Il-festa liturġika tal-Katedra ta’ San Pietru ġemgħatna hawn biex niċċelebraw il-Ġublew tal-Ħniena bħala komunità li taqdi fil-Kurja Rumana, fil-Governatorat u fl-Istituzzjonijiet marbuta mas-Santa Sede.  Dħalna mill-Bieb Imqaddes u ġejna fuq il-qabar ta’ l-Appostlu Pietru biex nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna; u l-lum il-Kelma ta’ Alla ddawwal b’mod speċjali l-ġesti tagħna.

 

F’dan il-ħin, lil kull wieħed minna l-Mulej Ġesù qed itennilu l-mistoqsija tiegħu: “Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15).  Mistoqsija ċara u diretta, li quddiemha ma nistgħux naħarbu jew nibqgħu newtrali, lanqas inħallu t-tweġiba għal darb’oħra jew niddelegawha lil xi ħadd ieħor.  Għax fiha mhux kurżità hemm, imma hi mimlija mħabba!  L-imħabba ta’ l-Imgħallem waħdieni tagħna, li l-lum qed isejħilna nġeddu l-fidi tagħna Fih, u nagħrfuh bħala l-Iben ta’ Alla u s-Sid ta’ ħajjitna.  U l-ewwel wieħed li hu msejjaħ iġedded l-istqarrija tal-fidi tiegħu hu s-Suċċessur ta’ Pietru, li jerfa’ din ir-responsabbiltà li jwettaq lil ħutu (ara Lq 22:32).

 

Inħallu l-grazzja tagħġen mill-ġdid il-qalb tagħna biex nemmnu, u tiftħilna fommna biex inwettqu l-istqarrija tal-fidi tagħna u niksbu s-salvazzjoni (ara Rum 10:10).  Mela ejjew nagħmlu tagħna kliem Pietru: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16).  Il-ħsieb u l-ħarsa tagħna jistrieħu fuq Ġesù Kristu, bidu u tmiem ta’ kull azzjoni tal-Knisja.  Hu l-pedament u ħadd ma jista’ jqiegħed ieħor (1 Kor 3:11).  Hu l-“blata” li fuqha rridu nibnu.  Dan ifakkarhulna bi kliem espressiv Santu Wistin meta jikteb li l-Knisja, imqar jekk imċaqilqa u mheżża mill-ġrajjiet imqallba ta’ l-istorja, “ma tiġġarrafx, għax hi mibnija fuq il-ġebla, li minnha Pietru jieħu ismu.  M’hix il-ġebla li ħadet isimha minn Pietru, imma hu Pietru li jieħdu mill-ġebla; l-istess kif m’huwiex l-isem ta’ Kristu li jieħu minn dak tal-Kristjan, imma hu l-isem ta’ Kristjan li jieħu minn Kristu.  […]  Il-ġebla hi Kristu, li fuq il-pedament tiegħu Pietru nnifsu ġie mibni” (In Joh 124, 5: PL 35, 1972).

 

Minn din l-istqarrija ta’ fidi joħroġ għal kull wieħed minna d-dmir li nwieġbu għas-sejħa ta’ Alla.  Qabel xejn mir-Ragħajja hu mitlub li jkollhom bħala mudell tagħhom lil Alla nnifsu li jieħu ħsieb tal-merħla tiegħu.  Il-profeta Eżekjel fissrilna kif iġib ruħu Alla: Hu joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa, dik li ntilfet jerġa’ jiġborha fil-maqjel, jinfaxxa lill-miġruħa u jieħu ħsieb tal-marida (34:16).  Imġiba li hi sinjal ta’ l-imħabba li ma tafx b’limiti.  Hi għotja fidila, kostanti, inkundizzjonata, biex lill-iktar dgħajfa tista’ kollha taslilhom il-ħniena tiegħu.  U, madankollu, ma rridux ninsew li l-profezija ta’ Eżekjel titlaq mill-fatt li r-ragħajja ta’ Israel kienu qed jonqsu minn dmirhom.  Għalhekk jagħmlilna tajjeb ukoll li aħna, imsejħin biex inkunu Ragħajja tal-Knisja, inħallu l-wiċċ ta’ Alla r-Ragħaj it-Tajjeb idawwalna, isaffina, jibdilna u jroddna għal kollox imġedda fil-missjoni tagħna.  Jalla anki fl-ambjenti tax-xogħol tagħna nistgħu nħossu, nikkultivaw u nipprattikaw sens qawwi pastorali, qabel xejn lejn il-persuni li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum.  Jalla ħadd ma jħossu ttraskurat jew ittrattat ħażin, imma kull wieħed u waħda jista’ jduq, qabel xejn hawnhekk, l-għożża premuruża tar-Ragħaj it-Tajjeb.

 

Aħna msejħin biex inkunu kollaboraturi ta’ Alla f’missjoni hekk fundamentali u unika bħalma hi din li b’ħajjitna nagħtu xhieda tal-qawwa tal-grazzja li għandha l-ħila tibdel u tas-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu li jġedded kollox.  Ejjew inħallu lill-Mulej jeħlisna minn kull tentazzjoni li tista’ tbegħidna mill-essenza tal-missjoni tagħna, u niskopru mill-ġdid il-ġmiel ta’ l-istqarrija tal-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù.  Il-fedeltà lejn il-ministeru tagħna torbot tajjeb mal-ħniena li rridu ngħixu.  Fl-Iskrittura Mqaddsa, min-naħa l-oħra, fedeltà u ħniena huma żewġ kelmiet inseparabbli.  Fejn hemm waħda, issib l-oħra wkoll, u propju fir-reċiproċità u l-kumplimentarjetà tagħhom nistgħu nilmħu l-istess preżenza tar-Ragħaj it-Tajjeb.  Il-fedeltà mitluba minna hi dik li naġixxu skond il-qalb ta’ Kristu.  Kif smajna fi kliem l-Appostlu Pietru, jeħtieġ nirgħu l-merħla “minn qalbna” u nsiru “eżempju” għal kulħadd.  Hekk, “meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx” (1 Piet 5:4).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard