Il-lejla t-tajba!

 

Grazzi, għażiż Ħija, grazzi lilek.

 

Issa se nitkellem għal kulħadd, se nħallat il-mistoqsijiet kollha ma’ xulxin.

 

Meta tkellimt int [jirriferi għas-saċerdot li ta x-xhieda tiegħu], fl-aħħar ġietni f’moħħi – u dan [Mons. Minassian] hu xhud ta’ li sa ngħid – ħaġa li seħħet fi tmiem il-Quddiesa f’Gyumri [fl-Armenja]. Spiċċat il-Quddiesa, u stedint biex jitilgħu fuq il-“popemobile” lill-Eċċellenza Tiegħu u anki lill-Isqof tal-Knisja Appostolika Armena tal-istess belt. Konna tliet isqfijiet: l-Isqof ta’ Ruma, l-Isqof Kattoliku ta’ Gyumri u l-Isqof Armen Appostoliku. It-tlieta li aħna: x’taħlita tajba ta’ frott! Dorna u mbagħad inżilna. U jien u sejjer ġol-karozza, waħda xwejħa, hemm, resqet biex tkellimni. Kemm kellha żmien? Tmenin? Ma kinitx xiħa ħafna… Donnu kellha iżjed, xi tmenin jew iżjed… Jien ħassejt f’qalbi x-xewqa li nersaq qrib tagħha u nsellmilha, għax kienet qiegħda wara l-ħadid. Kienet mara umli, umli ħafna. Sellmitli bi mħabba… Kellha sinna tad-deheb, kif kienet id-drawwa dari… U qaltli hekk: “Jien Armena, imma ngħix il-Ġorġja. U ġejt hawn mill-Ġorġja!”. Kienet ivvjaġġat għal tmien sigħat, jew sitt sigħat bil-karozza tal-linja, biex tiltaqa’ mal-Papa. Imbagħad, l-għada, meta konna sejrin insejt fejn – sagħtejn jew fuqhom – sibtha hemm ukoll! Għidtilha: “Imma, sinjura, int ġejt mill-Ġorġja… Tant sigħat ta’ vjaġġ. U mbagħad sagħtejn oħra, l-għada, biex tarani…” – “Eħ, iva! Imma dik hi l-fidi!”, qaltli. Int tkellimt fuq li nkunu sħaħ fil-fidi. Ix-xhieda li tat dik il-mara hi ta’ kif inkunu sħaħ fil-fidi. Kienet temmen li Ġesù Kristu, Bin Alla, ħalla lil Pietru fuq din l-art, u hi riedet tara lil Pietru.

 

Li nkunu sħaħ fil-fidi jfisser il-ħila li nirċievu l-fidi mingħand l-oħrajn, inżommuha u ngħadduha. Int u titkellem fuq kif inkunu sħaħ fil-fidi, int għidt: “Inżommu ħajja l-memorja tal-passat, l-istorja nazzjonali u jkollna l-kuraġġ noħolmu u nibnu futur imdawwal”. Sħaħ fil-fidi jfisser ma ninsewx dak li tgħallimna, anzi, inkabbruh u ngħadduh lil uliedna. Għalhekk fi Krakovja tajt bħala missjoni speċjali liż-żgħażagħ dik li jitkellmu man-nanniet. Huma n-nanniet li għaddewlna l-fidi. U intom li taħdmu maż-żgħażagħ għandkom tgħallmuhom jisimgħu lin-nanniet, jitkellmu man-nanniet, jirċievu l-ilma frisk tal-fidi, jelaborawha fil-preżent, ikabbruha – ma jaħbuhiex f’xi kexxun, le – nelaborawha, inkabbruha u ngħadduha lil uliedna.

 

Fit-Tieni Qari, l-Appostlu Pawlu, meta jkellem lid-dixxiplu l-magħżul tiegħu, Timotju, jgħidlu biex iżomm sħiħa l-fidi li kien irċieva mingħand ommu u n-nanna. Din hi t-triq li aħna rridu nimxu, u dan jgħinna nikbru ħafna. Nirċievu l-wirt, niżirgħuh biex jikber u ngħadduh. Xitla bla għeruq ma tikbirx. Fidi mingħajr l-għeruq tal-omm u tan-nanna ma tikbirx. Anki fidi li ngħatatli u li jien ma nagħtix lill-oħrajn, lill-iżjed ċkejkna, lil “uliedi”, tibqa’ ma tikbirx.

 

Mela, fi ftit kliem: biex nibqgħu sħaħ fil-fidi jeħtieġ li jkollna memorja tal-passat, kuraġġ fil-preżent u tama għall-ġejjieni. Dan dwar li nibqgħu sħaħ fil-fidi. U tinsewx lil dik il-mara Ġorġjana, li kienet kapaċi taqbad tal-linja – sitt jew seba’ sigħat – fl-Armenja, fil-belt ta’ Gyumri, fejn hu [Mons. Minassian] isqof, u l-għada tmur tara l-Papa għal darb’oħra f’Yerevan. Tinsewhiex dik ix-xbieha! Hi mara li toqgħod hawn: hi mara Armena, imma mill-Ġorġja! U n-nisa Ġorġjani għandhom il-fama, għandhom fama kbira li huma nisa ta’ fidi, b’saħħithom, li huma jmexxu ’l-Knisja ’l quddiem.

 

U int, Kote [is-seminarista], darba għidt lil ommok: “Nixtieq nagħmel bħal dak ir-raġel” [is-saċerdot li jiċċelebra l-Quddiesa]. U fl-aħħar tal-intervent tiegħek għidt: “Jien kburi li jien Kattoliku u li se nsir saċerdot Kattoliku Ġorġjan”. Din hi kollha mixja… Li m’għidtilniex hu x’qalet ommok… X’weġbitek ommok meta int għidtilha: “Nixtieq nagħmel kif jagħmel dak ir-raġel”? [Iwieġeb: “Kont għadni żgħir u ommi qaltli: Tajjeb, agħmel kif jagħmel hu!… Imma kont għadni żgħir…]. Għal darb’oħra l-omm, il-mara Ġorġjana b’saħħitha. Din il-mara “tilfet” iben, imma faħħret lil Alla. Imxiet miegħu fi triqtu. U l-omm ta’ Kote tilfet ukoll l-opportunità li ssir kunjata!… Dan hu l-bidu ta’ vokazzjoni; u hemm dejjem ħa ssib lill-omm, lin-nanna… Imma int inqdejt b’kelma li hi muftieħ: memorja. Nibqgħu nżommu f’qalbna l-memorja ta’ dik l-ewwel sejħa. Ngħożżu dak il-mument, kif int tgħożż dik it-tifkira: “Ma, jien nixtieq insir bħal dak ir-raġel”. Għax din mhix xi ħrafa li ġiet f’moħħok: kien l-Ispirtu s-Santu li messlek qalbek. U jekk int tħares din il-memorja, tkun tħares il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Dan qed ngħidu lill-qassisin u s-sorijiet kollha!

 

Ilkoll kemm aħna, f’ħajjitna, ikollna – jew għad ikollna – mumenti mudlama. Anki lilna l-ikkonsagrati jiġu fuqna mumenti iebsin. Meta jidher li l-ħaġa mhix sejra sew, meta niltaqgħu ma’ diffikultajiet biex ngħixu flimkien fil-komunitajiet, fid-djoċesi… F’dawn il-mumenti, dak li għandna nagħmlu hu li nieqfu, niftakru. Memorja tal-mument li fih l-Ispirtu s-Santu messli qalbi. Kif qal dan, mill-mument li fih lissen: “Ma, nixtieq insir bħal dak ir-raġel”: il-mument li fih imissna l-Ispirtu s-Santu. Il-perseveranza fil-vokazzjoni għandha għeruqha fil-memorja ta’ dik it-tmellisa li l-Mulej għamlilna u li biha qalilna: “Ejja, ejja warajja”. U dan hu l-parir li jiena nagħti lilkom ikkonsagrati: meta ssibu d-diffikultajiet, tħarsux lura. U jekk tridu tħarsu lura, ħa tkun il-memorja ta’ dak il-mument. L-uniku. U hekk il-fidi tibqa’ sħiħa, il-vokazzjoni tibqa’ soda… Bid-dgħufijiet tagħna, bid-dnubiet tagħna; ilkoll aħna midinba u lkoll għandna bżonn inqerru, imma l-ħniena u l-imħabba ta’ Ġesù huma ikbar mid-dnubiet tagħna.

 

U issa nixtieq nitkellem fuq żewġ ħwejjeġ li għidtu. Imma [qabelxejn] għidli: Ikun ħafna ksieħ fil-Kazakhstan, fix-xitwa? Iva?… Imma xorta taqtax qalbek!

 

U issa, Irina. Tkellimna mal-qassis, mar-reliġjużi, mal-ikkonsagrati tal-fidi sħiħa; imma kif inhi l-fidi fiż-żwieġ? Iż-żwieġ hu l-isbaħ ħaġa li ħalaq Alla. Il-Bibbja tgħidilna li Alla ħalaq ir-raġel u l-mara, ħalaqhom xbieha tiegħu (ara Ġen 1:27). Mela, ir-raġel u l-mara li jsiru ġisem wieħed huma xbieha ta’ Alla. Jiena fhimtek, Irina, meta spjegajt id-diffikultajiet li jinqalgħu ħafna drabi fiż-żwieġ: in-nuqqas ta’ ftehim, it-tentazzjonijiet… “Issa nsolvuha bid-divorzju, u hekk jien infittex ieħor, hu jfittex oħra, u nerġgħu nibdew mill-ġdid”. Irina, inti taf min iħallashom l-ispejjeż tad-divorzju? Żewġ persuni jħallsu. Min iħallas?

 

[Irina twieġeb: It-tnejn.]

 

It-tnejn? Iżjed! Iħallas Alla, għax meta tifred “ġisem wieħed”, tkun qed tħammeġ ix-xbieha ta’ Alla. U jħallsu t-tfal, l-ulied. Intom ma tafux, ħuti, ma tafux kemm jgħaddu minn tbatija t-tfal, l-ulied iż-żgħar, meta jaraw it-tilwim u l-firdiet tal-ġenituri! Jeħtieġ nagħmlu minn kollox biex insalvaw iż-żwieġ. Imma normali li jkun hemm il-ġlied bejn il-miżżewġin? Iva, normali. Jiġri. Xi drabi “jtiru l-platti”. Imma jekk hi mħabba vera, allura dritt jagħmlu paċi. Lill-miżżewġin nissuġġerilhom: tlewmu kemm tridu, iġġieldu sa xħin tridu, imma tagħlqux il-ġurnata bla ma terġgħu tagħmlu paċi. Tafu għaliex? Għax il-“gwerra l-bierda” tal-għada hi perikuluża ħafna. Kemm żwiġijiet isalvaw jekk ikollhom il-kuraġġ li, fl-aħħar tal-ġurnata, flok jagħmlu xi diskors, jagħtu żegħila lil xulxin, u l-paċi ssir! Imma veru, hemm sitwazzjonijiet iktar kumplessi minn hekk, meta x-xitan ideffes denbu u jqiegħed quddiem ir-raġel mara li f’għajnejh tidher isbaħ minn martu, jew meta jqiegħed quddiem mara raġel li jidhrilha iktar bravu minn żewġha. Itolbu dritt l-għajnuna. Meta tiġi dik it-tentazzjoni, itolbu dritt l-għajnuna.

 

Dan hu li int [Irina] kont qed tgħid, li ngħinu lill-koppji. U kif ngħinuhom lill-koppji? Ngħinuhom bl-akkoljenza, bil-qrubija, bit-tisħib, bid-dixxerniment u l-integrazzjoni fil-ġisem tal-Knisja. Nilqgħu, insieħbu, niddixxernu u nintegraw. Fil-komunità Kattolika rridu ngħinu biex insalvaw iż-żwiġijiet. Hemm tliet kelmiet: huma kelmiet tad-deheb fil-ħajja taż-żwieġ. Lil koppja jien nistaqsiha: “Tħobbu lil xulxin?” – “Iva”, jgħiduli. “U meta xi ħadd minnkom jagħmel xi ħaġa għall-ieħor, tafu tgħidu grazzi? U jekk xi ħadd minnkom jagħmel xi bawxata, tafu titolbu skuża? U jekk tridu twettqu xi pjan li għamiltu, [ngħidu aħna] tqattgħu ġurnata fil-kampanja, jew xi ħaġa oħra, tafu titolbu l-opinjoni ta’ xulxin?”. Tliet kelmiet: “X’jidhirlek? Nista’?”; “grazzi”; “skużani”. Jekk il-koppji bejniethom jużaw dawn il-kelmiet: “Skużani, żbaljajt”; “Nista’ nagħmel dan?”; jew “Grazzi ta’ dan il-platt tajjeb li sajjartli”; “Nista’?”, “grazzi”, “skużani”, jekk jużaw dawn it-tliet kelmiet, iż-żwieġ jimxi sew ’il quddiem. Din ftit tal-għajnuna.

 

Int, Irina, semmejt għadu kbir taż-żwieġ, fi żmienna: it-teorija tal-ġeneru. Illum għandna gwerra dinjija li trid teqred iż-żwieġ. Illum għandna kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li jeqirdu, imma mhux bl-armi jeqirdu, imma jeqirdu bl-ideat. Għalhekk, jeħtieġ inħarsu rwieħna mill-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. Jekk hemm xi problemi, ejjew nagħmlu paċi mill-aktar fis possibbli, qabel tagħlaq il-ġurnata, u ma ninsewx it-tliet kelmiet: “jekk jogħġbok”, “grazzi”, “aħfirli”.

 

U int, Kakha, tkellimt fuq Knisja miftuħa, li ma tingħalaqx fiha nfisha, li tkun Knisja għal kulħadd, Knisja omm – hekk tkun l-omm. Hemm żewġ nisa li Ġesù ried għalina lkoll: ommu u għarustu. U dawn jixtiebhu. L-omm hi omm Ġesù, u hu ħallihielna bħala omm tagħna. Il-Knisja hi l-għarusa ta’ Ġesù u anki hi omm tagħna. B’ommna l-Knisja u ommna Marija magħna nistgħu nibqgħu mexjin fiż-żgur. U hemm nerġgħu nsibu mill-ġdid il-mara. Donnu l-Mulej jippreferi jmexxi l-fidi ’l quddiem bin-nisa. Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla; il-Knisja, l-Għarusa Mqaddsa ta’ Alla – imqar jekk midinba fina, wliedha – hi n-nanna u l-omm li tawna l-fidi.

 

U hi Marija, hi l-Knisja, hi n-nanna, hi ommna li tħares il-fidi. L-irħieb tagħkom tal-qedem kienu jgħidu hekk – isimgħuha tajjeb: “Meta jkun hemm it-turbolenzi spiritwali, jeħtieġ infittxu l-kenn tagħna taħt il-mant tal-Omm Imqaddsa ta’ Alla”. U Marija hi l-mudell tal-Knisja, hi l-mudell tal-mara, iva, għax il-Knisja hi mara u Marija hi mara.

 

Issa ħaġa tal-aħħar… Min semmieha din? Propju Kote, mill-ġdid il-problema tal-ekumeniżmu. M’għandna qatt nillatikaw! Inħallu lit-teologi jistudjaw il-ħwejjeġ astratti tat-teoloġija. Imma x’għandi nagħmel jien ma’ ħabib, qarib, persuna Ortodossa? Inkun miftuħ, inkun ħabib. “Imma rrid nirsisti biex nikkonvertih?”. Hemm dnub kbir ħafna kontra l-ekumeniżmu: il-proselitiżmu. Qatt m’għandna nagħmlu proselitiżmu mal-Ortodossi! Huma ħutna, dixxipli ta’ Ġesù Kristu. Minħabba f’ċirkustanzi storiċi kumplessi ħafna wasalna sa hawn. Kemm huma u kemm aħna nemmnu fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, nemmnu fl-Omm Imqaddsa ta’ Alla. “Allura x’għandi nagħmel?”. Ma nikkundannax, le, ma nistax. Ħbiberija, nimxu flimkien, nitolbu għal xulxin. Nitolbu u nagħmlu opri ta’ karità flimkien, meta jkun possibbli. Dan hu l-ekumeniżmu. Imma qatt m’għandna nikkundannaw lil ħuna jew oħtna, jew ma nsellmulhiex għax hi Ortodossa.

 

Nixtieq nispiċċa mill-ġdid bil-povru Kote. “Santità”, għidtli int fl-aħħar, “jien kburi li jien Kattoliku u li ħa nsir saċerdot Kattoliku Ġorġjan”. Lilek u lilkom kollha, Kattoliċi Ġorġjani, nitlobkom, jekk jogħġobkom, li tħarsu ruħkom mill-mondanità. Ġesù kellimna bi kliem qawwi kontra l-mondanità; u fid-diskors tal-Aħħar Ċena talab lill-Missier: “Missier, ħarishom [lid-dixxipli] mill-mondanità. Ħarishom mid-dinja”. Ejjew ilkoll nitolbu flimkien din il-grazzja: li l-Mulej jeħlisna mill-mondanità; jagħmilna rġiel u nisa tal-Knisja; sħaħ fil-fidi li rċivejna min-nanna u mill-omm; sħaħ fil-fidi li hi fiż-żgur taħt il-ħarsien tal-mant tal-Omm Qaddisa ta’ Alla.

 

U hekk, kif aħna, mingħajr ma nitħarrku, nitolbu lill-Omm Qaddisa ta’ Alla, is-Sliema.

 

[Talba: Sliema]

 

U issa ħa nberikkom. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.

 

[Barka]

 

Itolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard