Għeżież ħuti,

 

Din il-laqgħa tas-Sena tal-Fidi hi ddedikata lil Marija, Omm Kristu u l-Knisja, Omm tagħna.  L-istatwa tagħha, miġjuba minn Fatima, tgħinna nħossu l-preżenza tagħha fostna.  Din hi realtà: Marija dejjem twassalna għand Ġesù.  Hi  mara ta’ fidi, mara li temmen tassew.  Nistgħu nistaqsu: Kif kienet il-fidi ta’ Marija?

 

1. L-ewwel element tal-fidi tagħha hu dan: il-fidi ta’ Marija tħoll l-għoqda tad-dnub (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 56).  Xi jfisser dan?  Il-Padri Konċiljari [tal-Konċilju Vatikan II] issellfu espressjoni ta’ San Irinew li jgħid: “L-għoqda tad-diżubbidjenza ta’ Eva inħallet bl-ubbidjenza ta’ Marija; dak li rabtet il-verġni Eva bin-nuqqas ta’ twemmin tagħha, il-verġni Marija ħallitu bil-fidi tagħha” (Adversus Hæreses III, 22, 4).

 

Din hi l-“għoqda” tad-diżubbidjenza, l-“għoqda” tan-nuqqas ta’ fidi.  Meta tifel ma jobdix lil ommu jew lil missieru, nistgħu ngħidu li tkun ġiet iffurmata “għoqda” ċkejkna.  Dan iseħħ kemm-il darba t-tifel ikun jaf dak li qed jagħmel, speċjalment jekk hemm fin-nofs xi gidba; f’dak il-waqt ma jkunx qed jafda f’ommu u f’missieru.  Tafu intom kemm drabi jseħħ dan!  Għalhekk ir-relazzjoni mal-ġenituri tkun trid tiġi mnaddfa minn dan in-nuqqas u, fil-fatt, hu jitlob skuża, biex isaltnu mill-ġdid l-armonija u l-fiduċja.  Xi ħaġa tixxiebah isseħħ fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla.  Meta aħna ma nisimgħux minnu, ma nimxux mar-rieda tiegħu, nagħmlu azzjonijiet konkreti li fihom nuru nuqqas ta’ fiduċja fiH – u dan hu d-dnub –, tifforma ruħha bħal għoqda fil-ġewwieni tagħna.  U dawn l-għoqiedi jisirqulna l-paċi u s-serenità.  Huma perikulużi, għax ħafna għoqiedi jistgħu jispiċċaw f’taħbila sħiħa, li trid aktar tbatija u hu iżjed diffiċli biex tħollha.

 

Imma għall-ħniena ta’ Alla – u dan nafuh – xejn m’hu impossibbli!  Anki l-għoqiedi l-iżjed ikkumplikati jinħallu bil-grazzja tiegħu.  U Marija, li bl-“iva” tagħha fetħet il-bieb lil Alla biex iħoll l-għoqda tad-diżubbidjenza tal-qedem, hi dik l-omm li bis-sabar u l-ħlewwa kollha twassalna għand Alla biex Hu jħoll l-għoqiedi ta’ ruħna bil-ħniena tiegħu ta’ Missier.  Kull wieħed u waħda minna għandna minn dawn, u nistgħu nistaqsu fil-qalb tagħna: Liema għoqiedi għandi f’ħajti?  “Dun, tiegħi ma jistgħux jinħallu!”.  Imma dan hu l-iżball!  L-għoqiedi kollha tal-qalb, l-għoqiedi kollha tal-kuxjenza jistgħu jinħallu.  Qed nitlobha lil Marija biex tgħinni npoġġi l-fiduċja tiegħi fil-ħniena ta’ Alla, biex iħollhom, biex ninbidel?  Hi, mara tal-fidi, żgur li ħa tgħidli: “Imxi, mur għand il-Mulej: Hu jifhmek”.  U hi taqbdilna jdejna u teħodna, bħala Omm, Omm, fi ħdan il-Missier, Missier il-ħniena.

 

2. It-tieni ħaġa: il-fidi ta’ Marija tagħti lil Ġesù ġisem uman.  Jgħid il-Konċilju: “Bil-fidi u l-ubbidjenza tagħha ġġenerat fuq l-art l-istess Iben tal-Missier mingħajr ma għarfet raġel, imma taħt id-dell ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 63).  Missirijiet il-Knisja insistew ħafna fuq dan il-punt: Marija nisslet lil Ġesù fil-fidi u mbagħad fil-ġisem, meta qalet “iva” għall-bxara li l-Mulej bagħtilha permezz ta’ l-Anġlu.  Xi jfisser dan?  Li Alla ma riedx isir bniedem bla ma jagħti kas tal-libertà tagħna, imma ried jgħaddi mill-kunsens ħieles ta’ Marija, permezz ta’ l-“iva” tagħha.  Staqsieha: “Int lesta tidħol għal dan?”.  U hi weġbitu: “Iva”.

 

Imma dak li seħħ b’mod uniku fl-Omm Verġni, iseħħ anki fina fuq livell spiritwali meta nilqgħu l-Kelma ta’ Alla b’qalb tajba u sinċiera u nqiegħduha fil-prattika.  Jiġri li Alla qisu jkun ħa l-ġisem fina, Hu jiġi jgħix fina, għax jgħammar f’dawk li jħobbuh u jimxu skond il-Kelma tiegħu.  Dan mhux faċli nifhmuh, imma, iva, hu faċli li nħossuh fil-qalb tagħna.

 

Forsi naħsbu li l-inkarnazzjoni ta’ Ġesù hi fatt biss ta’ l-imgħoddi, li ma jinvolviniex personalment?  Nemmnu f’Ġesù jfisser noffrulu ġisimna, bl-umiltà u l-kuraġġ ta’ Marija, biex Hu jista’ jissokta jgħix fost il-bnedmin; ifisser noffrulu jdejna biex iżegħilu biċ-ċkejknin u l-foqra; riġlejna biex jimxu u jiltaqgħu ma’ l-aħwa; dirgħajna biex iwieżnu lil min hu dgħajjef u jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej; moħħna biex jaħseb u jipproġetta fid-dawl tal-Vanġelu; u, fuq kollox, noffrulu qalbna biex tħobb u tieħu deċiżjonijiet skond ir-rieda ta’ Alla.  Dan kollu jseħħ grazzi għall-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  U hekk, inkunu strumenti ta’ Alla biex Ġesù jista’ jkompli jaħdem fid-dinja permezz tagħna.

 

3. U l-aħħar punt hu l-fidi ta’ Marija bħala mixja: il-Konċilju jafferma li Marija “imxiet ’il quddiem fil-pellegrinaġġ tagħha ta’ fidi” (ibid., 58).  Għalhekk hi timxi qabilna f’dan il-pellegrinaġġ, isseħibna, tweżinna.

 

F’liema sens kienet mixja l-fidi ta’ Marija?  Fis-sens li ħajjitha kollha għaddietha timxi wara Binha: Hu – Hu, Ġesù – it-triq, Hu l-mixja!  Li nimxu ’l quddiem fil-fidi, li navvanzaw f’dan il-pellegrinaġġ spiritwali li hu l-fidi, ma jfisser xejn ħlief nimxu wara Ġesù; nisimgħuh, inħallu kliemu jmexxina; naraw kif Hu jġib ruħu u mmiddu riġlejna fuq il-passi tiegħu, inħaddnu l-istess sentimenti u atteġġjamenti tiegħu.  U liema huma s-sentimenti u l-atteġġjamenti ta’ Ġesù?  Umiltà, ħniena, li jkun qrib tagħna, imma anki ċaħda soda ta’ l-ipokrezija, tal-wiċċ b’ieħor, ta’ l-idolatrija.  It-triq ta’ Ġesù hi dik ta’ l-imħabba fidila sa l-aħħar, sas-sagrifiċċju ta’ ħajtu, hi t-triq tas-salib.  Għalhekk il-mixja tal-fidi tgħaddi mis-salib, u Marija dan fehmitu sa mill-bidu, meta Erodi ried joqtol lil Ġesù għadu tarbija tat-twelid.  Imma mbagħad dan is-salib sar iżjed profond meta Ġesù ġie miċħud: Marija dejjem kienet ma’ Ġesù, timxi wara Ġesù qalb il-folla, u kienet tisma’ t-tpaċpiċ, il-mibegħda ta’ dawk li lill-Mulej ma kinux jaħmluh.  U dan is-salib Hi ġarritu!  Allura l-fidi ta’ Marija kellha tħabbat wiċċha ma’ dawk li ma fehmuhx u ddisprezzawh.  Meta waslet is-“siegħa” ta’ Ġesù, jiġifieri s-siegħa tal-passjoni: hemm il-fidi ta’ Marija kienet il-fjamma ċkejkna ta’ matul il-lejl, dik il-fjamma ċkejkna li tixgħel f’nofs ta’ lejl.  Fil-lejl ta’ Sibt il-Għid Marija baqgħet tishar.  Il-fjamma ċkejkna tagħha, żgħira imma ċara, baqgħet mixgħula sa sbiħ il-Qawmien; u meta saret taf li l-qabar kien vojt, qalbha mtliet bil-ferħ tal-fidi, il-fidi Nisranija fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu.  Għax il-fidi dejjem twassalna għall-ferħ, u Hi l-Omm tal-ferħ: li tgħallimna nimxu f’din it-triq tal-ferħ u ngħixu dan il-ferħ!  Dan hu l-qofol – dan il-ferħ, din il-laqgħa ta’ Ġesù u Marija, ejjew nistħajlu kif setgħet kienet…  Din il-laqgħa hi l-qofol tal-mixja ta’ fidi ta’ Marija u tal-Knisja kollha.  Il-fidi tagħna kif inhi?  Inżommuha mixgħula, bħal Marija, anki fil-waqtiet iebsin, il-waqtiet ta’ dalma?  Qatt ħassejtu dan il-ferħ tal-fidi?

 

Il-lejla, ja Omm tagħna, irroddulek ħajr għall-fidi tiegħek, ta’ mara qawwija u umli; inġeddu l-affidament tagħna lilek, Omm tal-fidi tagħna.  Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard