fuq il-ħabsin. Int, ġimagħtejn ilu, ilqajt hawn Ruma lil xi ħabsin u għidt li spiss tistaqsi lilek innifsek – u li forsi messna nistaqsuha kollha – “Għaliex mhux jien, għaliex huma u mhux jien?”. Madankollu, ħafna Nsara jbatu biex iħossuhom ħaġa waħda ma’ min wettaq delitti, forsi gravi, ħwejjeġ gravi, għandhom xi ftit l-atteġġjament tal-iben il-kbir tal-Parabbola, le? U għalhekk il-mistoqsija tiegħi hi doppja: x’għandna ngħidu lilna nfusna u x’għandna nagħmlu biex nifhmu dan, u t-tieni hi jekk għandniex nagħmlu xi ħaġa anki aħna fil-konfront tal-liġijiet: hemm liġijiet li jipprevedu l-piena tal-mewt jew is-sentenza ta’ għomor il-ħabs li fl-aħħar mill-aħħar hi kundanna li m’għandhiex… hi ħabs għall-ħajja li donnu ma jħalli l-ebda triq biex wieħed joħroġ minnha…

 

Il-Papa Franġisku:

L-ewwel parti tal-mistoqsija: l-aħħar darba, il-Ħadd li għadda, ċempilt lil wieħed kont nafu, fil-ħabs ta’ Buenos Aires, u staqsejtu: “Kif int? Tajjeb…”… Meta nsib ftit tal-ħin, nipprova nċempel lill-ħabsin li kont naf meta kont inżurhom, le? Għax għandi dan is-sentiment: għaliex hu u mhux jien? Jekk jien… imma l-Mulej għandu biżżejjed raġunijiet biex jibgħatni l-ħabs, u hu għattieli xturi… Għax reat m’għandux jiġi kkastigat fl-aħħar, għandu jiġi kkastigat meta jibda, jista’ jiġi kkastigat meta jibda u jien f’ħajti kelli ħafna bidu ta’ ħwejjeġ koroh li kieku l-Mulej telaq driegħu minn fuqi… dan ifisser “għaliex huma u mhux jien?”. U mbagħad, hemm idea fostna, hemm ħsieb mifrux: imma, dak jinsab il-ħabs għax għamel xi ħaġa ħażina: issa ħa jpatti. Il-ħabs bħala kastig. U dan mhux sewwa. Il-ħabs – biex ngħidu hekk, biex nagħtu eżempju – hu bħal ‘purgatorju’, biex ngħidu hekk, jiġifieri biex nipprepraw ruħna ħalli nerġgħu nidħlu fis-soċjetà. M’hemmx piena vera mingħajr tama. Jekk piena ma fihiex tama, mhix piena Nisranija, mhix umana. Għalhekk, il-piena tal-mewt mhix tajba. Iva, int tista’ tgħidli, iva, fis-seklu ħmistax, fis-seklu sittax, kienu joqtlu l-kriminali, il-piena kapitali, bit-tama li jmorru l-Ġenna, kien ikun hemm il-kappillan li jibagħtek il-Ġenna. Jiġini f’moħħi l-kbir Dun Cafasso, hemm, qrib il-forka… Imma dik kienet antropoloġija oħra, kultura oħra. Imma llum ma nistgħux naħsbu b’dan il-mod. Anki dawk li jqattgħu għomorhom kollu l-ħabs, le? Ngħid hekk jien: il-piena għal għomor sħiħ il-ħabs hi piena tal-mewt xi ftit mgħottija. Imma fil-każ ta’ persuna li għall-karatteristiċi psikoloġiċi tagħha ma tistax tagħtik garanzija ta’ ri-inseriment? Imma hemm modi oħra kif nerġgħu ninserixxuh bix-xogħol, bil-kultura, f’ċertu reġim ta’ ħabs, imma b’mod li hu jħossu jiswa għas-soċjetà, mgħasses, imma r-ruħ tista’ tinbidel: ma jibqax dak li għamel ir-reat, kriminali, imma hu wieħed li bidel ħajtu u issa qed jagħmel xi ħaġa fil-ħabs li terġa’ tinserih u jħossu b’dinjità ġdida, le? U dan hu importanti. Imma l-ħajt – kemm jekk il-piena tal-mewt, kemm jekk l-għomor sħiħ il-ħabs, hekk, bħala kastig – ma jgħinx. Ma nafx jekk spjegajtx ruħi. U mbagħad, ħaġa li tmissli qalbi meta nara – jew kont nara, fi Buenos Aires – il-filliera biex jidħlu għaż-żjara l-ħabs: l-ommijiet. Nisa li ma jistħux joqogħdu fil-filliera hemm, quddiem il-belt kollha, għax jgħaddu l-karozzi tal-linja, tgħaddi n-nies… “Dak ibni: jien ħa mmur [narah]”. Xi mħabba hux? Omm… Anki nisa miżżewġa li jmorru hemm u jġarrbu tant umiljazzjoni biex jidħlu; imma anki l-umiljazzjoni li jridu joqogħdu ringiela quddiem id-dinja kollha… “Dak ibni u jien ħa mmur”. Dan lili għamilli ħafna ġid u ġagħalni nistaqsi: “Jien qed insaqqaf wiċċi minħabba l-fidili tiegħi, għall-Insara tiegħi? Jew le?”. Għalija kien motiv ta’ riflessjoni, għamilli ħafna ġid nara lil dawn in-nisa qalbiena.

 

D. – Santità, int għidt li l-attitudni umana l-aktar qrib tal-grazzja divina hi l-umoriżmu: affermazzjoni li tista’ tidher xi ftit stramba, fuq fomm Papa… Għaliex? Forsi għax trid tkun irċivejt xi grazzja kbira, don kbir biex tkun kapaċi wkoll tidħak bid-difetti tiegħek stess?

 

Il-Papa Franġisku:

Is-sens ta’ umoriżmu hu grazzja li jien nitlob li jkolli ta’ kuljum, u nitlob b’dik it-talba ħelwa ta’ San Tumas More: “Agħtini, Mulej, is-sens ta’ umoriżmu”; biex nagħraf nidħak quddiem battuta…: sabiħa ħafna, dik it-talba, le? Għax is-sens tal-umoriżmu jerfgħek, jurik dak li jgħaddi fil-ħajja u tieħu l-affarijiet bi spirtu ta’ ruħ mifdija. Hu atteġġjament uman, imma hu l-iżjed wieħed qrib tal-grazzja ta’ Alla. Jien kont naf saċerdot – saċerdot kbir, ragħaj kbir, biex nikkwota wieħed – li kellu sens kbir ta’ umoriżmu, imma anki bih kien jagħmel tant ġid, għax kien jirrelativizza l-affarijiet: “L-Assolut hu Alla, imma, ma’ dan tirranġa, tista’… serraħ rasek…”; imma bla ma jgħidu hekk, kien jaf iġagħlek tħossu, bis-sens tal-umoriżmu tiegħu. U dwaru kienu jgħidu: “Imma dan, jaf jidħak bl-oħrajn, bih innifsu, anki bl-istess dell tiegħu…”. U dik il-ħila li jibqa’… li jibqa’ tfajjel quddiem Alla. Ifaħħar lill-Mulej bi tbissima u anki battuta magħmula tajjeb…

 

D. – Waħda mill-opri tal-ħniena, irrikkmandata mill-Katekiżmu Kattoliku, li int fakkartna l-Erbgħa wkoll fl-Udjenza Ġenerali, hi li nistabru b’min idejjaqna – li qatt ma jonqsu, għidtilna int l-Erbgħa… Int xi tbati l-iżjed biex tissaporti: l-insulti ta’ dawk li jattakkawk jew l-ammirazzjoni falza ta’ dawk li jfaħħruk?

 

Il-Papa Franġisku:

It-tieni waħda! Jien għandi allerġija għal min jilgħaq. Għandi allerġija. Tiġini naturali, eħ! Mhix xi virtù. Għax meta toqgħod tilgħaq lil dak li jkun, tkun tuża persuna oħra għal skop tiegħek, moħbi jew li jidher, imma biex tikseb xi ħaġa għalik innifsek. Hi ħaġa wkoll tal-mistħija. Aħna, fi Buenos Aires, fl-argot porteño tagħna, lil-lagħqa nsejħulhom “dawk li jilagħqu l-kalzetti”, u l-figura hi propju ta’ min jilgħaq il-kalzetti tal-ieħor. Kerha tomgħod il-kalzetti tal-ieħor, għaliex… isem joqgħodilhom ħafna… U anki lili, meta jfaħħruni, anki xi ħadd li jfaħħarni għal xi ħaġa li rnexxietli: imma dritt, int tintebaħ li hemm min ifaħħrek biex ifaħħar lil Alla, “tajjeb, bravu, mexxi, dan għandu jsir!”, u hemm min jagħmlu billi jidilkek bi ftit żejt… Dawk li jattakkawni, imma… dawk li jattakkawni jitkellmu ħażin fuqi, u jien hekk jixraqli, għax jien midneb: dan jiġini li naħseb [jidħak]. Dak ma jinkwetanix. Imma ma jixraqlekx minħabba dak li qed jattakkawk fuqu! Le. Imma, minħabba dak li huma ma jafux. U hekk insolviha l-problema. Imma l-lagħqi hu… ma nafx kif ngħidha bit-Taljan, imma hu bħaż-żejt…

 

(intervistatur)

 

jiżloq minn fuqek

 

Il-Papa Franġisku:

Dik hi.

 

D. – Xi twieġbu lil min, anki fost l-Insara, jaħseb li l-ħniena twessgħa l-komma tal-ġustizzja u għalhekk hi inġusta, lil min jaħseb li l-ħniena ma tistax tkun it-tweġiba – ngħidu aħna – għal min jippersegwita jew min, forsi anki minħabba biża’ ġustifikat, itella’ ħitan biex jiddefendi ruħu minflok pontijiet? Mill-ġdid jiġini f’moħħi li dan hu l-atteġġjament, forsi, tal-iben il-kbir tal-Parabbola… Insomma, x’tista’ twieġeb lil min anki fost l-Insara jaħsibha hekk?

 

Il-Papa Franġisku:

Iva… fl-aħħar mill-aħħar hemm problema ta’ riġidità morali, wara dan, le? L-iben il-kbir kien riġidu morali: “Dan berbaq il-flus f’ħajja tad-dnub, ma jistħoqqlux li jkun milqugħ hekk”. Ir-riġidità: dejjem il-post tal-imħallef. Dik ir-riġidità li mhix ta’ Ġesù. Ġesù jċanfar lill-għorrief tal-Knisja: ħafna, ħafna kontra r-riġidità. Aġġettiv jagħtihom, li jien ma nixtieq qatt li jingħad lili: ipokrita. Kemm drabi Ġesù juża dan l-aġġettiv mal-għorrief tal-liġi: ipokriti. Biżżejjed taqra l-kapitlu 23 ta’ Mattew: “Ipokrita”. U t-teorija li jġibu hi li l-ħniena iva… imma l-ġustizzja hi importanti! F’Alla – u anki fl-Insara, la hi f’Alla – il-ġustizzja hi ħanina u l-ħniena hi ġusta. Ma tistax tifridhom: hi ħaġa waħda. U kif nispjegawha? Aħ… mur għand professur tat-teoloġija u jispjegahielek… [jidħak] U wara l-prietka tal-muntanja, fil-verżjoni ta’ Luqa, tiġi l-prietka tal-pjanura. U kif tispiċċa? Ħennu bħalma ħanin hu l-Missier. Ma jgħidx: kunu ġusti bħall-Missier. Imma hi l-istess! Ġustizzja u ħniena f’Alla huma ħaġa waħda. U meta Ġesù jaħfer lil Żakkew u jmur jiekol mal-midinbin, jaħfer lill-Maddalena, jaħfer lill-adultera, jaħfer lis-Samaritana, x’qed jagħmel, iwessa’ l-komma? Le. Qed jagħmel il-ġustizzja ta’ Alla, li hi ħanina.

 

D. – U l-mistoqsija l-oħra li ridt nagħmillek hi jekk l-esperjenza tal-ħniena tobbliganiex ngħidu xi ħaġa wkoll lid-dinja tal-istituzzjonijiet, tal-politika, tal-Istati? Jiġifieri, għandha anki dan il-valur?

 

Il-Papa Franġisku:

Imma jien se ngħid biss kelma li tgħallimt mingħand saċerdot anzjan. U rrid insejjaħlu anzjan, imma hu erba’ snin iżgħar minni, imma għalija hu anzjan, għax hu għaref. Kurjuża: jien inħossni żgħir, żagħżugħ ħdejh għax hu għandu dak l-għerf tal-anzjanità. U hu għallimni kelma fuq il-marda ta’ din id-dinja, ta’ din l-epoka, ta’ dan iż-żmien: il-kardjosklerożi. Naħseb li l-ħniena hi l-mediċina kontra din il-marda, il-kardjosklerożi, li hi proprju fil-bażi ta’ din il-kultura tal-iskart: “Imma dan ma jiswiex; dan l-anzjan nixħtuh fid-dar tal-anzjani; din it-tarbija li ġejja, le, le, le: nibagħtuha mnejn ġiet…”, u narmuhom. “Le, jeħtieġ nieħdu [nolqtu] lil din il-belt fil-gwerra; dik l-oħra?” – “Imma nixħtu l-bombi, jaqgħu fejn jaqgħu: fuq l-isptar, fuq l-iskejjel…”: dawk nies għar-rimi, le? U fil-bażi ta’ din il-kultura tal-iskart hemm il-kardjosklerożi, li naħseb hi waħda mill-iktar mardiet gravi ta’ żmienna. Li m’għadniex kapaċi nħallu qalbna tħoss, toqrob lejn l-oħrajn… il-qalb iebsa… “Jien għandi dak l-iskop u ma jinteressanix l-ieħor: ħa mmur”. U ma naħsibx f’tant ħwejjeġ koroh li jistgħu jsiru fit-triq sakemm nasal hemm. Ma nafx jekk weġibtx għall-mistoqsija tiegħek, għax smajtha u tlaqt dritt fuq dik it-triq…

 

D. – Dejjem fuq il-ħniena, hemm dan il-binarju doppju fejn wieħed jista’ jaħseb: le, jolqot lill-oħrajn jew jolqot lili nnifsi… B’xi mod, kemm jista’ jolqot – appuntu – ir-relazzjoni bejn l-Istati? Kif nistgħu nibnu dinja iżjed ħanina?

 

Il-Papa Franġisku:

Ejja naħsbu f’din it-tielet gwerra dinjija li qed ngħixu, għax hi t-tielet gwerra d-dinjija f’biċċiet, le? Hawn, hawn, hawn… imma qegħdin fi gwerra; l-armi jinbiegħu u jbigħuhom il-fabbrikanti u t-traffikanti tal-armi. U jbigħuhom ukoll liż-żewġ naħat fi gwerra, għax hekk jaqilgħu, le? Bit-traffikar tal-armi… U hemm ebusija kbira ħafna tal-qalb: nieqsa l-ħlewwa. Id-dinja tal-lum għandhom bżonn tar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa. “Imma Alla…”: nieqfu. Alla sar tjieba u ħlewwa, u Alla qorob lejna. Pawlu lill-Filippin jgħidilhom: “Ġesù tbattal minnu nnifsu biex jersaq lejna, sar bniedem bħalna”. Meta nitkellmu fuq Kristu, ma ninsewx il-ġisem ta’ Kristu. U din id-dinja għandha bżonn ta’ din il-ħlewwa li biha nistgħu mmellsu l-ġisem batut ta’ Kristu, mhux noħolqulu iżjed tbatija! Nemmen li l-Istati li qegħdin fi gwerra bejniethom għandhom jaħsbu sewwa kemm tiswa ħajja, u mhux jgħidu: “Imma ħajja waħda ma jimpurtax, l-importanti t-territorju, l-importanti dan…”. Ħajja waħda tiswa iżjed minn territorju sħiħ! U għall-fabbrikanti tal-armi, għat-traffikanti tal-armi l-inqas ħaġa li tiswa hi ħajja. Din hi kelma li kien jgħidli wieħed Ġermaniż: “Heute, das Billigste ist das Leben (Das Billigste, heute, ist das Leben)” [Illum, l-inqas ħaġa li tiswa hi l-ħajja].

 

D. – L-aħħar mistoqsija, Santità: fi żmien xahar int tagħlaq tmenin sena

 

Il-Papa Franġisku:

Min? Jien? [jidħak, jidħku]

 

D. – Int… Il-ġranet tiegħek, narawhom, huma dejjem mimlija sa ruħ ommhom bl-impenji, bla dubju ma jonqsukx il-ħsibijiet… Xi drabi narawk għajjien, madankollu – jekk tista’ tuża terminu bħal dan ma’ Papa – qatt ma narawk taħt stress, kif inkunu ħafna minna, li ngħixu f’din is-soċjetà fejn l-istress u anki d-dipressjoni huma mardiet soċjali. Il-mistoqsija li tiġi – imma sinċiera – hi: kif tagħmel? Hemm xi sigriet li tista’ taqsam magħna?

 

Il-Papa Franġisku:

Hemm te speċjali! [jidħak, jidħku] Ma nafx kif nagħmel, imma… jien nitlob: dak li jgħinni ħafna. Nitlob. It-talb hu għajnuna għalija, ifisser li noqgħod mal-Mulej. Niċċelebra l-Quddiesa, nitlob il-Brevjar, nitkellem mal-Mulej, ngħid ir-Rużarju… Lili t-talb insibu jgħinni ħafna. Imbagħad, norqod tajjeb: hi grazzja tal-Mulej, din. Norqod bħal injama. Dakinhar tat-terremot, ma ħassejt xejn, eħ? Kulħadd ħassu, is-sodda tiżfen… Le, veru, norqod sitt sigħat qisni għuda. Forsi dan jgħinni f’saħħti… Għandi l-problemi tiegħi, le? Il-problema tal-kolonna vertebrali li sejra tajjeb, għalissa… u nagħmel dak li nista’ u mhux iżjed: f’dak is-sens, inqis lili nnifsi, le? Imma ma nafx x’naqbad ngħidlek: hi grazzja tal-Mulej… ma nafx…

 

D. – Grazzi, Santità, u awguri, minn issa

 

Il-Papa Franġisku:

U grazzi lilkom għal dak li qed tagħmlu bil-komunikazzjoni u x-xandir tal-Kelma tal-Mulej, ix-xhieda Nisranija, tal-ħajja tal-Knisja, tal-ħajjiet tan-nies, tal-ħajja tal-foqra, tal-ħajja ta’ dawk il-persuni li l-iżjed għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna. U tinsewx li l-akbar marda, illum, hi l-kardjosklerożi, u li għandna bżonn ta’ rivoluzzjoni tal-ħlewwa.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard