Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Qed inħossni ferħan li qed naqsam magħkom dal-jum ta’ riflessjoni u talb, fil-kuntest tal-Festa tan-Nanniet.  Insellmilkom b’imħabba, ibda mill-presidenti tal-Assoċjazzjonijiet, li rrodilhom ħajr għall-kliem li ndirizzawli.  Nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn kull min ħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet u skomdu basta ma jitlifx dan l-appuntament; u, fl-istess ħin jien inħossni qrib tal-persuni anzjani kollha li huma waħedhom jew morda, li ma setgħux jiċċaqalqu mid-dar, imma li huma magħqudin magħna spiritwalment.

Il-Knisja tħares lejn il-persuni anzjani b’imħabba, rikonoxxenza u stima kbira.  Huma jiffurmaw parti essenzjali mill-komunità nisranija u mis-soċjetà.  B’mod partikolari huma jirrappreżentaw l-għeruq u l-memorja ta’ poplu.  Intom preżenza importanti għax l-esperjenza tagħkom hi teżor prezzjuż, indispensabbli, biex inħarsu lejn il-futur bit-tama u r-responsabbiltà.  Il-maturità u l-għaqal tagħkom, miġburin tul is-snin, jistgħu jkunu ta’ għajnuna għaż-żgħar u ż-żgħażagħ għax ikunu għalihom ta’ sapport fit-trobbija u l-ftuħ lejn il-futur, u biex ifittxu triqthom.  Infatti, l-anzjani huma xhieda li anki fil-provi l-aktar diffiċli, qatt m’għandha tintilef il-fiduċja f’Alla u f’futur aħjar.  Huma bħas-siġar li jkomplu jagħtu l-frott; minkejja t-tagħbija tas-snin, jistgħu jagħtu s-sehem oriġinali tagħhom biex is-soċjetà tistgħana bil-valuri u biex tkun affermata l-kultura tal-ħajja.

Mhumiex ftit l-anzjani li jużaw il-ħin u t-talenti li tahom Alla billi b’ġenerożità jkunu miftuħin biex jgħinu u jsostnu lill-oħrajn.  Qed naħseb dwar dawk li jagħtu sehemhom fil-parroċċi fejn jagħtu servizz prezzjuż: uħud huma impenjati biex id-dar tal-Mulej iżommuha fi stat dekoruż, oħrajn bħala katekisti, animaturi tal-liturġija, xhieda tal-karità.  U xi ngħidu dwar ir-rwol tagħhom fil-qafas tal-familja?  Kemm nanniet jieħdu ħsieb in-neputijiet tagħhom, u bis-sempliċità jgħaddu liċ-ċkejknin l-esperjenza tal-ħajja, il-valuri spiritwali u kulturali tal-komunità u tal-poplu!  Fil-pajjiżi fejn seħħet persekuzzjoni reliġjuża serja kienu n-nanniet li għaddew il-fidi lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, billi ħadu lin-neputijiet għal-Magħmudija f’kuntest ta’ tbatija klandestina.

F’dinja bħal din tal-lum, li fiha l-forza u l-apparenza saru miti, intom għandkom il-missjoni li tixhdu l-valuri li jgħoddu verament u li jibqgħu għal dejjem, għax huma mnaqqxin fil-qalb ta’ kull bniedem, u l-Kelma t’Alla hi l-garanzija tagħhom.  Propju għax intom persuni ta’ dik li nsejħulha t-tielet età, - jew aħjar “aħna” għax jien ukoll wieħed minnkom -, aħna msejħin biex naħdmu għall-iżvilupp tal-kultura tal-ħajja, għax aħna xhieda li kull stadju tal-eżistenza hu rigal mingħand Alla u għandu s-sabiħ tiegħu u l-importanza tiegħu anki jekk immarkat bid-debbulizzi.

Quddiem tant anzjani li, bil-limitazzjonijiet tagħhom, ikomplu jingħataw bil-ġenerożità lill-proxxmu, hemm oħrajn li jgħixu mal-mard, mad-diffikultajiet biex jiċċaqilqu tant li jeħtieġu l-għajnuna.  Illum niżżi ħajr lill-Mulej għal tant persuni u strutturi li jiddedikaw ruħhom b’servizz ta’ kuljum lill-anzjani, biex joħolqu kuntesti umani li fihom kulħadd ikun jista’ jgħix bid-dinjità dan l-istadju importanti ta’ ħajtu.  L-istituti li jospitaw lill-anzjani huma msejħin biex ikunu mkejjen ta’ umanità u attenzjoni mogħtija b’imħabba, fejn il-persuni l-aktar debboli ma jisfawx minsijin jew traskurati, imma jkollhom iż-żjarat, jiftakru fihom u jkunu mħarsa bħala ħutna l-kbar.  Dik tkun stqarrija ta’ rikonoxxenza lejn dawk li taw ħafna lill-komunità u huma l-għeruq tagħha.

L-istituzzjonijiet u r-realtajiet soċjali diversi jistgħu jagħmlu ħafna aktar biex jgħinu lill-anzjani jesprimu bl-aħjar mod il-ħiliet tagħhom, biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni attiva, u, fuq kollox, biex jaraw li d-dinjità tagħhom bħala persuni tkun dejjem rispettata u valoriżżata.   Biex dan isir hemm bżonn li niġġieldu l-kultura tal-iskart, kultura li tagħmel tant ħsara għax twarrab fil-ġenb lill-anzjani minħabba li m’għadhomx aktar produttivi.  Min għandu responsabbiltà pubblika, ir-realtajiet kulturali, edukattivi u reliġjużi, kif ukoll il-bnedmin ta’ rieda tajba, huma msejħin biex jimpenjaw ruħhom ħalli jibnu soċjetà li tilqa’ dejjem u tkun inklussiva.

U din tal-iskart hi kerha!  Waħda min-nanniet tiegħi kienet tirrakkuntali l-istorja li nannu kien jgħix ma’ familja (ulied u neputijiet), kien armel imma beda jimrad u jimrad... u, kultant ma kienx jiekol sew u kien jaqgħalu xi ftit ikel.  Ġurnata waħda l-missier iddeċieda li n-nannu ma jiekolx aktar magħhom fuq il-mejda, imma fil-kċina, tant li għamillu mejda żgħira apposta għalih.  B’hekk il-familja kienet tintasab tiekol mingħajr in-nannu.  Xi jiem wara, meta dar-raġel wasal lura mix-xogħol, sab wieħed miż-żgħar jilgħab bl-injam, l-imsiemer u l-martell....  “X’int tagħmel?”, staqsih .  It-tifel wieġeb: “Qed nagħmel mejda” – “Imma għalfejn?” reġa’ staqsa l-missier.  “Għalik”, wieġeb it-tifel, “ħalli meta tixjieħ tkun tista’ tużaha int”.  It-tfal huma marbutin b’mod naturali man-nanniet u jifhmu affarijiet li n-nanniet biss jistgħu jispjegawlhom permezz taż ħajjithom, bl-atteġġjamenti tagħhom.  Dil-kultura tal-iskart tgħid: “Int xiħ, barra”.  Inti xiħ, veru, imma ġħandek ħafna affarijiet x’tgħidilna, x’tirrakkunatlna, ta’ storja, ta’ kultura, tal-ħajja, tal-valuri.....  Ma nħallux dil-kultura tal-iskart tissaħħaħ, imma għandu jkun hemm dejjem kultura inklussiva.

Huwa importanti wkoll li niffavorixxu r-rabta bejn il-ġenerazzjonijiet.  Il-futur ta’ poplu jeħtieġ il-laqgħa bejn iż-żgħar u l-anzjani: iż-żgħar huma l-viltalità ta’ poplu f’mixja u l-anzjani jsaħħu din il-viltalità bil-memorja u l-għaqal.  U tkellmu man-neputijiet tagħkom, tkellmu.  Ħalluhom jistaqsukom.  Huma għandhom karatteristiċi differenti minn tagħna, jagħmlu affarijiet differenti, lilhom togħġobhom mużika differenti..... imma għandhom bżonn l-anzjani, għandhom bżonn ta’ dan id-djalogu kontinwu.  Anki biex niżirgħu fihom l-għaqal.  Jagħmilli tajjeb ħafna meta naqra dwar Ġużeppi u Marija li ħadu lil Binhom Ġesù – kellu 40 jum it-tifel – fit-tempju; u hemm sabu żewġ nanniet, (Xmun u Anna), u dawn in-nanniet kienu l-għerf tal-poplu; kienu jfaħħru ‘l Alla ħalli dan l-għerf ikun jista’ jikber u jimxi ‘l quddiem b’dat-Tifel.  In-nanniet jilqgħu lil Ġesù fit-tempju, mhux is-saċerdot: dan jasal wara.  In-nanniet.  U aqrawha din fl-Evanġelju ta’ Luqa, sabiħa mmens!

Għeżież nanniet, grazzi għall-eżempju ta’ mħabba, ta’ dedikazzjoni u għaqal li toffru.  Komplu bil-kuraġġ kunu xhieda ta’ dawn il-valuri!  Tħallux lis-soċjetà mingħajr it-tbissima tagħkom, nieqsa mid-dija ta’ għajnejkom; jalla s-soċjetà tkun tista’ tarahom!  Jien nakkumpanjakom bit-talb tiegħi u intom ukoll, tinsewx titolbu għalija.  U issa fuqkom u fuq l-intenzjonijiet u l-proġetti ta’ ġid tagħkom, nitlob il-barka tal-Mulej.

Issa nitolbu lin-nanna ta’ Ġesù, Sant’ Anna; nitolbu lil Sant’ Anna, li hi n-nanna ta’ Ġesù u nagħmlu hekk fis-skiet, għal waqt wieħed.  Kulħadd jitlob lil Sant’ Anna tgħallimna nkunu nanniet tajbin u għaqlin.

(Barka)

Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber