Mulej Ġesù,

inqimu s-salib tiegħek,

li jeħlisna mid-dnub, għerq ta’ kull firda u ta’ kull ħażen;

inħabbru l-qawmien tiegħek,

li jifdi lill-bniedem mill-jasar tal-waqgħa u tal-mewt;

nistennew il-miġja tiegħek fil-glorja,

li twassal fil-milja tagħha s-saltna tiegħek ta’ ġustizzja, ta’ ferħ u ta’ sliem.

 

Mulej Ġesù,

minħabba fil-passjoni glorjuża tiegħek,

irbaħ fuq l-ebusija tal-qlub, ilsiera tal-mibegħda u tal-egoiżmu;

minħabba fil-qawwa tal-qawmien tiegħek,

eħles mill-qagħda li jinsabu fiha lill-vittmi tal-inġustizzja u tal-moħqrija;

minħabba fil-fedeltà tal-miġja tiegħek,

ifxel il-kultura tal-mewt ħa jiddi t-trijonf tal-ħajja.

 

Mulej Ġesù,

waħħad mas-salib tiegħek it-tbatija ta’ tant vittmi innoċenti:

it-tfal, l-anzjani, l-Insara ppersegwitati;

geżwer bid-dawl tal-Għid tiegħek lil min hu miġruħ f’qalbu:

il-persuni abbużati, imċaħħda mil-libertà u mid-dinjità;

dewwaq l-istabbiltà tas-saltna tiegħek lil min qed jgħix fl-inċertezza:

l-eżiljati, ir-refuġjati, min tilef il-gost tal-ħajja.

 

Mulej Ġesù,

ifrex id-dawl tas-salib tiegħek fuq il-ġnus miġġeldin bejniethom:

ħa jitgħallmu t-triq tar-rikonċiljazzjoni, tad-djalogu u tal-maħfra;

agħmel li l-popli mifnija mill-bombi jduqu l-ferħ tal-qawmien tiegħek:

erfa’ mill-qerda lill-Iraq u lis-Sirja;

iġbor taħt it-tmexxija ħelwa tiegħek lil uliedek imxerrda:

wieżen lill-Insara maħruba u agħtihom l-għaqda fil-fidi u fl-imħabba.

 

Verġni Marija, Sultana tal-paċi,

int li kont f’riġlejn is-salib,

iksbilna mingħand Ibnek il-maħfra ta’ dnubietna;

int li qatt ma ġiek dubju mir-rebħa tal-qawmien,

wieżen il-fidi tagħna u t-tama tagħna;

int li ssaltan fil-glorja,

għallimna r-regalità tal-qadi u l-glorja tal-imħabba.

 

Amen.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard