LITURĠIJA TAL-KELMA

U FFIRMAR TAL-ITTRA FUQ IL-PRESEPJU

 

Santwarju ta’ Greccio (Rieti)

Il-Ħadd 1 ta’ Diċembru 2019

 

KELMTEJN TAL-QDUSIJA TIEGĦU LILL-PATRIJIET TA’ GRECCIO

 

Il-Papa Franġisku

L-ikbar messaġġ ta’ Franġisku huwa x-xhieda. Dik il-frażi: “Ipprietkaw il-Vanġelu, jekk hemm bżonn anki bil-kliem”. M’aħniex ngħidu li nagħmlu proselitiżmu, li nikkonvinċu. Dawk li huma fl-aħħar post, il-midinbin… Ix-xhieda. Hu ħalaqna mit-trab tal-art, kif jgħid il-Ktieb tal-Ġenesi, hu għamilna trab, aħna trab… Innamra mat-trab tagħna… Ix-xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù… Il-faqar, l-umiltà… Grazzi.

 

Patrijiet

Grazzi taż-żjara! Nitolbu għalik…

 

Il-Papa Franġisku

Għandi bżonn

 

Missierna…

 

Barka

 


 

MEDITAZZJONI QASIRA TAL-PAPA

 

Kemm ħsibijiet jinġemgħu f’moħħna f’dan il-post qaddis! U madankollu, quddiem il-blata ta’ dawn il-muntanji hekk għeżież għal San Franġisk, dak li aħna msejħin nagħmlu hu, qabelxejn, li niskopru mill-ġdid is-sempliċità.

 

Il-presepju, li San Franġisk għamel għall-ewwel darba proprju f’dan l-ispazju ċkejken, fuq ix-xbieha tal-grotta fqajra ta’ Betlehem, jitkellem waħdu. Hawnhekk m’hawnx bżonn nimmultiplikaw il-kliem, għax ix-xena li tinsab taħt għajnejna tesprimi l-għerf li għandna bżonn biex nifhmu l-essenzjal.

 

Quddiem il-presepju niskopru kemm hu importanti għal ħajjitna, spiss hekk frenetika, li nsibu mumenti ta’ skiet u ta’ talb. Is-skiet, biex nikkontemplaw il-ġmiel tal-wiċċ ta’ Ġesù tarbija, l-Iben ta’ Alla li twieled fil-faqar ta’ stalla. It-talb, biex nesprimu l-“grazzi” tagħna kollu għoġba quddiem dan id-don immens tal-imħabba li qed jingħata lilna.

 

F’dan is-sinjal tal-presepju, sempliċi u tal-għaġeb, li l-pjetà popolari laqgħet u għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra, hu muri lilna l-misteru kbir tal-fidi tagħna: Alla jħobbna tant li jixtieq jaqsam fl-umanità u fil-ħajja tagħna. Ma jitlaqna qatt waħidna; iseħibna bil-preżenza moħbija tiegħu, imma li mhix inviżibbli. F’kull ċirkustanza, fil-ferħ kif ukoll fin-niket, huwa l-Għimmanuel, Alla magħna.

 

Bħar-ragħajja ta’ Betlehem, ejjew nilqgħu l-istedina biex immorru fl-għar, biex naraw u nagħrfu s-sinjal li tana Alla. Hekk il-qalb tagħna timtela bil-ferħ, u nistgħu nwassluh fejn hemm id-diqa; timtela bit-tama, biex nistgħu naqsmuha ma’ min tilifha.

 

Ejjew insiru ħaġa waħda ma’ Marija, li qiegħdet lil Binha fil-maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom f’dar. Magħha u ma’ żewġha San Ġużepp, ejjew inżommu ħarsitna fuq Ġesù Bambin. It-tbissima tiegħu, li warrdet f’nofs ta’ lejl, ixxejjen l-indifferenza u tiftaħ il-qlub għall-ferħ ta’ min iħossu maħbub mill-Missier li hu fis-smewwiet.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard