Nirringrazzja lill-Qdusija Tiegħek. Ħassejtni tassew imqanqal nisma’ l-“Ave Maria” li l-Qdusija Tiegħek stess ikkomponejt. Huwa biss minn qalb li hekk tħobb lill-Omm Imqaddsa ta’ Alla, qalb ta’ iben u anki ta’ tfajjel ċkejken, li tista’ toħroġ ħaġa hekk sabiħa.

 

Għalija hu ferħ kbir u grazzja partikulari li qed niltaqa’ mal-Qdusija u Beatitudni Tiegħek u mal-għeżież Metropoliti, Arċisqfijiet u Isqfijiet, membri tas-Sinodu Mqaddes. Insellem lis-Sur Prim Ministru u lilkom, illustri Rappreżentanti tad-dinja akkademika u tal-kultura.

 

Santità, int inawgurajt paġna ġdida fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja Ortodossa tal-Ġorġja u l-Knisja Kattolika, meta għamilt l-ewwel żjara storika ta’ Patrijarka Ġorġjan fil-Vatikan. F’dik l-okkażjoni qsamt mal-Isqof ta’ Ruma l-bewsa tal-paċi u l-wegħda li titolbu għal xulxin. Hekk setgħu jissaħħu r-rabtiet li jfissru ħafna, li hemm bejnietna sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu. Dawn żviluppaw u jinżammu f’rispett u kordjalità, kif juru wkoll il-laqgħa sabiħa li ngħatat hawn lill-mibgħutin u rappreżentanti tiegħi, il-ħidmiet ta’ studju u tiftix fl-Arkivji tal-Vatikan u l-Universitajiet Pontifiċji min-naħa tal-fidili Ortodossi Ġorġjani, il-preżenza tal-komunità tagħkom f’Ruma, ospitata fi knisja tad-djoċesi tiegħi, u l-kollaborazzjoni mal-komunità lokali tal-post, fuq kollox ta’ karattru kulturali. Bħala pellegrin u ħabib, ġejt f’din l-art imbierka, meta għall-Kattoliċi qed tilħaq il-qofol tagħha s-Sena Ġubilari tal-Ħniena. Anki l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien ġie hawn, l-ewwel wieħed fost is-Suċċessuri ta’ Pietru, fi żmien estremament importanti, fuq l-għatba tal-Ġublew tas-sena 2000: kien ġie biex isaħħaħ ir-“rabtiet profondi u b’saħħithom” mas-Sede ta’ Ruma (Diskors fiċ-ċerimonja ta’ merħba, Tbilisi, 8 ta’ Novembru 1999: Insegnamenti XXII, 2 [1999], 843) u biex ifakkar kemm kien meħtieġ, fuq l-għatba tat-tielet millennju, “is-sehem tal-Ġorġja, salib it-toroq mill-aktar antik ta’ kulturi u tradizzjonijiet, għat-tiswir […] ta’ ċiviltà tal-imħabba” (Diskors fil-Palazz Patrijarkali, Tbilisi, 8 ta’ Novembru 1999: Insegnamenti XXII, 2 [1999], 848).

 

Issa, il-Providenza divina qed tlaqqagħna mill-ġdid u, quddiem dinja għatxana għall-ħniena, għall-għaqda u għall-paċi, qed titlobna li dawk ir-rabtiet ta’ bejnietna jerġgħu jissaħħu, b’ħeġġa mġedda, li tagħha l-bewsa tal-paċi u t-tgħanniqa fraterna tagħna huma diġà sinjal elokwenti. Għalhekk il-Knisja Ortodossa tal-Ġorġja, b’għeruqha fil-predikazzjoni appostolika, b’mod partikulari fil-figura tal-Appostlu Indrì, u l-Knisja ta’ Ruma, imwaqqfa fuq il-martirju tal-Appostlu Pietru, għandhom il-grazzja li jġeddu llum, f’isem Kristu u għall-glorja tiegħu, il-ġmiel tal-fraternità appostolika. Pietru u Indrì fil-fatt kienu aħwa: Ġesù sejħilhom iħallu x-xbieki tagħhom u jsiru, flimkien, sajjieda tal-bnedmin (ara Mk 1:16-17). Għażiż Ħija, ejjew inħallu lill-Mulej Ġesù jerġa’ jħares lejna, inħalluh jiġbidna mill-ġdid bl-istedina tiegħu li nitilqu dak li qed iżommna milli flimkien inkunu ħabbara tat-tama tiegħu.

 

Hu jweżinna f’din l-imħabba li bidlet il-ħajja tal-Appostli. Hi mħabba li m’hemmx bħalha, li l-Mulej laħħam fih: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13); u li hu tana, biex aħna nħobbu lil xulxin kif ħabbna hu (ara Ġw 15:12). Dwar dan, il-poeta kbir ta’ din l-art donnu qed jindirizza lilna wkoll il-kliem ċelebri tiegħu: “Qrajt kif l-Appostli jħarbxu dwar l-imħabba, x’jgħidu, kif ifaħħruha? Agħrafha, dawwar ħsiebek fuq dan il-kliem: l-imħabba terfagħna” (S. Rustaveli, Il Cavaliere nella pelle di tigre, Tbilisi 1988, stanza 785). Tabilħaqq l-imħabba tal-Mulej terfagħna ’l fuq, għax tagħtina li nogħlew ’il fuq min-nuqqas ta’ ftehim li kien hemm fl-imgħoddi, mill-kalkoli tal-preżent u mill-biża’ għall-ġejjieni.

 

Il-poplu Ġorġjan matul is-sekli ta xhieda tal-kobor ta’ din l-imħabba. Fiha hu sab il-qawwa biex jerġa’ jieqaf fuq riġlejh wara tant tiġrib; fiha għola ’l fuq sal-quċċata ta’ ġmiel artistiku tassew tal-għaġeb. Fil-fatt, mingħajr l-imħabba, kif kiteb poeta ieħor kbir, “ix-xemx ma ssaltanx fil-kuruna tas-sema” u għall-bnedmin “la jkun hemm ġmiel, lanqas immortalità” (G. Tabidze, “Mingħajr l-imħabba”, f’Galaktion Tabidze, Tbilisi 1982, 25). Fl-imħabba jsib ir-raġuni tal-eżistenza tiegħu l-ġmiel immortali tal-wirt kulturali tagħkom, li jesprimi ruħu f’għadd ta’ xejriet, bħalma huma, ngħidu aħna, il-mużika, il-pittura, l-arkitettura u ż-żfin. Int, għażiż Ħija, tajt espressjoni denja ta’ dan, b’mod speċjali fin-nisġa ta’ innijiet sagri mill-isbaħ, xi wħud anki fl-ilsien Latin u partikularment għeżież għat-Tradizzjoni Kattolika. Dawn jagħnu t-teżor tagħkom ta’ fidi u kultura, don waħdieni għall-Kristjanità u għall-umanità, li jistħoqqlu jkun magħruf u apprezzat minn kulħadd.

 

L-istorja glorjuża tal-Vanġelu f’din l-art tafuha b’mod speċjali lil Santa Nino, li hi meqjusa importanti daqs l-Appostli: hi xerrdet il-fidi bis-sinjal partikulari tas-salib magħmul mill-għuda tad-dielja. Mhux salib imneżża’, għax ix-xbieha tad-dielja, barra li tirrappreżenta l-frotta li tispikka tant f’din l-art, hi wkoll simbolu tal-Mulej Ġesù. Hu, fil-fatt, hu “d-dielja vera”, u talab lill-Appostli tiegħu biex jibqgħu mlaqqmin fih, bħala friegħi, biex jistgħu jagħtu l-frott (ara Ġw 15:1-8). Biex illum il-Vanġelu jista’ jagħti l-frott, għażiż Ħija, hu mitlub minna li b’qawwa ikbar nibqgħu sħaħ fil-Mulej u magħquda bejnietna. Il-kotra ta’ Qaddisin li jgħodd dan il-pajjiż jagħmlulna l-qalb biex inqiegħdu l-Vanġelu qabel kollox u nevanġelizzaw bħal fl-imgħoddi, iktar mill-imgħoddi, ħielsa mir-rabtiet tal-preġudizzji u miftuħa għall-ġdid dejjiemi ta’ Alla. Id-diffikultajiet m’għandhomx iżżommuna, imma jkebbsuna biex insiru nafu aħjar lil xulxin, biex naqsmu ma’ xulxin l-għajn ħajja tal-fidi, u biex ninżlu iktar fil-fond tat-talb tagħna għal xulxin u naħdmu id f’id bi mħabba appostolika fix-xhieda komuni, għall-glorja ta’ Alla fis-Sema u għall-qadi tal-paċi fuq din l-art.

 

Il-poplu Ġorġjan iħobb jiċċelebra, jixrob bis-saħħa tal-frott tad-dielja, u hekk jawgura l-iktar valuri għeżież għalih. Flimkien mal-imħabba li tikber, rwol partikolari hu dak tal-ħbiberija. “Min ma jfittixx ħabib, hu għadu tiegħu nnifsu”, jerġa’ jfakkarna l-poeta (S. Rustaveli, Il Cavaliere nella pelle di tigre, stanza 847). Nixtieq inkun ħabib ġenwin ta’ din l-art u ta’ dan il-poplu għażiż, biex ma jinsa qatt il-ġid li jkun irċieva u li l-karattru ospitali tiegħu jiżżewweġ ma’ stil ta’ ħajja tassew mimli tama, imqar qalb id-diffikultajiet li qatt ma jonqsu. Anki din il-pożittività ssib l-għeruq tagħha fil-fidi, li twassal lill-Ġorġjani biex jitolbu, madwar il-mejda tagħhom, il-paċi għal kulħadd u jiftakru saħansitra fl-għedewwa.

 

Bil-paċi u bil-maħfra aħna msejħin negħlbu lill-għedewwa veri tagħna, li mhumiex tal-laħam u tad-demm, imma huma l-ispirti tal-ħażen barra u ġewwa fina (ara Efes 6:12). Din l-art imbierka hi mogħnija b’eroj ta’ valur għoli skont il-Vanġelu, li bħal San Ġorġ għarfu jegħlbu l-ħażen. Jiġuni f’moħħi tant irħieb u b’mod partikulari l-għadd ta’ martri, li ħajjithom ittrijonfat “bil-fidi u bis-sabar” (Ioane Sabanisze, Martirju ta’ Abo, III): għaddiet minn taħt il-madmad tat-tbatija u baqgħet sħiħa fil-Mulej u hekk tat il-frott tal-Għid, saqqiet l-art Ġorġjana bid-demm imxerred għall-imħabba. L-interċessjoni tagħna sserraħ lil tant Insara li anki llum fid-dinja qed ibatu persekuzzjonijiet u offiżi, u ssaħħaħ fina x-xewqa tajba li nkunu magħquda bħal aħwa bejnietna biex inxandru l-Vanġelu tal-paċi.

 

[Wara li jaqsmu d-doni]

 

Grazzi, Santità. Il-Mulej ibierek lill-Qdusija Tiegħek u lill-Knisja Ortodossa tal-Ġorġja. Grazzi, Santità. Ħa nibqgħu mexjin ’il quddiem f’din il-mixja tal-libertà.

 

[…]

 

Grazzi, Santità, tal-laqgħa u l-kelmiet tiegħek. Grazzi tat-tjieba li wrejt miegħi u anki ta’ dan l-impenn fratern li nitolbu għl xulxin wara li tajna l-bewsa tal-paċi. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard