Sur President,
Awtoritajiet Distinti,
Illustri Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

Irrodd ħajr lil Alla li jista’ kollox li tani l-opportunità li nżur din l-art imbierka, imken ta’ laqgħa u ta’ skambju vitali bejn  kulturi u ċiviltajiet, li fil-Kristjaneżmu, sa minn żmien il-predikazzjoni ta’ Santa Nino fil-bidu tar-raba’ seklu, sab l-identità profonda tiegħu u l-pedament żgur tal-valuri li jħaddan.  Kif kien afferma San Ġwanni Pawlu II meta ġie jżur il-Patrija tagħkom: «Il-Kristjaneżmu sar iż-żerriegħa li minnha warrdet il-kultura tal-Georgia (Diskors waqt iċ-ċerimonja ta’ merħba, 8 ta’ Novembru, 1999: Insegnamenti XXII, 2 (1999), 814), u dik iż-żerriegħa għadha qed tagħti l-frott tagħha.  Jien u niftakar bi gratitudni, il-laqgħa ta’ bejnietna fil-Vatikan, is-sena li għaddiet u r-relazzjonijeit tajbin mal-Georgia, nirringrazzjak minn qalbi, Sur President, għall-istedina tiegħek li lqajt minn qalbi, u għall-kliem kordjali ta’ merħba li int għidtli f’isem l-Awtoritajiet tal-Istat u l-poplu kollu tal-Georgia.

L-istorja twila sekli sħaħ tal-Patrija tagħkom turi ċar kif hi mħawwla b’għeruq fondi li jsibu espressjoni fil-kultura, fil-lingwa u t-tradizzjonijiet li lil dal-Pajjiż iqiegħduh bi dritt u b’mod għammiel u partikolari fil-benniena taċ-ċiviltà Ewropea; fl-istess waqt, kif turi l-qagħda ġjografika tiegħu, hu pont naturali bejn l-Ewropa u l-Asja, pont li jagħmel il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet bejn il-popli eħfef, li matul is-sekli kien ta’ fejda kemm għall-kummerċ kif ukoll għad-djalogu u l-konfront tal-ideat u l-esperjenzi bejn dinjiet differenti.  Kif jgħid, bi kburija l-Innu Nazjonali tagħkom: «L-ikona tiegħi hi l-Patrija, ........ naqsmu ma’ Alla muntanji u widien iħaddru».  Il-Patrija hi bħal ikona li tiddefinixxi l-identità, timmarka l-karatteristiċi u l-istorja, filwaqt li l-muntajni, li jintregħu ħielsa lejn is-sema, bogħod milli jkunu ħajt li ma tistax taqbżu, iżidu l-ġmiel tal-widien, jagħtuhom karattru u jgħaqqduhom bejniethom biex b’hekk, kull wieħed ikun differenti mill-oħrajn imma flimkien huma solidali mas-sema komuni li jiddominahom u jħarishom.

Sur President, għaddew 25 sena minn mindu l-Georgia kisbet l-indipendenza.  Tul dan il-perjodu hi sabet mill-ġdid il-libertà tagħha, bniet u saħħet l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha u fittxet toroq li jiggarantulha l-akbar żvilupp possibbli, inklussiv u awtentiku.  Dan ma sarx mingħajr sagrifiċċji, li l-poplu affrontahom bil-kuraġġ biex jikseb il-libertà tant mixtieqa.  Nawgura li l-mixja tal-paċi u tal-iżvilupp tkompli bl-impenn solidali ta’ kull min jifforma parti mis-soċjetà, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiltà, l-ekwità u r-rispett lejn il-legalità li jiffavorixxu t-tkabbir u jżidu l-opportunitajiet għal kulħadd.

Il-koeżistenza paċifika bejn il-popli kollha tal-Istati tar-reġjun hi l-prekundizzjoni indispensabbli biex dal-progress awtentiku u dejjiemi jseħħ.  Dan jitlob li jisseddqu s-sentimenti ta’ stima u kunsiderazzjoni reċiproċi, li ma jistgħux jinjoraw id-drittijiet sovrani ta’ kull Pajjiż fil-qafas tad-Dritt Internazzjonali.   Bl-għan li jinfetħu mogħdijiet li jwasslu għall-paċi dejjiema u kollaborazzjoni vera, hemm bżonn li wieħed jagħraf li l-prinċipji l-aktar importanti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati huma s-servizz konkret, ordnat u paċifiku lejn il-konvivenza bejn in-Nazzjonijiet.  Hemm wisq inħawi fid-dinja, infatti, fejn donnha tiddomina l-loġika li tagħmilha diffiċli li jinżammu d-differenzi leġittimi u l-kontroversji - li dejjem jistgħu jinqalgħu – fil-qafas ta’ konfront u djalogu ċivili li fih isaltnu d-djalogu, il-moderazzjoni u r-responsabbiiltà.  Dan hu metieġ ħafna fil-mument storiku ta’ issa, fejn ma jonqsux ukoll estremiżmi vjolenti li jimmanipulaw u jgħawwġu prinċipji ta’ natura ċivili u reliġjuża biex jinqdew bihom għall-pjanijiet imċajpra ta’ dominju u mewt.

Jeħtieġ li lkoll ikollna għal qalbna, qabel kollox, id-destin tal-essri uman fil-konkretezza tiegħu biex bil-paċenzja nagħmlu kull sforz ħalli nevitaw li d-differenzi jispiċċaw isiru vjolenza li ġġib rovina kbira lill-bniedem u lis-soċjetà.  Kull differenza ta’ natura etnika, lingwistika, politika u reliġjuża, bogħod milli jkunu użati bħala skuża biex id-differenzi jsiru kunflitti u l-kunflitti jsiru traġedji bla tarf, jistgħu u għandhom ikunu għal kulħadd għejun li minnhom jistgħanew reċiprokament ħalli jkunu ta’ vantaġġ għall-ġid komuni.  Dan jesiġi li kulħadd ikollu d-dritt li jżomm bis-sħiħ u jeżerċita l-ispeċifiċitajiet tiegħu, billi, qabel kollox, ikollu l-possibiltà li jgħix fil-paċi f’artu jew li jerġa’ lura lejha bil-libertà jekk, għal xi raġuni, kien imġiegħel jabbandunaha.  Nittama li min għandu responsabbiltajiet pubbliċi jkompli jżomm f’qalbu s-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni u jimpenja ruħu biex ifittex soluzjonijiet konkreti anki ‘l barra mill-kwistjonijiet politiċi li għadu ma ntlaħaqx ftehim dwarhom.  Hemm bżonn li wieħed jara fil-bogħod u jkollu l-kuraġġ jagħraf xinhu l-ġid awtentiku tal-popli u jaħdem bla heda għalih bid-determinazzjoni u l-prudenza, u huwa wkoll indispensabbli li wieħed iżomm quddiem għajnejh it-tbatija tal-persuni sabiex bil-konvinzjoni jkompli miexi fit-triq iebsa u tal-paċenzja li hija wkoll eċċitanti, interessanti u ta’ ħelsien, it-triq li tibni l-paċi.

Il-Knisja Kattolika – li ilha sekli sħaħ preżenti f’dal-Pajjiż u ddistingwiet ruħha partikolarment minħabba l-impenn tagħha fit-tmexxija ‘l quddiem tal-bniedem u fi-ħidma tal-karità – taqsam il-ferħat u t-tħassib mal-poplu ta’ Georgia u għandha l-għan li tkompli tagħti sehemha għall-ġid u l-paċi tan-Nazzjon billi tikkollabora attivament mal-Awtoritajiet u s-soċjetà ċivili.  Nawgura li hi tkompli tagħti l-kontribut ġenwin tagħha għat-tisħiħ tas-soċjetà ġorġjana, bis-saħħa tax-xhieda tat-tradizzjoni Nisranija li tgħaqqadna, bl-impenn tagħha favur min hu l-aktar fil-bżonn u permezz ta’ djalogu mġedded u msaħħaħ mal-Knisja Ortodossa antika tal-Georgia u mal-komunitajiet reliġjużi l-oħrajn tal-Pajjiż.

Alla jbierek il Georgia u jtiha l-paċi u l-prosperità!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber