Il-Kelma ta’ Alla llum tqegħdilna quddiemna żewġ aspetti essenzjali tal-ħajja Nisranija: il-fidi u l-qadi. Dwar il-fidi, isiru żewġ talbiet partikulari lill-Mulej.

 

L-ewwel waħda hi dik tal-Profeta Ħabakkuk, li jitlob lil Alla biex jindaħal u jerġa’ jwaqqaf il-ġustizzja u s-sliem li l-bnedmin kissru bil-vjolenza, il-ġlied u t-tilwim: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax?” (Ħab 1:2). Alla ma jweġibx billi jintervieni direttament, ma jsewwix is-sitwazzjoni minnufih, ma jurix ruħu bil-qawwa. Bil-maqlub, jistieden lill-profeta biex jistenna bis-sabar, bla ma qatt jitlef it-tama; fuq kollox, jisħaq fuq l-importanza tal-fidi. Għax il-bniedem jgħix bil-fidi tiegħu (ara Ħab 2:4). Hekk ukoll jagħmel magħna Alla: ma jappoġġjax ix-xewqat tagħna li jridu jibdlu d-dinja u lill-oħrajn minnufih u kontinwament, imma qabelxejn jimmira biex ifejjaq il-qalb, il-qalb tiegħi, il-qalb tiegħek, il-qalb ta’ kull wieħed u waħda; Alla jibdel id-dinja billi jibdel il-qlub tagħna, u dan ma jistax jagħmlu mingħajrna. Il-Mulej fil-fatt jixtieq li niftħulu l-bieb ta’ qalbna, biex jista’ jidħol fil-ħajja tagħna. U dan il-ftuħ ta’ qalbna għalih, din il-fiduċja fih hi propju “r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5:4). Għax meta Alla jsib qalb miftuħa u kollha fiduċja, hemm jista’ jwettaq l-għeġubijiet.

 

Imma biex ikollna fidi, fidi ħajja, mhix ħaġa faċli; u hawn allura t-tieni talba, dik li fil-Vanġelu jagħmlu l-Appostli lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!” (Lq 17:6). Hi talba sabiħa, talba li anki aħna nistgħu nagħmlu ta’ kuljum lil Alla. Imma t-tweġiba divina hi sorprendenti u anki f’dan il-każ il-mistoqsija tinqaleb ta’ taħt fuq: “Kieku kellkom fidi…”. Hu li jitlob lilna jkollna l-fidi. Għax il-fidi, li hi don ta’ Alla u għandna dejjem nitolbuhielu, għandna wkoll nieħdu ħsiebha. Mhix xi qawwa maġika li tinżel mis-sema, mhix xi “dota” li tirċeviha darba għal dejjem, u lanqas xi qawwa ta’ barra minn hawn li sservi biex insolvu l-problemi tal-ħajja. Għax fidi li tiswa biex tissodisfa l-bżonnijiet tagħna tkun fidi egoistika, li ddur biss magħna. Il-fidi ma rridux nifxluha ma’ sitwazzjoni fejn inkunu sewwa jew inħossuna tajjeb, mal-faraġ tar-ruħ biex ikollna xi ftit tal-paċi fil-qalb tagħna. Il-fidi hi l-ħajta tad-deheb li torbotna mal-Mulej, il-ferħ pur li nkunu miegħu, li nkunu magħqudin miegħu; hi d-don li jgħodd għall-ħajja kollha, imma li jagħmel il-frott jekk aħna nagħmlu l-parti tagħna.

 

U x’inhi din il-parti tagħna? Ġesù jfehimna li hi l-qadi. Fil-fatt fil-Vanġelu l-Mulej, dritt wara kliemu dwar il-qawwa li għandha l-fidi, ilissen dak fuq il-qadi. Fidi u qadi ma tistax tifridhom minn xulxin, anzi huma strettament marbuta, f’nisġa waħda bejniethom. Biex infisser ruħi aħjar nixtieq ninqeda bi xbieha familjari ħafna għalikom, dik ta’ tapit sabiħ: it-twapet tagħkom huma vera opra tal-arti u ġejjin minn storja qadima ħafna. Anki l-ħajja Nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna ġejja mill-bogħod, hi don li rċivejna fil-Knisja u li ġej mill-qalb ta’ Alla, Missierna, li jixtieq jagħmel minn kull wieħed u waħda minna kapulavur tal-ħolqien u tal-istorja. Kull tapit, u dan intom tafuh sewwa, jinħiet skont in-nisġa tad-drapp u l-medd tax-xoqqa; b’din l-istruttura flimkien biss jista’ jintiseġ b’mod ordnat u armonjuż. Hekk ukoll il-ħajja Nisranija: trid tintiseġ ta’ kuljum bis-sabar, fejn in-nisġa tad-drapp u l-medd jixxebilku sew ma’ xulxin: in-nisġa tal-fidi u l-medd tal-qadi. Meta mal-fidi jintiseġ il-qadi, il-qalb tibqa’ miftuħa u żagħżugħa, u tedha tagħmel it-tajjeb. Hekk il-fidi, kif jgħid Ġesù fil-Vanġelu, issir qawwija, tagħmel ħwejjeġ kbar. Jekk timxi f’dik it-triq, tikber u tissaħħaħ, basta tibqa’ dejjem marbuta mal-qadi.

 

Imma x’inhu l-qadi? Nistgħu naħsbu li jikkonsisti biss f’li nkunu fidili lejn id-dmirijiet tagħna jew f’li nagħmlu xi opra tajba. Imma għal Ġesù hu wisq iżjed minn hekk. Fil-Vanġelu tal-lum hu jitlobna, anki bi kliem qawwi ħafna, radikali, disponibbiltà sħiħa, ħajja mimlija dispożizzjoni, bla kalkoli u bla noqogħdu naraw x’jaqblilna. Għaliex Ġesù hu hekk esiġenti? Għax hekk ħabbna hu, billi sar qaddej tagħna “sal-aħħar” (Ġw 13:1), għax ġie “biex jaqdi u biex jagħti ħajtu” (Mk 10:45). U dan iseħħ mill-ġdid kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija: il-Mulej jiġi fostna u, nagħmlu kemm nagħmlu biex naqduh u nħobbuh, dejjem hu li jasal qabilna, jaqdina u jħobbna iżjed minn kemm qatt nistgħu nistħajlu jew jistħoqqilna. Jagħtina l-istess ħajtu. U jistedinna nixbhuh, jgħidilna: “Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja” (Ġw 12:26).

 

Mela, m’aħniex imsejħa biex naqdu biss biex nirċievu xi ħlas, imma biex nixbhu lil Alla, li għall-imħabba tagħna sar qaddej. U m’aħniex imsejħin naqdu xi darba fil-, imma ngħixu naqdu. Għalhekk il-qadi hu stil ta’ ħajja, anzi jiġbor fih l-istil kollu tal-ħajja Nisranija: naqdu lil Alla fil-qima u fit-talb; inkunu miftuħa u disponibbli; inħobbu konkretement lill-proxxmu tagħna; inħabirku b’ħeġġa ġdida għall-ġid komuni.

 

Imma lanqas għal min jemmen mhuma nieqsa t-tentazzjonijiet, li jbiegħdu mill-istil tal-qadi u jispiċċaw biex il-ħajja jagħmluha bla siwi. Fejn m’hemmx qadi, il-ħajja ma tiswa għal xejn! Anki hawn nistgħu nsemmu tnejn. Waħda hi dik li nħallu lil qalbna tixraf. Qalb bierda tingħalaq f’ħajja mitluqa u tifga n-nar tal-imħabba. Min hu biered jgħix biex jissodisfa l-kumditajiet tiegħu, li qatt mhuma biżżejjed, u allura qatt mhu kuntent; naqra naqra jispiċċa biex jikkuntenta ruħu b’ħajja medjokri. Il-biered jirriserva għal Alla u għall-oħrajn “perċentwali” mill-ħin tiegħu u mill-qalb tiegħu, bla qatt jesaġera, anzi jfittex dejjem li ma jaħlix. Hekk ħajtu titlef kull gost: issir bħal te li kien tassew bnin, imma li meta bired ma baqax tajjeb iżjed biex jinxtorob. Imma jiena ċert li intom, jekk tħarsu lejn l-eżempji ta’ min ġie qabilkom fil-fidi, m’intomx sa tħallu lil qalbkom tibred. Il-Knisja kollha, li għalikom għandha simpatija speċjali, qed tħares lejkom u tagħmlilkom il-qalb: intom merħla ċkejkna tant għażiża f’għajnejn Alla!

 

Hemm tentazzjoni oħra, li fiha nistgħu naqgħu mhux għax inkunu passivi, imma għax inkunu “attivi żżejjed”: dik li naħsbu li aħna s-sidien, li nitħabtu biss biex ikunu jafuhulna u biex insiru xi ħaġa. Hawn il-qadi jsir mezz u mhux fini, għax il-fini sar il-prestiġju; imbagħad jiġi l-poter, li rridu nikbru. “Fostkom”, ifakkarna Ġesù, “ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom” (Mt 20:26). Hekk tinbena u tissebbaħ il-Knisja. Lura għax-xbieha tat-tapit, napplikaha għall-komunità sabiħa tagħkom: kull wieħed u waħda minnkom hu bħal ħajta sabiħa tal-ħarir, imma jekk ikunu minsuġa sew bejniethom il-ħafna ħjut joħolqu kompożizzjoni sabiħa; waħidhom, ma jiswewx. Ibqgħu dejjem magħquda, billi tgħixu umilment fl-imħabba u l-ferħ; il-Mulej, li joħloq l-armonija fid-differenzi, iħariskom hu.

 

Tgħinna l-interċessjoni tal-Verġni Immakulata u l-Qaddisin, b’mod partikulari ta’ Santa Tereża ta’ Calcutta, li l-frott tal-fidi u tal-qadi tagħha tistgħu tarawh fostkom. Nilqgħu xi kliem mill-isbaħ tagħha, li jiġbor fih il-messaġġ tal-lum: “Il-frott tal-fidi hu l-imħabba. Il-frott tal-imħabba hu l-qadi. Il-frott tal-qadi hu l-paċi” (Il-mixja sempliċi, Introduzzjoni).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard