Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba. U grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom, tal-għajnuna tagħkom. Hu veru, kien vjaġġ qasir – tlitt ijiem – imma intom kellkom ħafna x’tagħmlu. Ninsab għad-dispożizzjoni tagħkom, u nirringrazzjakom ħafna tal-ħidma tagħkom. Staqsuni li tridu.

 

Dr Burke:

Grazzi, Santità. L-ewwel mistoqsija ġejja mill-Ġorġja, it-televiżjoni Ġorġjana, Ketevan Kardava.

 

Ketevan Kardava:

Grazzi ħafna, Santità, għal dan l-ewwel vjaġġ tiegħek fil-Ġorġja. Għalija kien importanti ħafna li bħala ġurnalista nkopri din iż-żjara u nsegwi ż-żjara tiegħek f’pajjiżi. Aħna ċ-ċittadini kollha tal-Ġorġja bqajna milquta mid-diskors tiegħek, u b’mod partikulari r-ritratt li ħadt mal-Patrijarka tal-Ġorġja dar ix-xbieki soċjali mijiet u mijiet ta’ drabi. Kienet żjara ta’ kuraġġ kbir għall-komunità Kattolika tagħna, li hi tassew ċkejkna. Wara l-laqgħa tiegħek mal-Patrijarka tal-Ġorġja, int qed tara bażi għal kollaborazzjoni fil-futur u djalogu kostruttiv bejnek u l-Knisja Ortodossa u dik Kattolika f’dawk li huma d-differenzi duttrinali li jeżistu? Int għidtilna li għandna ħafna komuni bejnietna, li jgħaqqadna, iktar minn dak li jifridna. Grazzi, nistenna t-tweġiba tiegħek.

 

Il-Papa Franġisku:

Jien ħadt żewġ sorpriżi fil-Ġorġja. L-ewwel waħda hi l-istess Ġorġja. Qatt ma stħajjilt tant kultura, tant fidi, tant Kristjanità. Hu poplu li jemmen u ta’ kultura Nisranija antika qatigħ, poplu ta’ ħafna martri. U skoprejt ħaġa li ma kontx naf: l-għeruq qawwija ta’ din il-fidi Ġorġjana. It-tieni sorpriża kien il-Patrijarka: bniedem ta’ Alla, dan il-bniedem qanqalni. Jien meta ltqajt miegħu dejjem ħriġt b’qalbi mqanqla, u bis-sensazzjoni li ltqajt ma’ raġel ta’ Alla. Tassew, raġel ta’ Alla. Fuq x’hemm jgħaqqadna u jifridna, ngħidilkom: toqogħdux tiddiskutu l-ħwejjeġ ta’ duttrina, dak inħalluh għat-teologi, huma jafu aħjar minna. Jiddiskutu u huma bravi, huma tajbin, għandhom rieda tajba, it-teologi miż-żewġ naħat. Aħna bħala poplu x’għandna nagħmlu? Nitolbu għal xulxin. Dan importantissmu: it-talb. U t-tieni, nagħmlu l-affarijiet flimkien: hemm il-foqra, naħdmu flimkien mal-foqra; hemm din u dik il-problema, nistgħu naffrontawha flimkien? Ħa nagħmluha flimkien. Hemm l-immigranti? Nagħmlu xi ħaġa ma’ xulxin… Nagħmlu xi ħaġa tajba għall-oħrajn, flimkien, dan nistgħu nagħmluh. U din hi l-mixja tal-ekumeniżmu. Mhux biss il-mixja tad-duttrina, din l-aħħar ħaġa, fl-aħħar għad naslu. Imma nibdew nimxu flimkien. U b’rieda tajba, dan nistgħu nagħmluh. Jeħtieġ nagħmluh. Illum l-ekumeniżmu rridu nagħmluh billi nimxu flimkien, nitolbu għal xulxin. U jalla t-teologi jibqgħu jiddiskutu bejniethom, jistudjaw bejniethom. Imma l-Ġorġja hi sabiħa wisq, hi ħaġa li ma kontx qed nistennieha; nazzjon Nisrani, imma fil-ġewwieni nett tiegħu!

 

Dr Burke:

It-tieni mistoqsija ġejja minn ġurnalista Ġermaniż, Tassilo Forchheimer, mir-radju Ġermaniż ARD:

 

Tassilo Forchheimer:

Santità, wara li tkellimt mal-persuni kollha li jistgħu jibdlu din l-istorja kerha bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan, x’għandu jiġri biex naslu għal paċi permanenti li tħares id-drittijiet umani? Liema huma l-problemi u xi rwol jista’ jkollu l-Qdusija Tiegħu?

 

Il-Papa Franġisku:

Darbtejn, f’żewġ diskorsi tkellimt fuq dan. Fl-aħħar wieħed tkellimt fuq ir-rwol tar-reliġjonijiet biex jgħinu għal dan l-għan. Nemmen li l-unika triq hi dik tad-djalogu, id-djalogu sinċier, bla ma naħbu l-karti taħt il-mejda, sinċier, wiċċ imb wiċċ. L-innegozjar sinċier. U jekk ma nistgħux naslu għal dan, irid ikollna l-kuraġġ li mmorru għand Tribunal internazzjonali, immorru għand l-AJA, ngħidu aħna, u noqogħdu għal ġudizzju internazzjonali. Ma narax triq oħra. L-alternattiva hi l-gwerra, u l-gwerra dejjem ħa teqred, bil-gwerra kollox nitilfu! U barra minn hekk, għall-Insara, hemm it-talb: nitolbu għall-paċi, biex il-qlub jaqbdu din it-triq tad-djalogu, tan-negozjar, jew imorru fi tribunal internazzjonali. Imma ma nistgħux nibqgħu sejrin bi problemi bħal dawn… Araw ftit kif it-tliet pajjiżi Kawkażiċi għandhom il-problemi tagħhom, anki l-Ġorġja: għandha problema mar-Russja, ftit hu magħruf… imma għandha problema, li tista’ tikber… min jaf; u l-Armenja hi pajjiż bla fruntieri miftuħa, għandha problemi mal-Ażerbajġan. Għandna mmorru għand tribunal internazzjonali jekk id-djalogu u n-negozjati ma jirnexxux: m’hemmx triq oħra. U t-talb, it-talb għall-paċi.

 

Dr Burke:

Issa għandna lil Maria Elena Ribezzo mill-Isvizzera, mir-rivista La Presse:

 

Maria Elena Ribezzo:

Insellimlek, Santità, il-lejla t-tajba. Ħares, int ilbieraħ tkellimt fuq gwerra dinjija li għaddejja kontra ż-żwieġ, u f’din il-gwerra użajt kliem qawwi ħafna kontra d-divorzju: għidt li jħammeġ ix-xbieha ta’ Alla; meta fix-xhur li għaddew, anki tul is-Sinodu, sar diskors dwar li għandna nilqgħu lid-divorzjati. Ridt naf jekk dawn iż-żewġ approċċi jistgħux jikkonċiljaw ma’ xulxin, u b’liema mod.

 

Il-Papa Franġisku:

Kollox jinsab, dak kollu li għidt ilbieraħ, fi kliem ieħor – għax ilbieraħ tkellimt bla karta quddiemi u dak li ġieni f’moħħi – fl-Amoris lætitia, kollox. Meta nitkellmu fuq iż-żwieġ bħala rabta bejn ir-raġel u l-mara, kif ħalqu Alla, bħala xbieha ta’ Alla, hu raġel u mara. Ix-xbieha ta’ Alla mhux ir-raġel [maskil]: huma r-raġel u l-mara. Flimkien. Li huma ġisem wieħed meta jintrabtu fiż-żwieġ. Din hi l-verità. Hu minnu li f’din il-kultura l-kunflitti u tant problemi ma niħdux ħsiebhom kif imiss, u hemm anki filosofiji ta’ “illum nagħmel dan [niżżewweġ], imbagħad meta negħja nagħmel l-oħra, imbagħad nagħmel it-tielet ħaġa, imbagħad nagħmel ir-raba’”. Din hi l-“gwerra dinjija” li qed issemmi int kontra ż-żwieġ. Irridu noqogħdu attenti biex ma nħallux dawn l-ideat jinfiltraw. Imma qabelxejn: iż-żwieġ hu xbieha ta’ Alla, raġel u mara f’ġisem wieħed. Meta neqirdu dan, “inħammġu” jew nisfiguraw ix-xbieha ta’ Alla. Imbagħad l-Amoris lætitia titkellem fuq kif għandna nimxu f’każi bħal dawn, kif nittrattaw il-familji miġruħa, u hemm tidħol il-ħniena. U hemm talba mill-isbaħ tal-Knisja, li tlabna l-ġimgħa l-oħra. Tgħid hekk: “O Alla, li b’mod tal-għaġeb ħlaqt id-dinja u b’mod iżjed tal-għaġeb tajtha ħajja ġdida”, jiġifieri bil-fidwa u l-ħniena. Iż-żwieġ imkisser, il-koppji midruba: hemm tidħol il-ħniena. Il-prinċipju dak hu, imma d-dgħufijiet tagħna ta’ bnedmin jeżistu, id-dnubiet jeżistu, u l-aħħar kelma qatt mhi tad-dgħufija, l-aħħar kelma qatt mhi tad-dnub: l-aħħar kelma hi tal-ħniena! Nieħu gost nirrakkonta – ma naf għidthiex diġà xi darba, għax inħobb nirrepetiha – kif fil-knisja ta’ Santa Marija Maddalena f’Vézelay hemm kapitell sabiħ wisq, ftit jew wisq tas-sena 1200. In-nies tal-Medjuevu kienu jagħmlu katekeżi bl-iskulturi tal-katidrali. Fuq naħa waħda tal-kapitell hemm Ġuda, mgħallaq, bi lsienu barra, għajnejh imqabbża ’l barra, u fil-parti l-oħra tal-kapitell hemm Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jerfgħu u jieħdu miegħu. U jekk inħarsu tajjeb lejn wiċċ Ġesù, ħuġbejn Ġesù huma mnikkta minn naħa, imma mill-oħra bi tbissima ċkejkna ta’ kompliċità. Dawn fehmu x’inhi l-ħniena! Ma’ Ġuda! U għalhekk, fl-Amoris lætitia nitkellmu dwar iż-żwieġ, dwar il-bażi taż-żwieġ kif inhu, imma mbagħad jitfaċċaw il-problemi. Kif inħejju għaż-żwieġ, kif nedukaw lil uliedna; u mbagħad, fit-tmien kapitlu, meta jitfaċċaw il-problemi, kif jissolvew. Jissolvew b’erba’ kriterji: nilqgħu lill-familji miġruħa, inseħbuhom, niddixxernu kull każ għalih, u nintegraw, nibnu mill-ġdid. Dan hu l-mod kif nikkollaboraw f’dan it-“tieni ħolqien”, f’din ir-ri-kreazzjoni tal-għaġeb li għamel il-Mulej bil-fidwa tiegħu. Hekk tiftiehem? Iva, jekk tara naħa waħda biss, dan mhux sew! L-Amoris lætitia – dan irrid ngħid –: kulħadd jaqbeż għall-kapitlu tmienja. Le, le. Trid taqraha mill-bidu sal-aħħar. U x’inhi l-qalba? Imma… dan jiddipendi minn kull wieħed u waħda. Għalija l-qalba, il-fus tal-Amoris lætitia hu r-raba’ kapitlu, li jservi għall-ħajja kollha. Imma trid taqraha kollha kemm hi u terġa’ taqraha kollha u tiddiskutiha kollha, hi ġabra waħda flimkien. Hemm id-dnub, hemm it-tifrik, imma hemm ukoll il-ħniena, il-fidwa, il-kura. Fissirt ruħi biżżejjed?

 

Dr Burke:

Issa għandna lil Joshua McElwee, mill-ġurnal Amerikan National Catholic Reporter.

 

Joshua McElwee:

Grazzi, Santità. F’dak l-istess diskors tal-bieraħ fil-Ġorġja, int tkellimt, bħal f’ħafna pajjiżi oħra, fuq it-teorija tal-ġeneru, u għidt li hi l-ikbar għadu, theddida kontra ż-żwieġ. Imma rrid nistaqsik: X’tgħidilha lil persuna li batiet għal snin sħaħ minħabba fis-sesswalità tagħha u veru tħoss li hi problema bijoloġika, li d-dehra fiżika tagħha ma tikkorrispondix ma’ dik li hu jew hi jqisu bħala l-identità sesswali tagħhom? Int bħala ragħaj u ministru, kif timxi ma’ dawn il-persuni?

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn, fil-ħajja tiegħi ta’ saċerdot, ta’ isqof – anki ta’ Papa – jien seħibt persuni b’tendenza omosesswali u anki bi prattika omosesswali. Seħibthom, qarribthom lejn il-Mulej, xi wħud ma jistgħux, imma mxejt magħhom u qatt ma tlaqt li ħadd. Hekk għandu jkun. Il-persuni għandna nimxu magħhom kif jimxi magħhom Ġesù. Meta persuna li jkollha din il-kundizzjoni tasal quddiem Ġesù, Ġesù żgur mhux sa jgħidilha: “Itlaq ’l hemm għax int omosesswali!”, le. Dak li għidt jien kien dwar dak il-ħażen li qed isir illum bl-induttrinament tat-teorija tal-ġeneru. Kien qed jirrakkuntali missier Franċiż li d-dar waqt l-ikel kienu qed jitkellmu ma’ wliedhom – hu Kattoliku, il-mara Kattolika, it-tfal Kattoliċi, mhux wisq prattikanti, imma Kattoliċi – u staqsa lil ibnu ta’ għaxar snin: “U int x’tixtieq tilħaq meta tikber?” – “Tifla”. U l-missier induna li fil-kotba tal-iskola kienu qed jgħallmuhom it-teorija tal-ġeneru. U dan imur kontra n-natura. Mod persuna jkollha din it-tendenza, din l-għażla, u hemm anki min jibdel is-sess. U mod ieħor fl-iskejjel tgħallem fuq din il-linja, biex tibdel il-mentalità. Dawn jiena nsejħilhom “kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi”. Is-sena l-oħra rċivejt ittra minn wieħed Spanjol li rrakkontali l-istorja tiegħu ta’ tifel u ta’ ġuvni. Kienet tifla, tfajla, u batiet ħafna, għax kienet tħossha tifel imma fiżikament kienet tifla. Irrakkontat dan lil ommha, meta diġà kellha fuq l-għoxrin, tnejn u għoxrin sena, u qaltilha li riedet tagħmel l-intervent kirurġiku u dan kollu. U ommha talbitha biex dan ma tagħmlux sakemm iddum ħajja hi. Kienet anzjana, u ma damitx ma mietet. Għamlet l-intervent. Hu impjegat f’ministeru ta’ belt fi Spanja. Mar għand l-Isqof. L-Isqof ħa ħsiebu ħafna, isqof twajjeb: qagħad “jaħli” l-ħin biex isieħeb lil dan ir-raġel. Imbagħad iżżewweġ. Bidel l-identità ċivili tiegħu, iżżewweġ u kitibli ittra fejn qalli li għalih kien ikun ta’ faraġ kbir kieku seta’ jiġi ma’ martu: hu, li kien hi, imma hu. U lqajthom. Kienu kunenti. U fil-post fejn kien jgħix kien hemm saċerdot xwejjaħ, ta’ xi tmenin sena, il-kappillan ta’ qabel, li kien ħalla l-parroċċa u mar jgħin lis-sorijiet, hemm, fil-parroċċa… U kien hemm il-ġdid [kappillan]. Meta rah il-ġdid, minn fuq il-bankina beda jgħajjat miegħu: “Se tmur l-infern!”. Meta sab lil ta’ qablu, dan qallu: “Kemm ilek ma tqerr? Ejja, ejja, ħa mmorru u nqarrek u hekk tkun tista’ titqarben”. Fhimt? Il-ħajja hi l-ħajja, u l-ħwejjeġ trid teħodhom kif jiġu. Id-dnub hu dnub. It-tendenzi u n-nuqqas ta’ bilanċ ormonali jaqilgħu ħafna problemi u rridu noqogħdu attenti biex ma ngħidux: “Kollox l-istess, nagħmlu festa”. Le, hekk le. Imma kull każ nilqgħuh, inseħbuh, nistudjawh, niddixxernu u nintegrawh. Hekk kien jagħmel Ġesù llum. Nitlobkom, tmorrux tgħidu: “Il-Papa lit-trans [transesswali] ġabhom qaddisin!”. Nitlobkom! Għax jien ġa qed nara t-titli tal-ġurnali… Le le. Hemm xi dubju fuq dak li għadni kemm għidt? Irrid nagħmilha ċara. Hi problema tal-morali. Hi problema. Hi problema umana. U rridu naraw li nsolvuha kif nistgħu, dejjem bil-ħniena ta’ Alla, bil-verità, kif semmejna fil-każ taż-żwieġ, naqraw l-Amoris lætitia kollha, imma dejjem b’dan il-mod, dejjem b’qalb miftuħa. U tinsewx dak il-kapitell ta’ Vézelay: hu sabiħ ħafna, sabiħ ħafna.

 

Dr Burke:

Grazzi, Santità. Issa Gianni Cardinale, mill-Avvenire.

 

Gianni Cardinale:

Żewġ mistoqsijiet: waħda personali u oħra pubblika. Il-personali hi – marbuta ma’ kunjomi, ħa ngħidu hekk – meta se tagħmel kardinali ġodda u xi kriterji jispirawk għal dik l-għażla. It-tieni, iżjed serja, ħa ngħidu hekk, hi pubblika, bħala Taljan: meta se tmur iżżur il-popli milquta mit-terremot u x’se tkun il-karatteristika ta’ dik iż-żjara?

 

Il-Papa Franġisku:

Dwar it-tieni, ipproponewli tliet dati possibbli. Tnejn huma numri li ma niftakarhomx sewwa; it-tielet niftakarha sewwa, hu l-ewwel Ħadd tal-Avvent. Jien għidtilhom li la nidħol lura nagħżel id-data. Hemm tlieta: irrid nagħżel minnhom. U sa nagħmilha fil-privat, waħdi, bħala saċerdot, bħala isqof, bħala Papa. Imma waħdi. Hekk nixtieq nagħmilha. U nixtieq inkun qrib tan-nies. Imma għadni ma nafx kif.

 

Fuq il-kardinali: il-kriterji sa jkunu l-istess taż-żewġ konċistorji l-oħra. [Nagħżilhom] xi ftit minn kullimkien, imma forsi jkunu tlieta minn kontinent, tnejn  minn ieħor u wieħed minn xi mkien ieħor, ieħor minn post ieħor, wieħed minn pajjiż… imma, għadni ma nafx. Il-lista hi twila, imma hemm biss tlettax-il post. U rridu naraw kif nibbilanċjaw. Jien nixtieq li fil-Kulleġġ tal-Kardinali tidher l-universalità tal-Knisja: mhux biss iċ-ċentru – biex ngħidu hekk – “Ewropew”; imma minn kullimkien. Il-ħames kontinenti, jekk hu possibbli.

 

[“Diġà hemm data?”]

 

Il-Papa Franġisku:

Le, għax irrid nistudja l-lista u niddeċiedi d-data. Jaf ikun tmiem is-sena, jaf ikun għall-bidu tas-sena d-dieħla. Għal tmiem is-sena hemm il-problema tas-Sena Mqaddsa, imma nistgħu nsolvuha… Jew għall-bidu tas-sena d-dieħla. Imma dalwaqt.

 

Dr Burke:

Grazzi, Santità. Issa għandna lil Aura Miguel minn Radio Renascença tal-Portugall.

 

Aura Miguel:

Santità, il-lejla t-tajba. Il-mistoqsija tiegħi hi dwar l-aġenda tiegħek ta’ vjaġġi barra mill-Italja, fi tliet partijiet. Int diġà għidt f’dawn il-jiem lill-Arġentini li l-aġenda tiegħek hi mimlija ħafna u tkellimt fuq l-Afrika u fuq l-Asja: nistgħu nkunu nafu liema pajjiżi? U hawn ukoll kollega mill-Kolombja li qed jistenniek fil-Kolombja, naturalment, u jien fil-Portugall, qed nistennewk! Fil-Portugall, konkretement, kif sa tkun? It-12 jew it-13? Lisobna jew Fatima?

 

Il-Papa Franġisku:

Bla dubju, għalissa, sa mmur il-Portugall, u sa mmur biss Fatima. Sa issa. Għaliex? Hemm problema. F’din is-Sena Mqaddsa waqfu ż-żjajjar [tal-Isqfijiet] ad limina; fis-sena li ġejja rrid nilqa’ ż-żajjar ad limina ta’ din is-sena u tad-dieħla. U ftit hemm post għal vjaġġi. Imma l-Portugall ħa mmur żgur. Fl-Indja u l-Bangladesh, kważi żgur. Fl-Afrika, għadu mhux ċert il-post, kollox jiddipendi mill-klima, f’dak ix-xahar, għax jekk fil-majjistral tal-Afrika mod u jekk fil-lbiċ mod ieħor. U jiddipendi wkoll mis-sitwazzjoni politika u mill-gwerer… Imma hemm possibbiltajiet kbar li mmur l-Afrika. Fl-Amerika, jien għidt li meta l-proċess tal-paċi [fil-Kolombja]jekk joħroġ, jien nixtieq immur, meta kollox ikun “protett”, jiġifieri meta kollox – jekk jgħaddi r-referendum – meta kollox ikun fiż-żgur, li ma jkunx hemm triq lura, jiġifieri li d-dinja internazzjonali, il-ġnus kollha jaqblu, ħadd ma jappella, le, jintemm kollox b’wiċċ il-ġid, jekk inhu hekk, inkun nista’ mmur. Imma jekk il-ħaġa hi instabbli… Kollox jiddipendi minn dak li ħa jivvota l-poplu. Il-poplu hu sovran. Aħna aktar imdorrijin naraw il-forom demokratiċi milli s-sovranità tal-poplu, meta t-tnejn għandhom imorru flimkien. Ngħidu aħna, saret drawwa f’xi kontineti li, meta jintemm it-tieni mandat, min ikun fil-gvern jipprova jbiddel il-kostituzzjoni biex jibqa’ hemm għat-tielet darba. U dan ikun jagħti kas iżżejjed tal-hekk imsejħa demokrazija kontra s-sovranità tal-poplu, li qiegħda fil-Kostituzzjoni. Kollox jiddipendi minn hekk. U l-proċess tal-paċi jissolva llum, parzjalment, bil-vuċi tal-poplu: hu sovran. Nemmen li għandu jsir dak li jgħid il-poplu.

 

[“Fatima fit-12 t-13 (ta’ Mejju)?”]

 

Il-Papa Franġisku:

Għalissa t-13. Imma jista’ jkun, ma nafx…

 

Dr Burke:

Grazzi, Santità. Issa għandna lil Jean-Marie Guénois minn Le Figaro.

 

Jean-Marie Guénois:

Grazzi, Santità. Mistoqsija fuq il-vjaġġi: Għaliex fit-tweġiba tiegħek ma tkellimtx fuq iċ-Ċina? U liema huma r-raġunijiet għaliex bħala Papa ma jistax ikollox biljett għal Beijing? Raġunijiet fi ħdan il-Knisja Ċiniża? Raġunijiet ta’ problemi bejn il-Knisja Ċiniża u l-Gvern Ċiniż, jew raġunijiet, problemi bejn il-Vatikan u l-Gvern Ċiniż? U, jekk tippermettili, mistoqija riċenti, għax xi siegħa ilu Mons. Lebrun, Arċisqof ta’ Rouen, ħabbar li int awtorizzajt biex jinfetaħ il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Dun Hamel bla ma qgħadt tqis ir-regola tal-istennija ta’ ħames snin. Għaliex ħadt din id-deċiżjoni? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Fuq din tal-aħħar: tkellimt mal-Kardinal Amato [Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin], sa nagħmlu xi studji u hu jagħti l-aħħar aħbar. Imma l-intenzjoni tagħna hi li nimxu f’din il-linja, infittxu dak li hemm bżonn u naraw jekk hemmx raġunijiet biżżejjed biex nagħmlu dan.

 

[“Ħabbar li nfetaħ il-proċess tal-beatifikazzjoni”]

 

Il-Papa Franġisku:

Le, li jridu jfittxu x-xhieda biex jiftħu l-proċess. Li ma nitilfux ix-xhieda, dan hu importanti ħafna. Għax ix-xhieda friska, dak li rat in-nies, imbagħad biż-żmien imut xi ħadd, xi ħadd ieħor jinsa… u dan jiġri. Bil-Latin ngħidu: ne pereant probationes.

 

Iċ-Ċina. Intom tafuha tajjeb l-istorja taċ-Ċina u tal-Knisja: il-Knisja patrijottika, il-Knisja klandestina… Imma aħna għandna relazzjonijiet tajba, qed nistudjaw u niddiskutu, hemm kummissjonijiet ta’ ħidma… Jiena ottimista. Issa naħseb li l-Mużew tal-Vatikan għamel wirja fiċ-Ċina, iċ-Ċiniżi se jagħmlu Vatikan ieħor… Hemm tant professuri li jmorru jgħallmu fl-universitajiet Ċiniżi, tant sorijiet, tant qassisin li jistgħu jaħdmu għal qalbhom hemm. Ir-relazzjonijiet bejn il-Vatikan u ċ-Ċiniżi… Irridu noħolqu relazzjoni, u għalhekk qed niddiskutu, bil-mod il-mod… L-affarijiet jimxu bil-mod, dejjem. L-affarijiet mgħaġġlin ma jagħmlux ġid. Il-poplu Ċiniż għandu l-istima kollha tiegħi. L-aħħar darba, ngħidu aħna, iltaqa’ konvenju ta’ jumejn, naħseb, fl-Akkademja [Pontifiċja] tax-Xjenzi, dwar il-Laudato si’, u kien hemm delegazzjoni Ċiniża tal-President. U l-President Ċiniż bagħatli rigal. Hemm relazzjonijiet tajba.

 

[“Il-Papa se jagħmel vjaġġ ’l hemm?”]

 

Il-Papa Franġisku:

Aħ, nixtieq kieku…, imma naħseb mhux għalissa.

 

Dr Burke:

Grazzi. Għad fadal ħin għal mistoqija? Iva? Juan Vicente Boo mill-ġurnal Spanjol ta’ kuljum ABC.

 

Juan Vicente Boo:

Grazzi, Santità. Fil-grupp ta’ lingwa Spanjola, rajna li r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-paċi se jiġi mħabbar fis-7 ta’ Ottubru li ġej. Hemm iżjed minn tliet mija nnominati: ngħidu aħna, il-poplu ta’ Lesbos għal dak li għamel favur ir-rifuġjati, jew l-Elmi Bojod tas-Sirja, dawk il-voluntiera li jaqilgħu lin-nies minn taħt it-tifrik wara l-bumbardamenti: qalgħu sittin elf għal-prezz tal-ħajja ta’ mija u tnejn u tletin minnhom. Jew anki l-President Santos tal-Kolombja u l-Kmandant Timoshenko tal-Farc, li ffirmaw il-Ftehim tal-Paċi. U ħafna oħrajn. Allura l-mistoqsija hi: Liema hu l-kandidat favorit tiegħek jew liema huma l-persuni jew l-organizzazzjonijiet li jimmeritaw iżjed rikonixximent għall-ħidma li qed jagħmlu b’riżq il-paċi? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Hemm tant nies li jgħixu biex jiġġieldu, biex ibigħu l-armi, biex joqtlu, hemm ħafna. Imma hemm ukoll ħafna nies li jaħdmu għall-paċi, ħafna, ħafna. Jien ma nafx ngħid min. Li tagħżel minn fost tant nies, li fi żmienna qed iħabirku għall-paċi, hu diffiċli ħafna. Int semmejtli xi wħud, imma hemm iżjed. Imma dejjem bl-inkwiet lil min ħa nagħtu l-premju għall-paċi… Jien nawgura li anki fuq livell internazzjonali, insa l-Premju Nobel għall-Paċi, tingħata tifkira, rikonoxximent, dikjarazzjoni fuq it-tfal, fuq il-persuni b’diżabbiltà, fuq il-minorenni, fuq iċ-ċivili maqtula taħt il-bombi. Nemmen li dak hu dnub! Hu dnub kontra Ġesù Kristu, għax il-ġisem ta’ dawk it-tfal, ta’ dawk il-morda, ta’ dawk l-anzjani li m’għandhomx min jiddefendihom, hu l-ġisem ta’ Kristu. Jeħtieġ li l-umanità titkellem għall-vittmi tal-gwerra. Għal dawk li jġibu l-paċi, Ġesù qal li huma henjin, fil-Beatitudnijiet: “Dawk li jġibu l-paċi”. Imma l-vittmi tal-gwerra, jeħtieġ nitkellmu u jkollna kuxjenza! Li jitfgħulek bomba fuq sptar tat-tfal u jmutu tletin, erbgħin… Jew fuq skola… Din hi traġedja ta’ żminijietna.

 

Dr Burke:

Grazzi, Santità. Li jmiss hu John Jeremiah Sullivan, min-New York Times Magazine, dan hu l-ewwel vjaġġ tiegħu.

 

John Jeremiah Sullivan:

Santità, kif taf, l-Istati Uniti qed joqorbu lejn tmiem kampanja presidenzjali twila, kerha ħafna, li rċiviet ħafna attenzjoni fid-dinja. Ħafna Kattoliċi Amerikani u persuni ta’ kuxjenza jsibuha bi tqila jagħżlu minn bejn iż-żewġ kandidati, li wieħed minnhom qed jitbiegħed minn xi aspetti tat-tagħlim tal-Knisja u l-ieħor għamel dikjarazzjonijiet li jbaxxu l-immigranti u minoranzi reliġjużi. X’parir tagħti lill-fidili fl-Amerika? U x’parir tagħtihom għax-xahar id-dieħel, meta jkun hemm l-elezzjonijiet?

 

Il-Papa Franġisku:

Int qed tagħmilli mistoqsija fejn qed tfisser għażla diffiċili ħafna, għax fil-fehma tiegħek hemm problema b’wieħed u hemm problema bl-oħra. Waqt kampanja elettorali jien qatt ma llissen kelma. Il-poplu hu sovran, u sa ngħid biss: Ifli sewwa l-proposta, itlob u agħżel fil-kuxjenza tiegħek! Imbagħad noħroġ mill-problema u mmur għal xi ħaġa “vvintata” [każ immaġinarju], għax ma rridx nitkellem fuq il-problema konkreta. Meta jiġri li f’pajjiż, ikun liema jkun, ikun hemm żewġ, tliet jew erba’ kandidati li ma jkunux sodisfaċenti, ifisser li l-ħajja politika ta’ dak il-pajjiż forsi hi wisq politiċizzata imma m’għandhiex wisq kultura politika. U waħda mill-ħidmiet tal-Knisja u tat-tagħlim fil-fakultajiet hi li jgħallmuna kultura politika. Hemm pajjiżi – qed tiġini f’moħħi l-Amerika Latina – li huma wisq ippolitiċizzati imma m’għandhomx kultura politika: huma ta’ dan il-partit jew ta’ dak jew tal-ieħor, imma affettivament, bla ebda ħsieb ċar fuq il-bażi, fuq il-proposti.

 

Dr Burke:

Grazzi, Santità. Issa hemm Caroline Pigozzi.

 

Caroline Pigozzi:

Santità, il-lejla t-tajba. Din il-mistoqsija ma stajtx nagħmilhielek qabel. Ix-xhieda għall-istorja, skont int, hi iżjed importanti mit-testment ta’ Papa? Ħa nispjega ruħi: il-Papa Wojtyla kien ħalla fit-testment tiegħu li għandhom jiġu maħruqa ħafna dokumenti u ħafna ittri li mbagħad instabu mniżżla fi ktieb: dan ifisser li r-rieda ta’ Papa forsi mhix irrispettata? Ridt naf x’taħseb. Imbagħad, it-tieni mistoqsija hi iżjed faċli: nixtieq naf b’liema miraklu int, li tnewwel idejk lil mijiet ta’ persuni kull ġimgħa, għad m’għandekx tendinite. Kif tagħmel? Il-President Chirac kien jieħu b’idejn ħafna nies, u kien jilbes garża…

 

Il-Papa Franġisku:

Jien għadni ma bdejtx inħoss it-tendinite… L-ewwel mistoqsija. Int qed tgħid: Papa jibgħat għall-ħruq karti, ittri… dan hu d-dritt ta’ kull bniedem, għandu d-dritt jagħmel dan qabel imut.

 

Caroline Pigozzi:

Imma ma ġiex irrispettat fil-każ tal-Papa Wojtyla… kien hemm dak il-ktieb

 

Il-Papa Franġisku:

Aħ dak… Min ma rrispettax dak, hu ħati, ma nafx, ma nafx sew il-każ. Imma kull persuna, meta tgħid: “Dan għandu jinqered”, dan għax hemm xi ħaġa konkreta. Imma forsi hemm kopja band’oħra, u dan hu ma kienx jafu… Imma hu dritt ta’ kull persuna li tagħmel it-testment tagħha kif trid hi.

 

Caroline Pigozzi:

Anki tal-Papa, imma hu ma ġiex irrispettat.

 

Il-Papa Franġisku:

Ta’ ħafna nies ma ġiex irrispettat it-testment…

 

Caroline Pigozzi:

Imma l-Papa hu iżjed importanti.

 

Il-Papa Franġisku:

Le. Il-Papa hu msejken fqajjar, bħall-oħrajn. Grazzi.

 

Dr Burke:

Il-Papa qal li hemm wisa’ għal mistoqsija oħra tal-aħħar, imma m’hawn ħadd fil-lista tiegħi.

 

Intant, nixtieq ngħid li llum [fi tmiem il-Quddiesa f’Baku] wieġeb għal mistoqsija, fuq għaliex jagħmel dawn il-vjaġġi f’postijiet fejn hemm ftit Kattoliċi, u din għoġbitna. Lanqas ma rridu nitilfu ħin: nagħmlu dawn il-vjaġġi qosra imma intensi. Imma, jekk int trid tagħmel wieħed twil u rilassanti, nistgħu nagħmluh ukoll…

 

Il-Papa Franġisku:

Le

 

Wara l-ewwel vjaġġ, fl-Albanija, qaluli: “Għaliex għażilt li tmur l-Albanija għall-ewwel vjaġġ tiegħek fl-Ewropa? Pajjiż li lanqas hu fl-Unjoni Ewropea?”. Imbagħad mort Sarajevo, fil-Bożnja Ħerżegovina, li mhux fl-Unjoni Ewropea. L-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li fih mort kien il-Greċja, il-gżira ta’ Lesbos: l-ewwel. Kien l-ewwel. Għaliex nivvjaġġa lejn dawn il-pajjiżi? Dawn it-tlieta huma Kawkażiċi. It-tliet Presidenti ġew il-Vatikan jistednuni. U bis-saħħa. U t-tlieta li huma għandhom atteġġjament reliġjuż differenti: l-Armeni huma kburin – u dan bla ma joffendu – kburin bl-“Armenità” tagħhom, għandhom storja, u huma Nsara, fil-parti l-kbira, kważi kollha Nsara Appostoliċi, imbagħad Insara Kattoliċi u xi ftit tal-Insara Evanġeliċi, ftit. Il-Ġorġja hi pajjiż Nisrani, kollu kemm hu Nisrani, imma Ortodoss. Il-Kattoliċi huma ftit, grupp, imma huma Ortodossi. Min-naħa l-oħra l-Ażerbajġan hu pajjiż li naħseb hu 96-98% Musulman. Ma nafx kemm għandu nies jgħixu fih, għax jien għidt żewġ miljuni, imma naħseb li huma għoxrin…

 

[“Xi għaxra”]

 

Il-Papa Franġisku:

xi għaxra, ara. Madwar għaxar miljuni. Il-Kattoliċi l-iktar l-iktar huma sitt mija: żgħar ħafna. U jien, għaliex immur hemm? Għall-Kattoliċi, biex immur fil-periferija ta’ komunità Kattolika, li qiegħda propju fil-periferija, hi ċkejkna ħafna. U llum fil-Quddiesa għidt li fakkritni fil-komunità “periferika” ta’ Ġerusalemm, magħluqa fiċ-Ċenaklu, tistenna lill-Ispirtu s-Santu, tistenna li tista’ tikber, toħroġ… Hi ċkejkna. Mhix ippersegwitata, le, għax fl-Ażerbajġan hemm rispett reliġjuż kbir, libertà reliġjuża kbira. Dan hu minnu, għidtu fid-diskors tal-lum. U anki dawn it-tliet pajjiżi huma pajjiżi periferiċi, bħall-Albanija, il-Bożnja Ħerżegovina… U jien għidtilkom: ir-realtà tifhimha aħjar u mill-periferiji taraha aħjar milli miċ-ċentru. U għalhekk nagħżel li mmur hemm. Imma dan ma jneħħix il-possibbiltà li mmur f’pajjiż kbir bħall-Portugall, Franza, ma nafx… Naraw…

 

Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom. Issa strieħu ftit. U l-ikla t-tajba. Grazzi. U itolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard