Santità, 

Sur Prim Ministru, Awtoritajiet distinti u Membri illustri tal-Korp Diplomatiku,

Għeżież Isqfijiet u Saċerdoti,

Għeżież ħuti,

 

Fil-qofol tal-pellegrinaġġ tiegħi fl-art tal-Ġorġja, ninsab grat lejn Alla li stajt nintasab fil-ġabra f’dan it-tempju mqaddes. Hawn nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi tal-laqgħa li tajtuni, tax-xhieda qawwija tal-fidi tagħkom, li għamlitli tant ġid; u ngħid ukoll grazzi minn qalbi lill-Ġorġjani tal-qalb tajba tagħhom. Santità, jiġini f’moħħi kliem is-Salm: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” (Salm 133:1-2). Għażiż Ħija, il-Mulej, li tana l-ferħ li niltaqgħu u naqsmu flimkien il-bewsa qaddisa, isawwab fuqna d-dilka tfuħ tal-għaqda bejnietna u jixħet barkiet kotrana fuq il-mixja tagħna u fuq il-mixja ta’ dan il-poplu maħbub.

 

Il-lingwa Ġorġjana hi għanja b’espressjonijiet li jfissru ħafna l-fraternità, il-ħbiberija u l-qrubija bejn il-persuni. Hemm waħda, nobbli u ġenwina, li turi d-disponibbiltà li wieħed jagħmel tajjeb għall-ieħor, ir-rieda li jidħol responsabbli għalih, li bl-istess ħajtu jgħidlu: “Nixtieq inkun f’postok”: shen genatsvale. Naqsmu ma’ xulxin fil-komunjoni tat-talb u fir-rabta tal-qlub il-ferħ u t-tbatija, inġorru t-tagħbijiet ta’ xulxin (ara Gal 6:2): ħa tkun l-imġiba fraterna Nisranija li timmarka t-triq tal-mixja tagħna flimkien.

 

Dan il-Katidral grandjuż, li jħares ħafna teżori tal-fidi u tal-istorja, jistedinna nagħmlu memorja tal-passat. Dan hu meħtieġ iżjed minn qatt qabel, għax “il-waqgħa tal-poplu tibda hemm, fejn tintemm il-memorja tal-imgħoddi” (I. ChavchavadzeIl-poplu u l-istorja, f’Iveria, 1888). L-istorja tal-Ġorġja hi bħal ktieb qadim li f’kull paġna tiegħu jirrakkonta dwar xhieda qaddisa u valuri Nsara, li ħmew il-qalb u l-kultura tal-pajjiż. Mhux b’inqas, dan il-ktieb prezzjuż jirrakkonta ġesti ta’ ftuħ, akkoljenza u integrazzjoni mill-akbar. Huma valuri għoljin bla qies u dejjem validi, għal din l-art u għar-reġjun kollu, teżori li jesprimu tajjeb l-identità Nisranija, li tinżamm hekk meta tibqa’ msejsa tajjeb fuq il-fidi u u fl-istess ħin tibqa’ dejjem miftuħa u disponibbli, qatt riġida jew magħluqa.

 

Il-messaġġ Nisrani – dan il-post imqaddes ifakkarhulna dan – kien tul is-sekli l-pilastru tal-identità Ġorġjana: ta stabbiltà qalb tant tħarbit, anki meta, b’xorti ħażina mhux darba u tnejn, ix-xorti tal-pajjiż kienet dik li ġie inġustament mitluq għalih waħdu. Imma l-Mulej qatt ma telaq lill-art maħbuba tal-Ġorġja, għax hu “ta’ kelmtu fil-wegħdiet tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel, iwieżen ’il kull min se jaqa’, iqajjem ’il kull min hu mitluq” (Salm 145:13-14).

 

Il-qrubija ħelwa u ħanina tal-Mulej hawn hi rrappreżentata, b’mod partikulari, mis-sinjal tat-tunika mqaddsa. Il-misteru tat-tunika “bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel” (Ġw 19:23), sa mill-bidu ġibed l-attenzjoni tal-Insara. Missier antik tal-Knisja, San Ċiprijanu ta’ Kartaġni, afferma li fit-tunika mhux maqsuma ta’ Ġesù tidher dik ir-“rabta ta’ armonija, li tgħaqqad u mhux tifred”, dik ir-“rabta li tiġi mill-għoli, li ġejja mis-Sema u mill-Missier, li bl-ebda mod ma setgħet tiġi mċarrta” (De catholicæ Ecclesiae unitate, 7: SCh 1 [2006], 193). It-tunika mqaddsa, misteru ta’ għaqda, issejħilna biex nitnikktu għall-qasmiet li nħolqu bejn l-Insara matul l-istorja: huma tiċrit veru u propju fil-ġisem tal-Mulej. Fl-istess waqt, imma, ir-“rabta li tiġi mill-għoli”, l-imħabba ta’ Kristu li ġabarna hawn u tana mhux biss il-libsa tiegħu, imma l-istess ġisem tiegħu, ma jħalluniex nirrassenjaw ruħna u jriduna noffru lilna nfusna fuq l-eżempju tiegħu (ara Rum 12:1): jistimulawna għall-karità sinċiera u għall-ftehim reċiproku, biex insewwu t-tiċrit, immexxija minn spirtu ċar ta’ fraternità Nisranija. Dan kollu bla dubju jitlob minna mixja kollha sabar, li jeħtieġ inrawmu b’fiduċja fl-oħrajn, u umiltà, mhux fil-biża’ u l-qtigħ ta’ qalb, imma fiċ-ċertezza hienja li t-tama Nisranija ddewwaqna minn issa. Hi tixprunana biex nemmnu li t-tilwim bejnietna jista’ jitfejjaq u x-xkiel jitneħħa, tistedinna ma nirrifjutaw qatt l-okkażjonijiet tal-laqgħa u d-djalogu, u biex inħarsu u ntejbu flimkien dak li diġà jeżisti. Qed jiġini f’moħħi, ngħidu aħna, id-djalogu li għaddej fil-Kummissjoni Mħallta Internazzjonali u okkażjonijiet oħra tajbin ta’ skambju.

 

San Ċiprijanu qalilna wkoll li t-tunika ta’ Kristu, “waħda, mhix maqsuma, minsuġa minn ħjata waħda, turi r-rabta li ma tinqasamx tal-poplu tagħna, tagħna li lbisna lil Kristu” (ibid., 195). Fil-fatt, jafferma l-Appostlu Pawlu, dawk li ġew mgħammdin fi Kristu libsu lil Kristu (ara Gal 3:27). Għalhekk, minkejja l-limiti tagħna u lil hemm minn kull distinzjoni storika u kulturali li ġiet wara, aħna msejħin insiru “lkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28) u mhux inqiegħdu fuq quddiem in-nuqqas ta’ qbil u l-firdiet bejn l-imgħammda, għax tassew li hemm wisq iżjed x’jgħaqqadna milli x’jifridna.

 

F’dan il-Katidral Patrijarkali ħafna minn ħutna jirċievu l-Magħmudija, li fl-ilsien Ġorġjan tesprimi tajjeb il-ħajja ġdida li jagħti Kristu, għax tfakkar f’dak id-dawl li jagħti sens lil kollox, għax jiġbed ’il barra mid-dalma. Fil-Ġorġjan, anki l-kelma “edukazzjoni” ġejja mill-istess għeruq u għalhekk hi minsuġa ħaġa waħda mal-Magħmudija. L-għana tal-lingwa hekk iwassalna naħsbu fil-ġmiel ta’ ħajja Nisranija li, imdawla sa mill-bidu, tibqa’ hekk jekk tibqa’ fid-dawl tat-tajjeb u tiċħad id-dlamijiet tal-ħażen; jekk, fil-ħarsien tal-fedeltà għall-għeruq tagħha, ma ċċedix għall-għeluq li jdallam il-ħajja, imma tibqa’ dejjem miftuħa biex tilqa’ u titgħallem, biex tiddawwal minn dak kollu li hu sabiħ u veru. Jalla l-għana kollu dawl ta’ dan il-poplu jkun magħruf u apprezzat; jalla, bl-għana komuni ta’ bejnietna, inkunu nistgħu naqsmu dejjem iżjed ma’ xulxin it-teżori li Alla jagħti lil kull wieħed u waħda, u ngħinu lil xulxin nikbru fit-tjieba!

 

Minn qalbi niżgurakom mit-talb tiegħi biex il-Mulej, li jġedded kollox (ara Apk 21:5), bl-interċessjoni tal-Aħwa Appostli San Pietru u Indrì, tal-Martri u tal-Qaddisin kollha, ikattar l-imħabba qalb dawk kollha li jemmnu fi Kristu u t-tiftixa mdawla ta’ dak kollu li jista’ jqarribna lejn xulxin, jirrikonċiljana u jgħaqqadna. Jalla l-fraternità u l-kollaborazzjoni jikbru fuq kull livell; jalla t-talb u l-imħabba jgħinuna dejjem nilqgħu iżjed ix-xewqa kollha ħrara tal-Mulej għal dawk kollha li jemmnu fih permezz tal-kelma tal-Appostli: li jkunu “ħaġa waħda” (ara Ġw 17:20-21).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard