Sur President,
Awtoritajiet Distinti,
Illustri Membri
tal-Korp Dilpomatiku,
Sinjuri,

Inħossni kuntent ħafna li qed inżur l-Ażerbajġan u rroddilkom ħajr għall-akkoljenza kordjali tagħkom f’dil-belt, kapitali tal-Pajjiż, li tħares lejn ix-xtut tal-Baħar Kaspju, belt li bidlet radikalment wiċċha, b’bini ġdid bħalma hu dak fejn qed issir din il-lqagħa.  Jien grat ħafna, Sur President, għall-kliem ġentili ta’ merħba li int indirizzajtli f’isem il-gvern u l-poplu tal-Ażerbajġan u talli tajtni l-possibiltà, minħabba l-kortesija tal-istedina tiegħek, biex irroddlok lura ż-żjara li inti għamilt is-sena li għaddiet fil-Vatikan, flimkien mal-ġentili mara tiegħek.

Jien ġejt f’dal-Pajjiż bl-ammiranzzjoni li għandi f’qalbi lejn il-kumplessità u l-għana tal-kultura tiegħu, frott tal-kontribut ta’ tant popli li tul is-sekli għexu f’dawn l-artijiet, li taw ħajja lin-nisġa ta’ esperejenzi, valuri u parikolaritajiet karatteristiċi tas-soċjetà tal-lum u li jittraduċu ruħhom fil-prospetità tal-Istat tal-Ażerbajġan modern.  Fit-28 ta’ Ottubru li ġej l-Ażerbajġan jiċċelebra l-25 anniversarju tal-indipendenza tiegħu u did-data toffri l-possibiltà li tingħata daqqa t’għajn lill-avenimenti kollha li ġraw matul dawn l-għexieren ta’ snin, il-progress miksub u l-problemi li għandu quddiemu l-Pajjiż.

Il-mixja s’issa turi biċ-ċar l-isforzi kbar li saru biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u biex jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku u ċivili tan-nazzjon.   Hi mixja li teħtieġ l-attenzjoni ma taqta xejn lejn kulħadd, speċjalment l-aktar dgħajfa, mixja li seħħet bis-saħħa ta’ soċjetà li tagħti għarfien lill-multikulturaliżmu u l-komplimentarjetà neċessarja bejn il-kulturi, b’mod li bejn l-elementi tal-komunità differenti ċivili u bejn dawk li huma ta’ twemmin reliġjuż differenti, jkun hemm relazzjoni ta’ kollaborazzjoni reċiproka u rispett.

Dan l-isforz komuni fil-bini tal-armonija bejn id-differenzi huwa ta’ tifsir partikolari f’dawn iż-żminijiet, għax juri li hu possibbli li wieħed jagħti xhieda tal-ideat tiegħu u dwar il-viżjoni tal-ħajja, mingħajr ma jirfes id-drittijiet ta’ min għandu ideat u viżjoni differenti minn tiegħu.  Kull affiljazzjoni etnika u ideoloġika, l-istess bħalma jiġri f’mixja reliġjuża awtentika, ma tistax ma tbarrix atteġġjamenti u kunċetti li jistrumentaliżżaw il-konvinzjonijiet personali, l-identità jew isem Alla biex tagħti leġittimità lill-abbuż u d-dominanza.

Nawgura bil-qawwa li l-Ażerbajġan ikompli miexi fit-triq tal-kollaborazzjoni bejn id-diversi kulturi u reliġjonijiet.  Jalla dejjem aktar l-armonija u l-koeżistenza paċifika jmantnu l-ħajja soċjali u ċivili tal-Pajjiż, fl-espressjonijiet moltepliċi tiegħu, biex ikun żgurat li kulħadd ikollu l-possibiltà li jagħti s-sehem tiegħu lejn il-ġid komuni.

B’ħasra, id-dinja għaddejja mid-dramm ta’ tant kunflitti li jitkebbsu mill-intolleranza isitigata minn ideoloġiji vjolenti u miċ-ċaħda fil-prattika tad-drittijiet tal-aktar dgħajfa.  Biex lil dawn id-devjazzjonijiet perikolużi nieqfulhom, hemm bżonn li tikber il-kultura tal-paċi li tistrieħ fuq id-dispożizzjoni bla heda għad-djalogu u tagħraf li mhemm ebda alternattiva raġjonevoli għat-tiftix paċenzjuż u assidwu li jinstabu soluzzjonijiet maqbula peremzz ta’ negpzjati leali u stabbli.

Daqskemm hu meħtieġ li fi ħdan in-Nazzjon hu dmir li titnissel l-armonija bejn it-taqsimiet differenti tiegħu, l-istess bejn l-Istati, hemm bżonn li bl-għaqal u l-kuraġġ jimxu fit-triq li twassal għall-veru progress u l-libertà tal-popli, billi jinfetħu mogħdijiet oriġinali li jressqu lejn ftehim dejjiemi u lejn il-paċi.  B’hekk, lill-popli niffrankawlhom tbatijiet iebsin ħafna u feriti jnixxu, li jkun diffiċli jitfejjqu.

Rigward dal-Pajjiż ukoll, nixtieq nesprimi minn qiegħ qalbi l-qrubija tiegħi lejn dawk li kellhom iħallu arthom u lejn dawk il-bosta persuni li qed ibatu minħabba kunflitti mdemmija.  Nittama li l-komunità internazzjonali tagħraf tagħti l-għajnuna indispensabbli tagħha bil-perseveranza.  Fl-istess waqt, bl-għan li jkun possibbli li tibda fażi ġdida, miftuħa għall-paċi stabbli fir-reġjun, nistieden lil kulħadd biex isir kull sforz possibbli ħalli tinstab soluzzjoni sodisfaċenti.  Għandi fiduċja li, bl-għajnuna t’Alla u bir-rieda tajba min-naħa ta’ kulħadd, il-Kawkasu jsir il-post fejn, bid-djalogu u n-negozjar, il-kontroversji u d-differenzi tinstab soluzzjoni għalihom u jkunu megħluba, sabiex dan ir-reġjun “bieb bejn il-Lvant u l-Punent”, bit-tixbiha sabiħa li kien uża San Ġwanni Pawlu II meta żar Pajjiżkom (cfr Diskors taċ-Ċerimonja ta’ Merħba,  22 ta’ Mejju, 2002: Insegnamenti XXV, 1 (2002), 838), isir ukoll bieb miftuħ għall-paċi u ta’ eżempju biex kulħadd ifittex li tinstab soluzzjoni għall-kunflitti antiki u ġodda.

Il-Knisja Kattolika, minkejja li fil-Pajjiż hi preżenza f’għadd żgħir ħafna, tifforma parti min-nisġa ċivili u soċjali tal-Ażerbajġan, tipparteċipa fil-ferħat u hi solidali meta jkun hemm bżonn jiffaċċja d-diffikultajiet.  L-għarfien ġuridiku, li sar possibbli wara l-approvazzjoni tal-ftehim Internazzjonali mas-Santa Sede fl-2011, offra wkoll qafas noramttiv aktar stabbli għall-ħajja tal-komunità Kattolika fl-Ażerbajġan.

Inħossni partikolarment kuntent għar-relazzjonijiet kordjali li għandha l-komunità Kattolika ma’ dik Musulmana, mal-Ortodossa u mal-Għebrajka u nittama li jitkattru s-sinjali ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni.  Dawn ir-relazzjoniet tajbin huma ta’ tifsir kbir għall-konvivenza paċifika u l-paċi fid-dinja u juru li bejn il-fidili tad-diversi twemmin hu possibbli li jkun hemm realzzjonijiet kordjali, rispett u koperazzjoni ta’ fejda għal kulħadd.

Ir-rabta mal-valuri reliġjużi ġenwini hi għal kollox inkompatibbli ma’ kull attentat vjolenti li jġiegħel lil ħaddieħor jemmen dak li tridu int, bl-iskuża tal-isem qaddis ta’ Alla.  Il-fidi f’Alla għandha tkun għajn ta’ ispirazzjoni, ta’ fehim reċiproku, rispett u għajnuna reċiproka biex tkun ta’ fejda għall-ġid komuni tas-soċjetà.

Alla jbierek lill-Ażerbajġan bl-armonija, il-paċi u l-prosperità.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber