Intervista ta’ La Repubblica mal-Papa Franġisku

18 ta’ Marzu 2020

 

BELT TAL-VATIKAN – “F’dawn il-jiem ibsin nistgħu nsibu mill-ġdid il-ġesti ċkejkna konkreti ta’ qrubija u konkretezza lejn persuni li huma l-iżjed qrib tagħna, żegħila għan-nanniet tagħna, bewsa għat-tfal, għall-persuni li nħobbu. Huma ġesti importanti, deċiżivi. Jekk ngħixu dawn il-jiem b’dan il-mod, ma jkunux moħlija”. Il-Papa Franġisku qed iqatta’ l-jiem tiegħu fil-Vatikan isegwi mill-qrib l-aħbarijiet dwar l-emerġenza tal-Coronavirus. Jumejn ilu mar Santa Maria Maggiore u fil-Knisja ta’ San Marcello al Corso biex jitlob. Ma’ La Repubblica jirrakkonta x’qed jgħallmuh dawn il-jiem.

 

Santità, xi tlabt meta mort f’dawk iż-żewġ knejjes Rumani?

Tlabt lill-Mulej iwaqqaf l-epidemija: Mulej, waqqafha bid-driegħ tiegħek. Għal dan tlabt.

 

Kif nistgħu ngħixu dawn il-jiem bla ma naħluhom?

Jeħtieġ insibu mill-ġdid il-konkretezza tal-ħwejjeġ iż-żgħar, tal-ġesti ċkejkna ta’ attenzjoni li għandu jkollna lejn min hu qrib tagħna, tal-familja, il-ħbieb. Nifhmu li fil-ħwejjeġ iż-żgħar hemm it-teżor tagħna. Hemm ġesti ċkejkna ħafna, li xi drabi jintilfu fl-anonimat tal-ħajja ta’ kuljum, ġesti ta’ ħlewwa, ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, imma li fil-verità huma deċiżivi, importanti. Ngħidu aħna, platt sħun, żegħila, tgħanniqa, telefonata… Huma ġesti familjari ta’ attenzjoni għad-dettalji ta’ kuljum li bihom il-ħajja tieħu sens u jkun hemm komunjoni u komunikazzjoni bejnietna.

 

U s-soltu mhux hekk ngħixu?

Xi drabi ngħixu komunikazzjoni bejnietna li hi biss virtwali. Meta għandna niskopru mod ġdid ta’ kif inkunu qrib ta’ xulxin. Relazzjoni konkreta magħmula minn attenzjoni u sabar. Spiss il-familji d-dar jieklu flimkien f’ħemda kbira, imma mhux waħda li ġejja mis-smigħ wieħed tal-ieħor, imma mill-fatt li l-ġenituri jaraw it-televiżjoni huma u jieklu u l-ulied ikunu mwaħħlin mal-mowbajl. Ikunu qishom ħafna monaċi maqtugħin minn xulxin. Hawnhekk ma teżistix komunikazzjoni; imma huwa importanti li nisimgħu lil xulxin, għax hekk nifhmu l-bżonnijiet tal-ieħor jew l-oħra, il-ħtiġijiet tagħhom, it-tbatija, ix-xewqat. Hemm lingwaġġ magħmul minn ġesti konkreti li jeħtieġ nieħdu ħsiebu. Jidhirli li t-tbatija ta’ żminijietna għal din il-konkretezza għandha tiftħilna qalbna.

 

Ħafna persuni tilfu l-għeżież tagħhom, tant oħrajn qed jissieltu fuq quddiem biex isalvaw ħajjiet oħra. Lil dawn x’tgħidilhom?

Nirringrazzja lil min qed jingħata b’dan il-mod għall-oħrajn. Huma eżempju ta’ din il-konkretezza. U nitlob li lkoll inkunu qrib ta’ dawk li tilfu lill-għeżież tagħhom, u nfittxu li nakkumpanjawhom b’kull mod possibbli. Il-faraġ issa għandu jkun l-impenn ta’ kulħadd. F’dan is-sens laqatni ħafna l-artiklu miktub fuq La Repubblica minn Fabio Fazio fuq x’qed jgħallmuh dawn il-jiem.

 

Xiex partikularment?

Tant partijiet, imma b’mod ġenerali l-fatt li l-imġiba tagħna dejjem se tħalli effett fuq il-ħajja tal-oħrajn. Għandu raġun, ngħidu aħna, meta jgħid: “Deher ċar li min ma jħallasx it-taxxi mhux biss qed iwettaq reat imma delitt: jekk m’hemmx biżżejjed sodod u maskli tal-ossiġnu, din hija wkoll ħtija tiegħu”. U din il-ħaġa laqtitni ħafna.

 

Min ma jemminx, kif jista’ jittama quddiem ir-realtà ta’ dawn il-jiem?

Ilkoll aħna wlied Alla u mħarsin minnu. Imqar min għadu ma ltaqax ma’ Alla, min m’għandux id-don tal-fidi, hemhekk jista’ jsib it-triq, fil-ħwejjeġ tajba li fihom jemmen: jista’ jsib il-qawwa fl-imħabba għal uliedu, għall-familja, għal ħutu. Wieħed jista’ jgħid: “Ma nistax nitlob għax ma nemminx”. Madankollu fl-istess waqt jista’ jemmen fl-imħabba tal-persuni li għandu madwaru u hemm isib it-tama.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard