Fost il-ħafna teżori ta’ dan il-pajjiż sabiħ hemm il-valur kbir tan-nisa. Huma – kitbet Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li llum qed nagħmlu t-tifkira tagħha – “iħobbu lil Alla f’għadd wisq ikbar mill-irġiel” (Kitbiet awtobijografiċi, Manuskritt A, 66). Hawn fil-Ġorġja hemm ħafna nanniet u ommijiet li qed jissoktaw iħarsu u jgħaddu l-fidi, miżrugħa f’din l-art ta’ Santa Nino, u jwasslu l-ilma frisk tal-faraġ ta’ Alla f’tant sitwazzjonijiet ta’ deżert u ġlied.

 

Dan jgħinna nifhmu l-ġmiel ta’ dak li jgħid il-Mulej illum fl-Ewwel Qari: “Bħalma omm tfarraġ lil binha, hekk jiena nfarraġ lilkom” (Is 66:13). Kif omm tieħu fuqha t-tagħbija u t-taħbit ta’ wliedha, hekk Alla jħobb jerfa’ fuqu d-dnubiet u t-tħassib kollu tagħna; hu, li jafna u jħobbna bla qies, jisma’ t-talb tagħna u jaf jixxottalna dmugħna. Kull darba li jħares lejna, qalbu titqanqal u tirtab, bi mħabba ġewwinija, għax, lil hemm mill-ħażen li nistgħu nagħmlu, aħna dejjem nibqgħu wliedu; jixtieq jeħodna f’dirgħajh, jipproteġina, jeħlisna mill-perikli u mill-ħażen. Inħallu jidwi fi qlubna dan il-kliem li llum qed ilissnilna: “Bħal omm, jiena nfarraġkom”.

 

Il-faraġ li għandna bżonn, qalb il-ġrajjiet imqallba tal-ħajja, hu proprju l-preżenza ta’ Alla fil-qalb tagħna. Għax il-preżenza tiegħu fina hi l-għajn tal-faraġ veru, li jibqa’, li jeħles mill-ħażen, iġib is-sliem u jkabbar il-ferħ. Għalhekk, jekk nixtiequ ngħixu bil-faraġ, irridu nagħmlu wisa’ lill-Mulej f’ħajjitna. U biex il-Mulej jgħammar bis-sħiħ fina, jeħtieġ niftħulu l-bieb u mhux naqfluh barra. Hemm bibien tal-faraġ li jeħtieġ inżommu dejjem miftuħa, għax Ġesù jħobb jidħol minnhom: il-Vanġelu moqri ta’ kuljum u li ssibu dejjem fuqna, it-talba siekta u f’adorazzjoni, il-Qrara, l-Ewkaristija. Minn dawn il-bibien il-Mulej jidħol u jagħti togħma ġdida lill-ħwejjeġ tagħna. Imma meta l-bieb tal-qalb jingħalaq, id-dawl tiegħu ma jasalx u nibqgħu fid-dlam. U mbagħad nidraw fil-pessimiżmu, fil-ħwejjeġ li jgħaddu, fir-realtajiet li ma jinbidlu qatt. U nispiċċaw ningħalqu fid-diqa, fil-kantini tal-weġgħat tagħna, waħidna fina nfusna. Imma jekk inberrħu l-bibien tal-faraġ, jgħaddi d-dawl tal-Mulej!

 

Imma Alla ma jfarraġniex biss f’qalbna; permezz tal-Profeta Isaija fil-fatt hu jżid: “F’Ġerusalemm titfarrġu” (66:13). F’Ġerusalemm, jiġifieri fil-belt ta’ Alla, fil-komunità: meta aħna magħqudin, meta hemm komunjoni bejnietna, hemm jaħdem il-faraġ ta’ Alla. Fil-Knisja nsibu l-faraġ, hi d-dar tal-faraġ: hawn Alla jixtieq ifarraġna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Jien, li qiegħed fil-Knisja, qed inwassal il-faraġ ta’ Alla? Naf nilqa’ lill-ieħor bħala l-mistieden u nfarraġ lil min nara għajjien u qalbu maqtugħa? Imqar meta jġarrab uġigħ u għeluq, in-Nisrani hu dejjem imsejjaħ iġib it-tama lil min tilef kull tama, jerġa’ jagħti l-ħajja li min qalbu maqtugħa, u jwassal id-dawl ta’ Ġesù, is-sħana tal-preżenza tiegħu, is-serħan tal-maħfra tiegħu. Kemm nies ibatu, jgħaddu minn provi u inġustizzji, jgħixu mtaqqlin! Hemm bżonn tad-dilka tal-qalb, ta’ dan il-faraġ tal-Mulej li ma jneħħix il-problemi, imma jagħti l-qawwa tal-imħabba, li taf terfa’ t-tbatija fis-sliem. Nilqgħu u nwasslu l-faraġ ta’ Alla: din il-missjoni tal-Knisja hi waħda urġenti. Għeżież ħuti, inħossuna msejħin għal dan: mhux biex neħlu ma’ dak li mhux sejjer sew madwarna jew nitnikktu għal xi nuqqas ta’ qbil li naraw għaddej bejnietna. Ma jagħmlilniex ġid li nidraw “mikroklima” ekkleżjali magħluqa; jagħmlilna tajjeb naqsmu ma’ xulxin orizzonti wesgħin, orizzonti miftuħa ta’ tama, ngħixu l-kuraġġ umli li niftħu l-bibien u noħorġu minna nfusna.

 

Imma hemm kundizzjoni bażika biex nistgħu nirċievu l-faraġ ta’ Alla, li llum il-Kelma ta’ Alla tfakkarhielna: irridu niċkienu bħat-tfal iż-żgħar (ara Mt 18:3-4), inkunu “bħal tarbija f’ħoġor ommha” (Salm 130:2). Biex nilqgħu l-imħabba ta’ Alla hi meħtieġa din iċ-ċkunija tal-qalb: fil-fatt, jekk niċċekknu biss nistgħu nħallu lil ommna terfagħna f’ħoġorha.

 

Min jiċċekken bħal tfajjel żgħir – jgħidilna Ġesù – “hu l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 18:4). Il-kobor veru tal-bniedem hu meta jkun kapaċi jiċċekken quddiem Alla. Għax lil Alla ma nsirux nafuh bi ħsibijiet għoljin u ħafna studju, imma biċ-ċokon ta’ qalb umli u fiduċjuża. Biex inkunu kbar quddiem l-Aktar Għoli m’hemmx bżonn naħżnu unuri u prestiġju, ġid u suċċessi ta’ din l-art, imma nitbattlu minna nfusna. It-tfajjel hu sewwasew dak li m’għandu xejn x’jagħti u għandu kollox x’jirċievi. Hu dgħajjef, jiddependi minn missieru u minn ommu. Min jiċċekken bħal tfajjel ċkejken jiftaqar minnu nnifsu, imma jistagħna b’Alla.

 

It-tfal, li ma jsibuhiex bi tqila biex jifhmu lil Alla, għandhom ħafna x’jgħallmuna: jgħidulna li hu jwettaq ħwejjeġ kbar ma’ min ma jiqaflux, ma’ min hu sempliċi u sinċier, ma’ min ma jimxix b’wiċċ b’ieħor. Dan jurihulna l-Vanġelu, fejn bi ħwejjeġ żgħar jitwettqu għeġubijiet kbar: bi ftit ħobżiet u żewġ ħutiet (ara Mt 14:15-20), b’żerriegħa tal-mustarda (ara Mk 4:30-32), b’ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut (ara Ġw 12:24), b’tazza waħda ilma mogħtija b’xejn (ara Mt 10:42), b’żewġ muniti ta’ armla fqajra (ara Lq 21:1-4), bl-umiltà ta’ Marija, il-qaddejja tal-Mulej (ara Lq 1:46-55).

 

Araw il-kobor tal-għaġeb ta’ Alla, ta’ Alla kollu sorpriżi u li jħobb is-sorpriżi: ejjew ma nitilfu qatt ix-xewqa u l-fiduċja fis-sorpriżi ta’ Alla! U jagħmlilna tajjeb niftakru li aħna dejjem u qabel kollox uliedu: mhux sidien tal-ħajja, imma wlied il-Missier; mhux adulti awtonomi u li m’għandhom bżonn ta’ ħadd, imma wlied dejjem fil-bżonn li jintrefgħu fl-idejn, li jirċievu mħabba u maħfra. Henjin il-komunitajiet Insara li jgħixu din is-sempliċità Evanġelika ġenwina! Foqra mill-mezzi, huma għanja b’Alla. Henjin ir-Ragħajja li ma jfittxux il-loġika tas-suċċess tad-dinja, imma jimxu wara l-liġi tal-imħabba: jilqgħu, jisimgħu, jaqdu. Hienja l-Knisja li ma tafdax lilha nfisha fil-kriterji tal-funzjonaliżmu u tal-effiċjenza organizzattiva u ma jinteressahiex minn kif tidher. Merħla ċkejkna maħbuba tal-Ġorġja, li tant int mogħtija għall-karità u għall-formazzjoni, ilqa’ l-inkuraġġiment tar-Ragħaj it-Tajjeb, intelaq f’idejh biex jerfgħek fuq spallejh u jfarrġek!

 

Nixtieq niġbor dawn il-ħsibijiet b’xi kelmiet ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li llum qed infakkru. Hi turina t-“triq iż-żgħira” tagħha lejn Alla, “l-abbandun tat-tfajjel ċkejken, li jieħdu n-ngħas u jorqod bla biża’ ta’ xejn ladarba jinsab f’dirgħajn missieru”, għax “Ġesù ma jitlobniex ġesti kbar, imma biss l-abbandun u r-rikonoxxenza” (Kitbiet awtobijografiċi, Manuskritt B, 1). Imma b’xorti ħażina – kitbet dakinhar imma hu minnu llum ukoll – Alla jsib “ftit li xejn qlub li jintelqu f’idejh bla riservi, li jifhmu l-ħlewwa kollha ta’ Mħabbtu bla tarf” (ibid.). Imma l-qaddisa żagħżugħa u Duttur tal-Knisja kienet esperta fix-“xjenza tal-Imħabba” (ibid.) u tgħallimna li “l-karità perfetta hi li nissaportu d-difetti tal-oħrajn, li ma nistagħġbux bid-dgħufijiet tagħhom, li nħossuna edifikati anki bl-iċken għemejjel ta’ virtù li narawhom jipprattikaw”; tfakkarna wkoll li “l-karità ma tistax tibqa’ magħluqa fil-qiegħ tal-qalb” (Manuskritt Ċ, 12). Ejjew illum nitolbu lkoll flimkien il-grazzja ta’ qalb sempliċi, li temmen u tgħix bil-qawwa ħelwa tal-imħabba; nitolbu li ngħixu b’fiduċja serena u sħiħa fil-ħniena ta’ Alla.

 


 

TISLIMA FI TMIEM IL-QUDDIESA

 

Irrodd ħajr lil Mons. Pasotto għall-kelmtejn ħelwin li għamilli f’isem il-Komunitajiet Latina, Armena u Siro-Kaldeja. Insellem lill-Patrijarka Sako u lill-Isqfijiet Kaldej, Mons. Minassian u dawk li ġew mill-Armenja, u lilkom kollha, għeżież fidili li ġejjin minn bosta reġjuni tal-Ġorġja. Nirringrazzja lis-Sur President, l-awtoritajiet, l-għeżież ħbieb tal-Knisja Appostolika Armena u tal-konfessjonijiet Insara li ġew hawn, u b’mod partikulari lill-fidili tal-Knisja Ortodossa Ġorġjana preżenti. Waqt li nitlobkom titolbu għalija, niżgurakom li se niftakar fikom u nġedded ir-radd ta’ ħajr tiegħi. Didi madloba! [Grazzi ħafna!]

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard