ŻJARA PASTORALI F’CAGLIARI

 LAQGĦA MAD-DINJA TAX-XOGĦOL

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Pjazza Carlo Felice, Cagliari

Il-Ħadd 22 ta’ Settembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Minn qalbi nsellmilkom: ħaddiema, imprendituri, awtoritajiet, familji preżenti, b’mod partikulari l-Arċisqof Mons. Arrigo Miglio, u t-tlieta fostkom li wrejtu liema huma l-problemi tagħkom, ix-xewqat tagħkom, anki t-tamiet tagħkom.  Din iż-Żjara – kif għidtu intom – qed tiftaħ propju bikom, li tiffurmaw id-dinja tax-xogħol.  B’din il-laqgħa nixtieq qabel xejn nurikom li jien qrib tagħkom, speċjalment fis-sitwazzjonijiet ta’ tbatija: qrib ta’ tant żgħażagħ li huma bla xogħol, ta’ persuni qiegħda li qed jirreġistraw jew għandhom xogħol prekarju, ta’ l-imprendituri u nies tal-kummerċ li qed ibatu biex jibqgħu mexjin ’il quddiem.  Hi realtà li jien nafha sewwa għax kelli esperjenza tagħha fl-Arġentina.  Jien personalment ma ġarrabthiex, imma l-familja tiegħi iva: missieri, meta kien għadu żagħżugħ, mar l-Arġentina mimli ħolm li “se jikkonkwista l-Amerika”.  U sofra l-kriżi terribbli tas-snin tletin.  Tilfu kollox!  Ma kienx hemm xogħol!  U jiena fi tfuliti kont nismagħhom jitkellmu dwar dak iż-żmien, id-dar…  Jien ma rajtux b’għajnejja, kont għadni ma twelidtx, imma d-dar stajt inħossha din it-tbatija, smajthom jitkellmu dwar din it-tbatija.  Dan nafu sewwa!  Imma rrid ngħidilkom: “Kuraġġ!”.  Imma sadattant naf li min-naħa tiegħi rrid nagħmel minn kollox biex din il-kelma “kuraġġ” ma tibqax sempliċi kelma sabiħa li tgħaddi!  Ma tkunx biss tbissima ta’ impjegat kordjali, impjegat tal-Knisja li ġie hawn u qed jgħidilkom: “Kuraġġ!”.  Le!  Ma rridx hekk!  Jien irrid li dan il-kuraġġ jiġi minn ġewwa u jimbuttani biex nagħmel minn kollox bħala Ragħaj, bħala bniedem.  Jeħtieġ li din l-isfida storika naffrontawha b’solidarjetà, bejnietkom – anki bejnietna –, ilkoll b’solidarjetà u b’intelliġenza.

Din hi t-tieni belt li żort fl-Italja.  Ħaġa kurjuża: it-tnejn li huma – l-ewwel waħda u din – huma gżejjer.  F’ta’ l-ewwel ilmaħt it-tbatija ta’ tant nies li tirriskja ħajjitha biex tfittex dinjità, ħobż, saħħa: id-dinja tar-rifuġjati.  U rajt it-tweġiba ta’ dik il-belt, li – billi hi gżira – ma riditx tispiċċa iżolata u lil din id-dinja qed tilqagħha fiha, tagħmilha tagħha; tagħtina eżempju ta’ kif għandna nilqgħu: tbatija u tweġiba pożittiva.  Hawn, f’din it-tieni belt u gżira li qed inżur, anki hawn qed insib it-tbatija.  Tbatija li wieħed minnkom qal li “iddgħajfek u tispiċċa biex tisraqlek it-tama”.  Tbatija – in-nuqqas ta’ xogħol – li twasslek – skużawni jekk qed inkun ftit qawwi, imma l-verità qed ngħid – biex tħossok bla dinjità ta’ xejn!  Fejn m’hemmx xogħol, m’hemmx dinjità!  U din m’hix problema tas-Sardinja biss – imma hawn hi qawwija! –, m’hix problema ta’ l-Italja jew ta’ xi pajjiżi fl-Ewropa biss, hi l-konsegwenza ta’ għażla li għamlet id-dinja, ta’ sistema ekonomika li qed twassal għal din it-traġedja; sistema ekonomika li fil-qalba tagħha għandha idolu, li jismu flus.

Alla ried li fiċ-ċentru tad-dinja ma jkunx hemm idolu, imma jkun hemm il-bniedem, ir-raġel u l-mara, li permezz tax-xogħol tagħhom imexxu d-dinja ’l quddiem.  Imma issa, f’din is-sistema mingħajr etika, fiċ-ċentru hemm idolu u d-dinja saret idolatra ta’ dan l-“alla-flus”.  Il-flus jikkmandaw!  Jikkmandaw fuq dawk il-ħwejjeġ kollha li jservu lilhom, lil dan l-idolu.  U x’jiġri?  Biex jiddefendu lil dan l-idolu kollha jitgeddsu fiċ-ċentru u jaqgħu dawk tat-truf, jaqgħu l-anzjani għax f’din id-dinja m’għadx fadal post għalihom!  Xi wħud jgħidu li issa qed issir drawwa l-“ewtanasja moħbija”, jiġifieri li ma jikkurawhomx, li ma jagħtux kashom…  “Iva, ħallihom imorru…”.  U jaqgħu ż-żgħażagħ li ma jsibux xogħol u d-dinjità tagħhom.  Imma aħsbu ftit f’dinja fejn iż-żgħażagħ – żewġ ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ – m’għandhomx xogħol.  M’għandhiex futur din id-dinja.  Għaliex?  Għaliex huma m’għandhomx dinjità!  Diffiċli jkollok dinjità mingħajr xogħol.  Din hi t-tbatija li għaddejjin minnha hawnhekk.  Din hi t-talba li intom t’hemmhekk kontu qed tgħajtu: “Xogħol”, “Xogħol”, “Xogħol”.  Hi talba meħtieġa.  Xogħol ifisser dinjità, xogħol ifisser tieħu l-ħobż id-dar, xogħol ifisser tħobb!  Biex tiddefendi din is-sistema ekonomika idolatra l-lum għandna l-“kultura ta’ l-iskart”: narmu lin-nanniet u narmu liż-żgħażagħ.  U aħna rridu ngħidu “le” għal din il-“kultura ta’ l-iskart”.  Jeħtieġ li aħna ngħidu: “Irridu sistema ġusta!  Sistema li timbutta ’l quddiem lilna lkoll kemm aħna”.  Jeħtieġ ngħidu: “Aħna ma rridux sistema ekonomika globalizzata, li qed tagħmlilna daqshekk ħsara!”.  Fiċ-ċentru jeħtieġ ikun hemm ir-raġel u l-mara, kif irid Alla, u mhux il-flus!

 

Jiena kont ktibt xi punti biex ngħidhomlkom, imma, meta rajtkom hawn, ġewni f’moħħi dawn il-kelmiet.  Dawn il-kelmiet miktuba sa ngħaddihom lill-Isqof qishom intqalu.  Imma ppreferejt ngħidilkom dak li ħareġ minn qalbi jiena u nħares lejkom bħalissa!  Ħarsu, faċli tgħid: “Taqtgħux qalbkom”.  Imma lilkom ilkoll, kemm dawk li għandhom xogħol u kemm dawk li m’għandhomx, ngħidilkom: “Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!  Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!”.  Forsi t-tama hi bħall-ġamar taħt l-irmied; ejjew ngħinu lil xulxin bis-solidarjetà, u nonfħu fuq l-irmied, biex in-nar jerġa’ jieħu l-ħajja.  Imma t-tama żżommna għaddejjin.  Dan m’hux ottimiżmu, dan ħaġa oħra.  Imma t-tama m’hix ta’ wieħed waħdu, it-tama nagħmluha lkoll flimkien!  It-tama jeħtieġ inżommuha ħajja bejnietna lkoll, ilkoll kemm intom u lkoll kemm aħna li ninsabu mbiegħda.  It-tama hi ħaġa tagħkom u tagħna.  Hi ħaġa ta’ kulħadd!  Għalhekk ngħidilkom: “Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!”.  Imma ejjew inkunu għaqlin, għax il-Mulej qed jgħidilna li l-idoli huma iżjed għaqlin minna.  Il-Mulej jistedinna jkollna l-għaqal tas-serp u t-tjieba tal-ħamiema.  Ħa jkollna dan l-għaqal u nsejħu l-affarijiet bl-isem veru tagħhom.  F’dan il-mument, fis-sistema ekonomika tagħna, fis-sistema globalizzata li qed tipproponilna l-ħajja, fiċ-ċentru hemm idolu, u dan ma jistax ikun!  Nissieltu lkoll flimkien biex fiċ-ċentru, ta’ l-inqas ta’ ħajjitna, ikun hemm ir-raġel u l-mara, il-familja, ilkoll kemm aħna, biex it-tama tista’ tibqa’ ħajja…  “Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!”.

 

U issa rrid nagħlaq billi nitlob magħkom ilkoll, fis-skiet, fis-skiet, nitlob magħkom ilkoll.  Jien se ngħid dak li qed inħoss f’qalbi u intom, fis-skiet, itolbu miegħi.

 

“Mulej Alla, ħares lejna!  Ħares lil din il-belt, din il-gżira.  Ħares lill-familji tagħna.

Mulej, Int ma kontx nieqes mix-xogħol, ħdimt ta’ mastrudaxxa, kont hieni.

Mulej, lilna jonqosna x-xogħol.

L-idoli jridu jaħtfulna d-dinjità minn taħt idejna.  Is-sistemi inġusti jridu jisirqulna t-tama.

Mulej, titlaqniex waħidna.  Għinna biex ngħinu lil xulxin; biex ninsew xi ftit l-egoiżmu u nħossu fil-qalb tagħna l-“aħna”, aħna l-poplu li jixtieq jibqa’ miexi ’l quddiem.

Mulej Ġesù, Int ma kontx nieqes mix-xogħol, agħtina x-xogħol u għallimna nissieltu għax-xogħol u berikna lkoll.  Fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu”.

Grazzi ħafna u itolbu għalija!

-----------

[Dawn huma l-kelmiet li l-Papa Franġisku kien ħejja u li għadda lill-Arċisqof ta’ Cagliari daqs li kieku nqraw.]

 

Nixtieq naqsam magħkom tliet punti sempliċi imma kruċjali.

L-ewwel: nerġgħu nqiegħdu fiċ-ċentru l-persuna u x-xogħol.  Il-kriżi ekonomika għandha dimensjoni Ewropea u globali; imma l-kriżi m’hix biss waħda ekonomika, hi wkoll etika, spiritwali u umana.  Fl-għeruq hemm tradiment tal-ġid komuni, kemm minn individwi u kemm minn gruppi ta’ poter.  Hu għalhekk meħtieġ inneħħu miċ-ċentru l-liġi tal-profitt u tad-dħul u nerġgħu npoġġu fiċ-ċentru l-persuna u l-ġid komuni.  U fattur importanti ħafna għad-dinjità tal-persuna hu sewwa sew ix-xogħol; biex ikun hemm promozzjoni awtentika tal-persuna hemm bżonn niggarantixxu x-xogħol.  Din hi ħidma li hi tas-soċjetà kollha, u għalhekk jimmeritaw rikonoxximent kbir dawk l-imprendituri li, minkejja kollox, ma waqfux jimpenjaw ruħhom, jinvestu u jirriskjaw biex jiggarantixxu l-impjiegi.  Il-kultura tax-xogħol, f’konfront ma’ dik ta’ l-assistenzjaliżmu, timplika edukazzjoni għax-xogħol sa mill-età żagħżugħa, akkumpanjament għax-xogħol, dinjità għal kull attività ta’ xogħol, kondiviżjoni tax-xogħol, u t-tneħħija ta’ kull xogħol illegali.  F’din il-fażi, is-soċjetà kollha, fl-oqsma kollha li jibnuha, trid tagħmel kull sforz possibbli biex ix-xogħol, li hu għajn ta’ dinjità, ikun il-preokkupazzjoni ċentrali!  Il-qagħda insulari tagħkom imbagħad tagħmel aktar urġenti dan l-impenn min-naħa ta’ kulħadd, fuq kollox mill-oqsma politiċi u ekonomiċi.

It-tieni element: il-Vanġelu tat-tama.  Is-Sardinja hi art imbierka minn Alla b’tant riżorsi umani u ambjentali, imma bħal fil-bqija ta’ l-Italja hi meħtieġa imbuttatura ġdida biex nitilqu mill-ġdid.  U l-Insara jistgħu u għandhom jagħmlu l-parti tagħhom, billi jagħtu l-kontribut speċifiku tagħhom: il-viżjoni evanġelika tal-ħajja.  Infakkarkom fil-kliem tal-Papa Benedittu XVI fiż-żjara tiegħu f’Cagliari fl-2008: jeħtieġ “nevanġelizzaw id-dinja tax-xogħol, ta’ l-ekonomija, tal-politika, li teħtieġ ġenerazzjoni ġdida ta’ lajċi Nsara impenjati, kapaċi jfittxu b’kompentenza u rigorożità morali soluzzjonijiet għal żvilupp sostenibbli” (Omelija, 7 ta’ Settembru 2008).  L-Isqfijiet tas-Sardinja huma partikularment sensibbli għal din ir-realtà, speċjalment dik tax-xogħol.  Intom, għeżież Isqfijiet, indikaw il-ħtieġa ta’ dixxerniment serju, realistiku, imma orjentaw ukoll lejn mixja ta’ tama, kif ktibtu fil-Messaġġ bi tħejjija għal din iż-Żjara.  Dan hu importanti, din hi t-tweġiba t-tajba!  Inħarsu lejn ir-realtà f’wiċċha stess, insiru nafuha tajjeb, nifhmuha, infittxu flimkien toroq tajbin, bil-metodu tal-kollaborazzjoni u d-djalogu, u ngħixu qrib ta’ xulxin biex inwasslu t-tama.  Qatt ixxekklu t-tama!  Tifxluhiex ma’ l-ottimiżmu – li jesprimi biss atteġġjament psikoloġiku – jew ma’ ħwejjeġ oħra.  It-tama hi kreattiva, kapaċi toħloq il-futur.

It-tielet: xogħol dinjituż għal kulħadd.  Soċjetà miftuħa għat-tama ma tingħalaqx fiha nfisha, fil-ħarsien ta’ l-interessi tal-ftit, imma tħares ’il quddiem fil-prospettiva tal-ġid komuni.  U dan jitlob min-naħa ta’ kulħadd sens qawwi ta’ responsabbiltà.  M’hemmx tama soċjali mingħajr xogħol dinjituż għal kulħadd.  Għalhekk hu meħtieġ “nissoktaw nagħtu prijorità lill-aċċess lejn xogħol stabbli għal kulħadd” (Benedittu XVI, Enċiklika Caritas in veritate, 32).

Għidt xogħol “dinjituż”, u nagħmel enfasi, għax b’xorti ħażina, speċjalment meta titfaċċa kriżi u l-ħtieġa tkun kbira, jiżdied ix-xogħol diżuman, ix-xogħol sfurzat, ix-xogħol mingħajr sigurtà meħtieġa, jew mingħajr ir-rispett lejn il-ħolqien, jew mingħajr rispett għall-mistrieħ, għall-jiem ta’ festa u għall-familja, ix-xogħol nhar ta’ Ħadd meta m’hemmx bżonnu.  Ix-xogħol jeħtieġ jiġi mżewweġ mal-ħarsien tal-ħolqien, biex dan jiġi ppreservat b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Il-ħolqien m’hux merkanzija biex nisfruttawha, imma don biex inħarsuh.  L-istess impenn ekoloġiku hu okkażjoni għal impjiegi ġodda fl-oqsma marbuta miegħu, bħall-enerġija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-għadd ta’ forom ta’ tinġis, il-ħarsien tal-wirt tal-boskijiet mill-ħruq, u l-bqija.  Hu impenn ta’ kulħadd li jħares il-ħolqien, li jħares lill-bniedem permezz ta’ xogħol dinjituż!  Ekoloġija… hi wkoll “ekoloġija umana”!

Għeżież ħbieb, inħossni partikularment qrib tagħkom, u nqiegħed il-beżgħat u t-tħassib kollu tagħkom f’idejn il-Mulej u l-Verġni Mqaddsa ta’ Bonaria.  Il-Beatu Ġwanni Pawlu II insista li Ġesù “ħadem b’idejh stess.  Anzi, ix-xogħol tiegħu, li kien xogħol fiżiku fil-veru sens tal-kelma, ħa l-parti l-kbira ta’ ħajtu fuq din l-art, u hekk sar parti mill-opra tal-fidwa tal-bniedem u tad-dinja” (Diskors lill-ħaddiema, Terni, 19 ta’ Marzu 1981).  Hu importanti niddedikaw ruħna għax-xogħol tagħna b’mod assidwu, b’attenzjoni u b’kompetenza, hu importanti nidħlu fir-rutina tax-xogħol.

Nawgura li, bil-loġika tal-gratwità u tas-solidarjetà, nistgħu lkoll flimkien noħorġu minn din il-fażi negattiva, biex ikun żgurat xogħol sigur, dinjituż u stabbli.

Selluli għall-familji tagħkom, għat-tfal, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani.  Anki jien sa nġorrkom miegħi, speċjalment fit-talb tiegħi.  U nagħti minn qalbi l-Barka tiegħi fuqkom, fuq ix-xogħol tagħkom u fuq l-impenn soċjali tagħkom.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard