X’barka li ninsabu hawn flimkien! Nixtieq nirringrazzja lill-President tal-Kunsill tal-Musulmani tal-Kawkasu, li bi pjaċir qed jospitana, u lill-Mexxejja reliġjużi lokali tal-Knisja Ortodossa Russa u tal-Komunitajiet Lhud. Din il-laqgħa tagħna fi ħbiberija fraterna f’dan il-post ta’ talb hi sinjal kbir, sinjal li juri l-armonija li r-reliġjonijiet jistgħu jsawru flimkien, ibda mir-relazzjonijiet personali u mir-rieda tajba ta’ min hu responsabbli. Prova ta’ dan hawnhekk huma, ngħidu aħna, l-għajnuna konkreta li l-President tal-Kunsill tal-Musulmani ggarantixxa f’iżjed minn okkażjoni waħda lill-komunità Kattolika, u l-pariri għorrief li, fi spirtu ta’ familja, jaqsam magħha; ta’ min ifakkar ukoll fir-rabta sabiħa li xxierek il-Kattoliċi mal-Komunità Ortodossa, fi fraternità konkreta u f’rispett ta’ kuljum li huma eżempju għal kulħadd, u l-ħbiberija kordjali mal-komunità Lhudija.

 

Minn dan l-ispirtu ta’ ftehim jibbenefika l-Ażerbajġan, li jispikka għall-akkoljenza u l-ospitalità tiegħu, doni li stajt nesperimenta f’dan il-jum memorabbli, li għalih jien tassew grat. Hawn tinsab xewqa biex tħarsu l-wirt kbir tar-reliġjonijiet u fl-istess ħin tfittxu ftuħ ikbar u aktar għammiel: anki l-Kattoliċiżmu, ngħidu aħna, isib post u armonija fost ir-reliġjonijiet l-oħra wisq ikbar fl-għadd, sinjal konkret li juri kif mhux it-tilwim bejnietna, imma l-kollaborazzjoni li tista’ tgħin biex nibnu soċjetajiet aħjar u iktar paċifiċi. Il-laqgħa tagħna flimkien hi wkoll f’kontinwità mal-għadd ta’ laqgħat li jsiru f’Baku biex jippromovu d-djalogu u l-multikulturalità. Meta niftħu l-bibien tagħna għall-akkoljenza u l-integrazzjoni, inkunu qed niftħu l-bibien tal-qlub ta’ ħafna u l-bibien tat-tama għal kulħadd. Nemmen li dan il-pajjiż, “bieb bejn il-Lvant u l-Punent” (Ġwanni Pawlu II, Diskors fiċ-Ċerimonja ta’ merħba, Baku, 22 ta’ Mejju 2002: Insegnamenti XXV, 1 [2002], 838), se jibqa’ jgħożż dejjem il-vokazzjoni tiegħu ta’ ftuħ u laqgħa, kundizzjonijiet indispensabbli biex nibnu pontijiet b’saħħithom u futur denn tal-bniedem.

 

Il-fraternità u l-qsim ma’ xulxin li tant nixtiequ jikbru ma jistgħux jiġu apprezzati minn min ħsiebu biex josserva l-firdiet, irewwaħ it-tensjonijiet u jara x’ħa jiggwadanja hu mill-ġlied u t-tilwim; imma huma mixtieqa u mistennija minn min irid il-ġid komuni, u fuq kollox mogħġuba minn Alla, Mogħdrija u Ħniena, li jrid lil ulied il-familja waħdanija tal-bnedmin magħquda iżjed bejniethom u dejjem fi djalogu. Poeta kbir, iben din l-art, kiteb hekk: “Jekk int uman, tħallat mal-bnedmin, għax il-bnedmin jgħadduha tajjeb ma’ xulxin” (Nizami Ganjavi, Il-ktieb ta’ Alessandru, I, Fuq l-istat tiegħu u l-mogħdija taż-żmien). Meta ninfetħu għall-oħrajn ma niftaqrux, imma nistagħnew, għax dan jgħinna nsiru iżjed bnedmin: nagħrfu li aħna parti attiva minn flimkien ikbar u ninterpretaw il-ħajja bħala don għall-oħrajn; naraw bħala mira mhux l-interessi tagħna, imma l-ġid tal-umanità; naġixxu bla idealiżmi u bla interventiżmi, bla ma nagħmlu interferenzi li jagħmlu ħsara jew azzjonijiet sfurzati, imma dejjem fir-rispett tad-dinamika storika, tal-kultura u tat-tradizzjonijiet reliġjużi.

 

Ir-reliġjonijiet għandhom dmir importanti: li jsieħbu lill-bnedmin fit-tiftix tagħhom tas-sens tal-ħajja, jgħinuhom jifhmu li l-ħiliet limitati tal-bniedem u l-ġid ta’ din id-dinja m’għandhom qatt isiru assoluti. Nizami kiteb ukoll: “Isserraħx b’saħħtek kollha fuq il-qawwa tiegħek, sakemm ma tkunx sibt għamara fis-sema! Frott id-dinja mhux etern, tqimx dak li jispiċċa fix-xejn!” (Leylā e Majnūn, Mewt Majnūn fuq qabret Leylā). Ir-reliġjonijiet huma msejħa jgħinuna nifhmu li ċ-ċentru tal-bniedem hu barra minnu, li aħna miġbuda lejn l-Għoli bla tmiem u lejn l-ieħor li hu proxxmu tagħna. ’L hemm hi msejħa timxi l-ħajja, lejn imħabba ogħla u flimkien iżjed konkreta: dan ma jistax ma jkunx fil-qofol ta’ kull xewqa awtentikament reliġjuża; għax – jgħid mill-ġdid il-poeta –, “l-imħabba hi dak li ma jinbidel qatt, l-imħabba hi dak li m’għandux tmiem” (ibid., Disperazzjoni ta’ Majnūn).

 

Għalhekk ir-reliġjon hi ħtieġa għall-bniedem, biex jirrealizza l-iskop tiegħu, boxxla biex turih id-direzzjoni lejn it-tajjeb u tbiegħdu mill-ħażen, li dejjem jissajja wara bieb qalbu (ara Ġen 4:7). F’dan is-sens ir-reliġjonijiet għandhom id-dmir li jedukaw: jgħinu lill-bniedem biex joħroġ l-aħjar minnu nnifsu. U aħna, bħal gwidi, għandna responsabbiltà kbira, biex noffru tweġibiet awtentiċi għat-tiftix tal-bniedem, illum spiss mifxul u mitluf qalb il-paradossi mserrpa ta’ żmienna. Fil-fatt, nistgħu naraw kif fi żmienna, minn naħa jonfoħ in-niħiliżmu ta’ min m’għadu jemmen f’xejn jekk mhux fl-interessi, il-vantaġġi u l-qligħ tiegħu, ta’ min jarmi l-ħajja għax dara jgħid: “Jekk ma jeżistix Alla, kollox hu permess” (ara F.M. Dostoevskij, L-aħwa Karamazov, XI, 4.8.9); min-naħa l-oħra, ħerġin dejjem iżjed ir-reazzjonijiet riġidi u fundamentalisti ta’ min, bil-vjolenza tal-kelma u tal-ġesti, irid jimponi atteġġjamenti estremi u radikalizzati, l-iktar imbiegħda minn Alla l-ħaj.

 

Bil-maqlub ta’ dan, ir-reliġjonijiet jgħinu fid-dixxerniment tat-tajjeb u biex jitqiegħed fil-prattika bl-opra, bit-talb u bil-ħidma interjuri, u b’dan huma msejħa jibnu l-kultura tal-laqgħa u tal-paċi, magħmula minn sabar, ftehim, passi umli u konkreti. Hekk inkunu naqduha lis-soċjetà umana. Hi, min-naħa tagħha, dejjem trid tirbaħ it-tentazzjoni li tinqeda bil-fattur reliġjuż: ir-reliġjonijiet qatt m’għandhom jiġu strumentalizzati u qatt ma jistgħu jħallu lil min jinqeda bihom biex jiġġustifika tilwim u ġlied.

 

Min-naħa l-oħra, tista’ tħalli frott tajjeb rabta b’saħħitha bejn soċjetà u reliġjonijiet, patt ta’ rispett li għandu jinbena u jitħares, u li rrid nissimbolizza bi xbieha għażiża għal dan il-pajjiż. Qed nirriferi għat-twieqi prezzjużi u artistiċi tal-ħġieġ li ilhom sekli sħaħ f’din l-art, magħmula biss minn injam u ħġieġ imlewwen (Shebeke). Fil-ħidma kollha sengħa li biha jsiru, hemm dettall uniku: la tintuża kolla u lanqas imsiemer, imma l-injam u l-ħġieġ jeħlu ġo xulxin wara ħidma twila u mirquma. Hekk l-injam iwieżen il-ħġieġ u mill-ħġieġ jgħaddi d-dawl. Bl-istess mod hu dmir ta’ kull soċjetà ċivili li twieżen ir-reliġjonijiet, li minnhom jista’ jgħaddi dak id-dawl indispensabbli għall-ħajja: għalhekk jeħtieġ niggarantixxu libertà effettiva u awtentika. Allura ma rridux nużaw “kolla” artifiċjali li ġġiegħel lill-bniedem jemmen bilfors, billi timponi fuqu kredu partikulari u ċċaħħdu mil-libertà tal-għażla; lanqas m’għandhom jidħlu fir-reliġjonijiet l-“imsiemer” esterni tal-interessi tad-dinja, tal-kilba għall-poter u għall-flus. Għax Alla ma jistax jiġi msejjaħ għall-interessi ta’ xi parti jew għal fini egoistiċi, ma jista’ jiġġustifika l-ebda xorta ta’ fundamentaliżmu, imperjaliżmu jew kolonjaliżmu. Għal darb’oħra, minn dan il-post hekk sinifikattiv, titla’ l-karba ħierġa mill-qalb: Qatt iżjed vjolenza f’isem Alla! Ħa jiġi meqjum l-Isem imqaddes tiegħu, imma mhux ipprofanat jew ikkumerċjalizzat mill-mibegħda u l-ġlied tal-bnedmin.

 

Minflok, ejjew inweġġħu l-ħniena divina u providenzjali magħna permezz tat-talb assidwu u d-djalogu konkret, “kundizzjoni meħtieġa biex jista’ jkollna l-paċi fid-dinja, u għalhekk hu dmir għall-Insara, kif hu għall-komunitajiet reliġjużi l-oħra” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 250). Talb u djalogu għandhom relazzjoni qawwija bejniethom: joħorġu mill-ftuħ tal-qalb u huma orjentati lejn il-ġid ta’ ħaddieħor, għalhekk jistagħnew u jissaħħu b’xulxin. Il-Knisja Kattolika, f’kontinwità mal-Konċilju Vatikan II, b’konvinzjoni “tħeġġeġ lil uliedha biex, waqt li jkunu xiehda tal-fidi u tal-ħajja Nisranija, jagħrfu, iħarsu u jġibu ’l quddiem dawk il-valuri spiritwali, morali u soċjo-kulturali li jinsabu fost il-membri tar-reliġjonijiet l-oħra u dan jagħmluh bil-prudenza u bl-imħabba, permezz tad-djalogu u tal-ħidma flimkien magħhom” (Dikjarazzoni Nostra ætate, 2). L-ebda “sinkretiżmu… li jiġbor kollox flimkien”, mhux “ftuħ diplomatiku, li jgħid iva għal kollox biex jevita l-problemi” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 251), imma niddjalogaw mal-oħrajn u nitolbu għal kulħadd: dawn huma l-mezzi tagħna biex nibdlu l-lanez fi mnieġel (ara Is 2:4), biex inħeġġu l-imħabba fejn hemm il-mibegħda u l-maħfra fejn hemm il-ħtija, biex ma negħjew qatt nitolbu u nimxu f’toroq ta’ paċi.

 

Paċi vera, imsejsa fuq ir-rispett lejn xulxin, fuq il-laqgħa u fuq il-qsim ma’ xulxin, fuq ir-rieda li mmorru lil hemm mill-preġudizzji u l-ħtijiet tal-imgħoddi, fuq iċ-ċaħda tal-wiċċ b’ieħor u l-interessi ta’ kull parti; paċi li ttul, animata mill-kuraġġ li negħlbu l-ħitan, li neqirdu l-faqar u l-inġustizzji, li nikkundannaw u nwaqqfu t-tixrid tal-armi u l-gwadanni inġusti minn fuq dahar ħaddieħor. Il-vuċi ta’ tant demm qed tgħajjat lil Alla mill-ħamrija tal-art, id-dar komuni tagħna (ara Ġen 4:10). Issa għandna quddiemna l-isfida li nagħtu tweġiba li ma nistgħux inħalluha iżjed għal darb’oħra, biex flimkien nibnu ġejjieni ta’ sliem: mhux żmien is-soluzzjonijiet vjolenti u drastiċi, imma s-siegħa urġenti li nibdew mixjiet kollha sabar ta’ rikonċiljazzjoni. Il-vera kwistjoni ta’ żmienna mhix kif immexxu ’l quddiem l-interessi tagħna – din mhix il-vera kwistjoni –, imma x’perspettiva ta’ ħajja nistgħu noffru lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin, kif inħallu dinja aħjar minn dik li rċivejna aħna. Alla, u l-istess storja, sa jitolbu minna jekk illum tħabatniex biżżejjed għall-paċi; diġà qed jitolbuhulna bi ħrara l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, li joħolmu ġejjieni differenti.

 

Fil-lejl tal-gwerer, li qed ngħixu bħalissa, ħa jkunu r-reliġjonijiet żerniq ta’ paċi, żerriegħa ta’ twelid ġdid qalb il-qerda tal-mewt, eku ta’ djalogu li jidwi bla heda, toroq ta’ laqgħa u ta’ rikonċiljazzjoni biex naslu saħansitra hemm fejn it-tentattivi ta’ medjazzjoni uffiċjali donnhom mhumiex iħallu effett. Speċjalment f’dan ir-reġjun maħbub tal-Kawkasu, li tant xtaqt inżur u fejn ġejt pellegrin tal-paċi, ħa jkunu r-reliġjonijiet għodda ħajja biex jingħelbu t-traġedji tal-passat u t-tensjonijiet tal-lum. L-għana bla qies ta’ dawn il-pajjiżi għandu jkun magħruf u l-valur tiegħu apprezzat: it-teżori antiki u dejjem ġodda ta’ għerf, kultura u reliġjożità tal-popli tal-Kawkasu huma riżorsa kbira għall-futur tar-reġjun u b’mod partikulari għall-kultura Ewropea, ġid prezzjuż li ma nistgħux ma nagħtux kasu. Grazzi.

 

* * *

 

Grazzi ħafna lilkom ilkoll. Grazzi ħafna tal-kumpanija… U nitlobkom, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard