Għeżież Ħbieb,

Jiena grat għall-opportunità li għandi li nieħu sehem f’din il-laqgħa li qed iġġib flimkien, fost l-oħrajn, erba’ mill-akbar komunitajiet reliġjużi li jiffurmaw parti integrali mill-ħajja tas-Sri Lanka: il-Buddiżmu, l-Induiżmu, l-Iżlam u l-Kristjanità.  Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u tal-merħba entużjasta li tajtuni.  Nirringrazzja wkoll lil dawk li offrew talb u barkiet, partikolarment nesprimi gratitudni lill-isqof Cletus Chandrasiri Perera u lill-Venerabbli Vigithasiri Niyangoda Thero għall-kliem ġentili li ndirizzawli.

Jiena ġejt fis-Sri Lanka fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħi Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II biex nuri l-imħabba kbira u l-attenzjoni li għandha l-Knisja Kattolika lejn is-Sri Lanka.  Hija grazzja partikolari għalija li nżur il-komunità Kattolika ta’ hawn biex inwettaqha fil-fidi Nisranija tagħha, biex nitlob magħhom u biex naqsam magħhom il-ferħ u t-tbatijiet.  Bl-istess mod hija grazzja għalija li nkun magħkom ilkoll, irġiel u nisa ta’ dawn it-tradizzjonijiet reliġjużi kbar li flimkien magħna jaqsmu x-xenqa tal-għerf, tal-verità u tal-qdusija.

Fit-tieni Konċilju tal-Vatikan, il-Knisja Kattolika ddikjarat ir-rispett profond u dejjiemi lejn ir-reliġjonijiet l-oħra.  Hija stqarret li “ma tiċħad xejn minn dak li hu verità u tjubija f’dawn ir-reliġjonijiet.  Għandha stima kbira lejn l-istil tal-ħajja tagħhom u lejn kif iġibu ruħhom, lejn il-preċetti li jħaddnu u d-duttrina tagħhom” (Nostra Aetate, 2).  Min-naħa tiegħi, nixtieq nirriafferma r-rispett sinċier tal-Knisja lejkom, lejn it-tradizzjonijiet u t-twemmin tagħkom.

F’dan l-ispirtu ta’ rispett, il-Knisja Kattolika tixtieq tikkopera magħkom u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, biex inġibu l-prosperità għan-nies kollha tas-Sri Lanka.  Nittama li ż-żjara tiegħi tgħin biex tħeġġeġ aktar u ssaħħaħ tant għamliet ta’ koperazzjoni inter-reliġjużi u ekumeniċi mnedijin tul dawn l-aħħar snin.

Dawn l-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom, ipprovdew opportunitajiet għad-djalogu li hu essenzjali, jekk aħna rridu nsiru nafu u nirrispettaw lil xulxin.  Imma, kif tgħallimna l-esperjenza,  biex dan id-djalogu u dan l-inkontru jkunu effettivi, jeħtieġ li jkunu msejsa fuq il-konvinzjonijiet sħaħ u sinċieri, rispettivi, tagħna.  Ċertament djalogu bħal dan se joħroġ fid-dieher kemm huma differenti t-twemmin, it-tradizzjonijiet u l-użanzi.  Imma jekk aħna nippreżentaw il-konvinzjonijiet tagħna bl-onestà, inkunu nistgħu naraw aktar ċar dak li hu komuni bejnietna.  Jinfetħu toroq ġodda għal stima reċiproka, koperazzjoni u anki ħbiberija.

Żviluppi pożittivi fir-relazzjonijiet inter-reliġjużi u ekumeniċi bħal dawn, huma ta’ tifsira partikolari u ta’ urġenza fil-każ tas-Sri Lanka.  Għal wisq snin l-irġiel u n-nisa ta’ dan il-pajjiż sfaw vittmi ta’ taqbid ċivili u vjolenza.  Issa hemm bżonn il-fejqan u l-għaqda, mhux aktar kunflitti u firda.  Ċertament, l-inkoraġġiment għall-fejqan u l-għaqda huwa x-xogħol nobbli inkombenti fuq kull min għandu għall-qalbu l-ġid tan-nazzjon u anki il-ġid tal-familja umana kollha.  Hi tama tiegħi li l-koperazzjoni inter-reliġjuża u ekumenika turi li l-bnedmin m’għandhomx għalfejn jiċħdu l-identità tagħhom, kemm etnika u wkoll reliġjuża, biex jgħixu f’armonija ma’ ħuthom bnedmin oħra.

Kemm hemm toroq biex is-segwaċi tar-reliġjonijiet differenti jagħtu dan is-servizz!  Kemm huma fin-numru l-ħtiġijiet li rridu nieħdu ħsiebhom bil-balzmu li jfejjaq tas-solidarjetà fraterna!  Qed naħseb partikolarment fil-ħtiġijiet materjali u spiritwali tal-foqra, ta’ min hu fil-bżonn, ta’ dawk imxennqa għal kelma ta’ faraġ u tama.  Hawnhekk qed niftakar ukoll fil-bosta familji li għadhom jibku t-telfa tal-għeżież tagħhom.

Fuq kollox, f’dan il-waqt tal-istorja tan-nazzjon tagħkom, kemm bnedmin ta’ rieda tajba qed jirsistu biex jibnu mill-ġdid il-pedamenti morali tas-soċjetà in ġenerali?  Jalla l-ispirtu ta’ koperazzjoni bejn il-mexxejja tal-komunitajiet reliġjużi differenti, li qed jikber, isib sfog fl-impenn biex ir-rikonċiljazzjoni tan-nies tas-Sri Lanka tkun il-qofol ta’ kull sforz initiż biex tiġġedded is-soċjetà u l-istituzzjonijiet tagħha. F’ġieħ il-paċi, it-twemmin reliġjuż qatt m’għandu jkun abbużat u użat biex jiġġustifika l-vjolenza u l-gwerer.  Irridu nkunu ċari u unanimi biex niċċalinġjaw lill-komunitajiet tagħna ħalli jgħixu bis-sħiħ il-prinċipji tal-paċi u l-koeżistenza li jinsabu f’kull reliġjon u biex jiddenunzjaw kull att ta’ vjolenza li jitwettaq.

Għeżież ħbieb, nirringrazzjakom mill-ġdid tal-merħba ġeneruża li tajtuni u għall-attenzjoni tagħkom.  Jalla din il-laqgħa fraterna tikkonferma fina lkoll ir-rieda li ngħixu f’armonija biex inxerrdu l-barkiet li tnissel il-paċi.

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber