Għeżież ħuti u ħbieb fil-Mulej,

 

Jiena u nitlob fuq dak li xtaqt ngħidilkom, ftakart b’emozzjoni partikulari fl-aħħar kelmiet li lissen il-Beatu Pawlu VI fl-għeluq tat-XXXII Kongregazzjoni Ġenerali tagħna: “Hekk, hekk, ħuti u wliedi. Nibqgħu mexjin, in Nomine Domini. Ejjew nimxu flimkien, ħielsa, ubbidjenti, imxierka fl-imħabba ta’ Kristu, għall-ikbar glorja ta’ Alla”.[1]

 

Anki San Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI qawwewlna qalbna biex “timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin (Efes 4:1)”[2] u biex “tissoktaw fil-mixja ta’ din il-missjoni, f’fedeltà sħiħa lejn il-kariżma tagħkom tal-bidu, fil-kuntest ekkleżjali u soċjali li jikkaratterizza l-bidu ta’ dan il-millennju. Kif qalulkom iktar minn darba l-Predeċessuri tiegħi, il-Knisja għandha bżonnkom, torbot fuqkom, u tkompli ddur fuqkom b’fiduċja, b’mod partikulari biex tilħaq dawk l-imkejjen fiżiċi u spiritwali fejn oħrajn ma jaslux jew isibuha bi tqila jaslu”.[3] 

 

Nimxu flimkien – ħielsa u ubbidjenti – nimxu flimkien lejn il-periferiji fejn oħrajn ma jaslux, “taħt il-ħarsa ta’ Ġesù u b’ħarsitna lejn ix-xefaq, li hu l-Glorja dejjem akbar ta’ Alla, li jissorprendina bla waqfien”.[4] Il-Ġiżwita hu msejjaħ “jaħseb – kif jafferma Sant’Injazju – u jgħix f’kull parti tad-dinja fejn huma l-aktar meħtieġa l-qadi lil Alla u l-għajnuna lill-erwieħ”. (Co 304). Il-fatt hu li “għall-Kumpanija, id-dinja kollha għandha tkun darha”, kien jgħid Nadal.[5]

 

Injazju kiteb lil Borgia dwar kritika li saret lill-Ġiżwiti msejħa “anġeliċi” (Ovjedu u Onfroy), għax kienu qed jgħidu li l-Kumpanija ma kinitx iffurmata sew u li kien hemm bżonn tiġi ffurmata iżjed fl-ispirtu: L-Ispirtu li jmexxiha – qal Injazju – “jinjora l-istat tal-ħwejjeġ tal-Kumpanija, li huma in fieri, barra dak li hu meħtieġ (u) sostanzjali”.[6] Jogħġobni ħafna dan il-mod kif Injazju jara l-affarijiet huma u jsiru, huma u jintgħamlu, barra dak li hu sostanzjali. Għax jeħles lill-Kumpanija mill-paraliżi kollha u minn tant xewqat.

 

Il-Formula tal-Istitut hi l-“meħtieġ u s-sostanzjali” li ta’ kuljum għandna nżommu quddiem għajnejna, wara li nkunu xħitna ħarsitna fuq Alla tagħna: “Il-mod ta’ kif jaħdem l-Istitut, li hu mixja lejH”. Hekk kien għall-ewwel kumpanji li raw li hekk għandu jkun “għal dawk li għad jiġu warajna f’din il-mixja”. B’dan il-mod, kemm il-faqar u kemm l-ubbidjenza jew il-fatt li m’aħniex obbligati għal ħwejjeġ partikulari bħat-talb fil-kor, la huma esiġenzi u lanqas privileġġi, imma għajnuniet biex il-Kumpanija tkompli miexja, biex inkunu disponibbli “biex niġru fit-triq ta’ Kristu Sidna” (Co 582) u nsibu, grazzi għall-vot tal-ubbidjenza lejn il-Papa, “direzzjoni iżjed żgura tal-Ispirtu s-Santu” (Formula tal-Istitut, 3). Fil-Formula hemm l-intuwizzjoni ta’ Injazju, u hi s-sustanza tagħha li tippermetti li l-Kostituzzjonijiet jisħqu fuq li nagħtu dejjem każ tal-“postijiet, iż-żminijiet u l-persuni” u li r-regoli kollha jkunu ta’ għajnuna – kemm jista’ jkun – għal ħwejjeġ konkreti.

 

Għal Injazju, il-mixja mhix tfittxija fil-vojt, imma tissarraf f’ħaġa ta’ kwalità: hi “qligħ” u progress, tfisser nimxu ’l quddiem, u nagħmlu xi ħaġa għall-ġid tal-oħrajn. Hekk jesprimuha ż-żewġ Formuli tal-Istitut approvati minn Pawlu III (1540) u minn Ġulju III (1550) meta fil-qalba tal-Kumpanija jqiegħdu l-fidi – id-difiża u t-tixrid tagħha – kif ukoll il-ħajja u t-tagħlim tal-persuni. Hawn Injazju u l-ewwel kumpanji jużaw il-kelma benefiċċju (ad profectum,[7] ara Fil 1:12,25), li hi dik li tagħti l-kriterju prattiku ta’ dixxerniment li hu propju tal-ispiritwalità tagħna.

 

Il-benefiċċju mhux individwalistiku, hu komuni. “L-għan ta’ din il-Kumpanija mhux biss dak li tfittex is-salvazzjoni u l-perfezzjoni tal-erwieħ tal-membri tagħha permezz tal-grazzja divina, imma li bl-istess grazzja tara kif tgħin b’mod qawwi fis-salvazzjoni u l-perfezzjoni tal-erwieħ tal-proxxmu” (Ez 1, 2). U jekk b’xi mod il-miżien fil-qalb ta’ Injazju kien ixaqleb lejn xi naħa, dan kien lejn l-għajnuna lill-proxxmu, tant hu hekk li kien jirrabja jekk jgħidulu li r-raġuni għaliex wieħed kien jingħaqad mal-Kumpanija kienet “biex b’hekk isalva ruħu. Injazju ma riedx persuni li, għalkemm tajbin għall-qligħ tagħhom infushom, ma kontx issibhom lesti biex jaqdu lill-proxxmu” (Aicardo I, punt 10, p. 41).

 

Il-benefiċċju hu f’kull ħaġa. Il-formula ta’ Injazju tesprimi tensjoni: “mhux biss… imma…”; u din l-iskema mentali li tiġbor flimkien tensjonijiet – is-salvazzjoni u l-perfezzjoni tal-pesuna mas-salvazzjoni u l-perfezzjoni tal-proxxmu – ibda mill-ogħla qasam tal-Grazzja, hi ħaġa tal-Kumpanija. L-armonizzazzjoni ta’ din it-tensjoni u ta’ kull tensjoni oħra (kontemplazzjoni u azzjoni, fidi u ġustizzja, kariżma u istituzzjoni, komunità u missjoni…) ma ssirx b’formulazzjonijiet asratti, imma tinkiseb matul iż-żmien permezz ta’ dak li Fabro sejjaħ “il-mod tagħna ta’ kif nipproċedu”.[8] Miexja u “tipproċedi” fit-triq tal-Mulej, il-Kumpanija tarmonizza flimkien it-tensjonijiet li bilfors fihom u jipproduċu d-differenzi tal-persuni li tiġbor fiha u l-missjonijiet li tirċievi.

 

Il-benefiċċju mhux xi ħaġa elitista. Fil-Formula, Injazju jkompli jfisser liema huma l-mezzi għal benefiċċju iktar universali, li huma sewwasew saċerdotali. Imma ninnutaw li l-opri tal-ħniena huma meqjusa b’mod ovvju. Il-Formula tgħid: “bla ma dan ikun ta’ xkiel” għall-ħniena! L-opri tal-ħniena – il-kura tal-morda fl-isptarijiet, il-karità mitluba u mqassma, it-tagħlim taż-żgħar, is-sabar fit-tiġrib… – kienu l-ambjent vitali li fih Injazju u l-ewwel kumpanji kienu jiċċaqilqu u jgħixu, il-ħobża ta’ kuljum tagħhom. Kienu attenti li l-bqija kollu ma jkunx ta’ xkiel!

 

Fl-aħħar, dan il-benefiċċju hu “dak li jagħmlilna l-aktar ġid”. Dan hu l-“magis”, il-plus li jwassal lil Injazju biex jibda proċessi, biex iseħibhom u jiżen l-effett tagħhom fuq il-ħajja tal-persuni, f’materja ta’ fidi, jew ta’ ġustizzja, jew ta’ ħniena u karità. Il-magis hu n-nar, il-ħeġġa tal-azzjoni, li triegħed lir-reqdin. Il-qaddisin tagħna dan dejjem laħħmuh fil-ħajja tagħhom. Dwar Sant’Albertu Hurtado kienu jgħidu li kien “vleġġa msinna li tinfed bil-qawwa fil-laħam rieqed tal-Knisja”. U dan kontra dik it-tentazzjoni li Pawlu VI kien isejħilha “spiritus vertiginis” u De Lubac, “mondanità spiritwali”. Tentazzjoni li mhix, qabelxejn, morali imma spiritwali u li tferrxilna moħħna mill-essenzjal: li hu li nkunu ta’ benefiċċju, li nħallu marka, effett fuq l-istorja, speċjalment fil-ħajja tal-iżjed ċkejknin.

 

“Il-Kumpanija hi ħeġġa”, afferma Nadal.[9] Biex inkebbsu mill-ġdid il-ħeġġa fil-missjoni tagħna li nagħmlu l-ġid lill-persuni fil-ħajja tagħhom u fid-duttrina, nixtieq nikkonkretizza dawn ir-riflessjonijiet fi tliet punti li, ladarba l-Kumpanija tinsab f’dawk l-imkejjen ta’ missjoni li fihom għandha tkun, jagħmlu ġid kbir lill-mod kif aħna nimxu. Għandhom x’jaqsmu mal-ferħ, mas-Salib u mal-Knisja, Ommna, u għandhom l-għan li mmiddu pass ’il quddiem, u jneħħu l-impedimenti li l-għadu ta’ natura umana jagħmlilna meta, fil-qadi ta’ Alla, nitilgħu tarġa wara l-oħra mit-tajjeb għall-aħjar.

 

1. Nitolbu bla heda għall-faraġ

Dejjem nistgħu mmiddu pass ieħor ’il quddiem f’li nitolbu b’insistenza li jingħatalna l-faraġ. Fiż-żewġ Eżortazzjonijiet Appostoliċi [Evangelii gaudium u Amoris lætitia] u fl-Enċiklika Laudato si’ ridt nisħaq fuq il-ferħ. Injazju, fl-Eżerċizzi, jgħin lil sħabu jikkontemplaw “id-dmir li nfarrġu”, bħala ħaġa speċifika ta’ Kristu Rxoxt (ES 224). Hu dmir propju tal-Kumpanija li tfarraġ lill-poplu fidil u tgħinu bid-dixxerniment biex l-għadu tan-natura umana ma jaħtaflux il-ferħ minn taħt idejh: il-ferħ tal-evanġelizzazzjoni, il-ferħ tal-familja, il-ferħ tal-Knisja, il-ferħ tal-ħolqien… Ma jisraqhulniex, la bil-qtigħ il-qalb quddiem il-kobor tal-ħażen tad-dinja u t-tilwim bejn dawk mogħtija biex jagħmlu t-tajjeb, lanqas jagħtina floku ferħ vojt li dejjem issibu għall-bejgħ f’kull ħanut.

 

Dan il-“qadi tal-ferħ u tal-faraġ spiritwali” għandu għeruqu fit-talb. Ifisser li nagħmlu l-qalb lil xulxin u lil kulħadd biex “lil Alla jitolbu bla heda jagħtih il-faraġ”. Injazju dan jifformulah b’mod negattiv fis-6 regola tal-ewwel ġimgħa, meta jafferma li “jiswielna ta’ ġid nibdlu b’qawwa lilna nfusna kontra l-istess deżolazzjoni” u insista fuq it-talb (ES 319). Jiswielna għax fid-deżolazzjoni nintebħu kemm ftit niswew mingħajr dik il-grazzja u dak il-faraġ (ara ES 324). Li nipprattikaw u ngħallmu din it-talba li nitkarrbu għall-faraġ hu l-akbar servizz li nistgħu nagħtu lill-ferħ. Jekk xi ħadd ma jqisx ruħu denn (ħaġa komuni ħafna fil-prattika), tal-inqas ħa jinsisti li jitlob dan il-faraġ għall-imħabba tal-messaġġ, ladarba l-ferħ hu l-bażi tal-messaġġ tal-Vanġelu, u jitolbu wkoll għall-imħabba tal-oħrajn, tal-familja tiegħu u tad-dinja. Aħbar tajba ma nistgħux inwassluha biċ-ċiera. Il-ferħ mhux “xi ħaġa iżjed” biex inżejnu bih, hu werrej ċar tal-grazzja: jurina li l-imħabba hi attiva, ħaddiema, preżenti. Għalhekk it-tiftix tagħha m’għandniex inħalltuh mat-tiftix ta’ xi “effett speċjali”, li l-epoka tagħna taf tipproduċi minħabba fl-esiġenzi tal-konsum, imma nfittxuh fil-werrej eżistenzjali tiegħu li hu l-“permanenza”: Injazju jiftaħ għajnejh u hu attent għad-dixxerniment tal-ispirti u hawn jiskopri dan il-valur differenti bejn ferħ li jibqa’ u ferħ li jgħaddi (Awtobijografija, 8). Iż-żmien ikun l-element li joffrilu l-muftieħ biex jagħraf l-azzjoni tal-Ispirtu.

 

Fl-Eżerċizzi, il-“progress” fil-ħajja spiritwali jsir fil-faraġ: ngħaddu mit-tajjeb għall-aħjar (ara ES 315) u anki “kull tkattir fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba, u f’kull ferħ ġewwieni” (ES 316). Dan is-servizz lill-ferħ kien dak li wassal lill-ewwel kumpanji biex jiddeċiedu li ma jxoljux imma jwaqqfu l-kumpanija li kienu joffru u jaqsmu b’mod spontanju ma’ xulxin u li l-karatteristika tagħha kienet il-ferħ li kienu jħossu meta jitolbu flimkien, joħorġu f’missjoni flimkien u jerġgħu lura flimkien, b’xebh mal-ħajja li kienu jgħixu l-Mulej u l-Appostli tiegħu. Dan il-ferħ tat-tħabbira espliċita tal-Vanġelu – bil-predikazzjoni tal-fidi u t-tħaddim tal-ġustizzja u tal-ħniena – hu dak li jwassal il-Kumpanija biex toħroġ lejn il-periferiji kollha. Il-Ġiżwita hu qaddej tal-ferħ tal-Vanġelu, kemm meta jaħdem “b’sengħa” fil-konverżazzjoni u l-għoti tal-eżerċizzi spiritwali lil persuna waħda, fejn jgħinha biex tiltaqa’ ma’ dak l-“imkien ġewwieni mnejn tiġi l-qawwa tal-Ispirtu li jmexxiha, jeħlisha u jġeddidha”,[10] kemm meta jaħdem b’mod strutturat fl-organizzazzjoni ta’ opri ta’ formazzjoni, ta’ ħniena, ta’ riflessjoni, fejn anki fuq livell istituzzjonali wieħed ibaxxi l-vuċi biex iħalli r-rieda tiegħu tintrebaħ mill-azzjoni tal-Ispirtu. Kien jgħid tajjeb M. De Certeau: l-Eżerċizzi huma “l-metodu appostoliku per eċċellenza”, għax jagħmlu possibbli “r-ritorn tal-qalb lejn il-prinċipju ta’ doċilità għall-Ispirtu, li jqanqal u jwassal lil min jagħmel l-eżerċizzi għal fedeltà personali lejn Alla”.[11]

 

2. Inħallu jqanqalna lill-Mulej fuq is-Salib

Dejjem nistgħu mmiddu pass ieħor biex inħallu lill-Mulej Imsallab iqanqalna, lilu personali u lilu preżenti f’tant ħutna li qed ibatu – il-parti l-kbira tal-bnedmin! Padre Arrupe kien jgħid li fejn hemm xi wġigħ, hemm il-Kumpanija.

 

Il-Ġublew tal-Ħniena hu ż-żmien it-tajjeb biex nirriflettu fuq il-qadi tal-ħniena. Qed insemmih fil-plural għax il-ħniena mhix kelma astratta imma stil ta’ ħajja, li qabel il-kliem tqiegħed il-ġesti konkreti li jmissu l-laħam tal-proxxmu tagħna u jiġu istituzzjonalizzati f’opri ta’ ħniena. Għalina li nagħmlu l-Eżerċizzi, din il-grazzja li biha Ġesù jamrilna li nsiru nixbhu lill-Missier (ara Lq 6:36) tibda b’dak il-kollokju ta’ ħniena li fih jiġi mtawwal il-kollokju mal-Mulej mislub minħabba fi ħtijieti. It-tieni eżerċizzju hu kollu kemm hu kollokju sħiħ ta’ sentimenti ta’ mistħija, konfużjoni, uġigħ u dmugħ ta’ gratitudni meta nagħraf min jien – għax niċċekken – u min hu Alla – għax nagħtih ġieħ –, hu “li żammni ħaj sa issa” (ES 61), min hu Ġesù, imdendel mas-salib għalija. Il-mod kif Injazju jgħix u jifformula l-esperjenza tiegħu tal-ħniena hu ta’ benefiċċju personali u appostoliku kbir u jitlob esperjenza mirquma u għolja ta’ dixxerniment. Hekk kien jgħidlu Missierna lil [San Franġisk] Borgia: “Ngħid għalija, qed nipperswadi ruħi li kemm qabel u kemm wara jien biss tfixkil; u għalhekk inħoss ferħ spiritwali ikbar fil-Mulej tagħna, għax ma nistax nattribwixxi lili nnifsi ħaġa waħda li tidher tajba”.[12] Injazju għalhekk jgħix biss bil-ħniena ta’ Alla mqar fl-iċken ħwejjeġ ta’ ħajtu u ta’ persuntu. U kien iħoss li iktar ma jagħmel tfixkil hu, ikbar kienet it-tjieba li biha kien jimxi miegħu l-Mulej: “Kienet hekk kbira l-ħniena ta’ Alla, hekk kotrana l-ħlewwa tal-grazzja tiegħu miegħu, li iktar ma hu xtaq jiġi kkastigat f’dan, iżjed twajjeb kien Alla u b’kotra ikbar kien isawwab fuqu t-teżori tal-ġenerożità bla tarf tiegħu. Għalhekk kien jgħid li hu kien jemmen li fid-dinja kollha daqsu ma kienx hemm bniedem ieħor li fih dawn iż-żewġ ħwejjeġ kienu hekk iħabbtuha ma’ xulxin; l-ewwel li tant kien jonqos lil Alla u l-oħra li minn idejh kien jirċievi kontinwament tant grazzji”.[13]

 

Injazju, huwa u jirrakkonta l-esperjenza tiegħu tal-ħniena billi jqabbel dawn l-għemejjel ma’ xulxin – iżjed ma kien iħossu ħati quddiem il-Mulej, iżjed il-Mulej kien jiddandan jagħtih il-grazzja tiegħu – iħalli toħroġ dik il-qawwa tal-ħniena li tagħti l-ħajja, li aħna ħafna drabi nxejnu b’formulazzjonijiet astratti u kundizzjonijiet legalistiċi. Il-Mulej, li jħares lejna bi ħniena u jagħżilna għalih, qed jibgħatna biex din il-ħniena nwassluha bil-qawwa kollha tagħha lill-iżjed foqra, lill-midinbin, lill-imwarrbin u lill-mislubin tad-dinja tal-lum li qed ibatu mill-inġustizzja u l-vjolenza. Huwa biss jekk induqu minn din il-qawwa li tfejjaq l-istess pjagi tagħna, bħala persuni u bħala ġisem [komunità], li negħlbu l-biża’ li nħallu tqanqalna l-immensità tat-tbatija ta’ ħutna u nibdew mexjin bis-sabar ma’ niesna, u hekk minnha nitgħallmu l-aħjar mod kif ngħinuha u naqduha (ara CG 32, d. 5, n. 50).

 

3. Nagħmlu l-ġid minn qalbna, inħossuna mal-Knisja

Dejjem nistgħu nagħmlu pass ’il quddiem fit-twettiq tal-ġid minn qalbna, billi nħossuna ħaġa waħda mal-Knisja, kif jgħid Sant’Injazju. Hu wkoll ħaġa tal-Kumpanija s-servizz tad-dixxerniment tal-mod kif nagħmlu l-affarijiet. Fabro dan fissru billi talab il-grazzja li “l-ġid kollu li nistgħu nagħmlu, naħsbu u norganizzaw, nagħmluh bi spirtu tajjeb u mhux b’dak ħażin”.[14] Din il-grazzja tad-dixxerniment li mhux biżżejjed naħsbu, nagħmlu jew norganizzaw it-tajjeb, imma jeħtieġ inwettquh fi spirtu tajjeb, hi dik li tniżżlilna għeruqna fil-Knisja, li fiha l-Ispirtu jaħdem u jqassam il-kotra ta’ kariżmi tiegħu għall-ġid komuni. Fabro qal li f’ħafna ħwejjeġ dawk li riedu jirriformaw il-Knisja kellhom raġun, imma Alla ma riedx jikkoreġiha bil-metodi tagħhom.

 

Hi ħaġa tal-Kumpanija li tagħmel kollox f’sintonija mal-Knisja. Li dan nagħmluh mingħajr ma nitilfu l-paċi u bil-ferħ, aħna u nqisu d-dnubiet li naraw kemm fina bħala persuni u kemm fl-istrutturi li ħloqna, jimplika li nġorru s-Salib, induqu l-faqar u l-umiljazzjonijiet, qasam li fih Injazju jagħmlilna l-qalb biex nagħżlu bejn li nissaportuhom bis-sabar jew nixtequhom.[15] Hemm fejn il-kontradizzjoni kienet l-iktar sfaċċata, Injazju kien jagħti l-eżempju billi jinġabar fih innifsu, qabel jitkellem jew jaġixxi, biex żgur dak li jagħmel jagħmlu minn qalbu. Ir-regoli li għandna nħossuna ħaġa waħda mal-Knisja ma naqrawhomx bħala istruzzjonijiet preċiżi fuq punti kontroversjali (xi wħud jafu jirriżultaw mhux mistennija), imma bħala eżempji fejn Injazju fi żmienu stedinna “naġixxu kontra” l-ispirtu anti-ekkleżjali, billi nieħdu għalkollox u b’mod deċiż in-naħa ta’ Ommna, il-Knisja, mhux biex niġġustifikaw pożizzjoni diskutibbli, imma biex niftħu spazju fejn l-Ispirtu jista’ jaħdem.

 

Is-servizz mill-qalb u tad-dixxerniment jagħmilna nies tal-Knisja – mhux klerikali, imma ekkleżjali – bnedmin mogħtija “għall-oħrajn”, mingħajr ebda ħaġa tagħna li tiżolana, imma billi nqiegħdu dak kollu li għandna f’komunjoni u għall-qadi tal-oħrajn.

 

La nimxu waħidna u lanqas komdi, nimxu b’“qalb li ma tfittixx li tkun komda, li ma tingħalaqx fiha nfisha, imma li tħabbat bir-ritmu ta’ mixja li nagħmlu flimkien mal-poplu kollu fidil ta’ Alla”.[16] Nimxu u nsiru kollox għal kulħadd billi nfittxu ngħinu lil xi ħadd.

 

Meta ninżgħu minna nfusna, il-Kumpanija jkollha u jista’ jkollha dejjem il-wiċċ, l-aċċent u l-istil ta’ ħajja tal-popli kollha, ta’ kull kultura, tindiehes ma’ kulħadd, fl-ispeċifiku tal-qalb ta’ kull poplu, biex ma’ kull wieħed u waħda tagħmel il-Knisja, tinkultura l-Vanġelu u tevanġelizza kull kultura.

 

Nitolbu lill-Madonna tat-Triq, fi djalogu ta’ wlied u bħal dak ta’ qaddej ma’ Sidtu, biex tidħol għalina quddiem “Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3), biex ixxerikna dejjem mill-ġdid flimkien ma’ Binha, ma’ Ġesù, li jieħu fuqu u jistedinna biex miegħu nieħdu fuqna s-salib tad-dinja. Nafdawlha f’idejha l-“mod ta’ kif nimxu”, biex ikun wieħed ekkleżjali, inkulturat, fqir, qaddej, ħieles minn kull ambizzjoni ta’ din id-dinja. Nitolbuha lil Ommna biex tmexxi u ssieħeb lil kull Ġiżwita flimkien ma’ dik il-parti tal-poplu fidil ta’ Alla li għandha ntbagħat, f’dawn it-toroq tal-faraġ, tal-ħniena u tad-dixxerniment.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Diskors lill-parteċipanti tat-32 Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, 3 ta’ Diċembru 1974.

[2] Omelija fiċ-ċelebrazzjoni inawgurali tat-33 Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, 2 ta’ Settembru 1983.

[3] Diskors lill-parteċipanti tal-35 Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, 21 ta’ Frar 2008.

[4] Franġisku, Omelija fil-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesù, Chiesa del Gesù, 3 ta’ Jannar 2014.

[5] MNadal V 364-365.

[6] Ittra 51, Lil Francisco de Borja, Lulju 1549, 17, n. 9. Ara M.A. Fiorito y A. Swinnen, La Fórmula del Instituto de la Compañía de Jesús (introducción y versión castellana), Stromata, Lulju-Diċembru 1977 – nº 3/4, 259-260.

[7] “Ad profectum animarum in vita et doctrina Christiana”, f’Monumenta Ignatiana, Constitutiones T. I (MHSI), Roma 1934, 26 y 376; ara Kostituzzjonijiet tal-Kumpanija ta’ Ġesù b’noti tal-CG 34 u Normi kumplimentari, Ruma, ADP, 1995, 32-33.

[8] Ara MF. 50, 69, 111, 114 etc.

[9] Ara MNad V, 310.

[10] Pierre Favre, Memorial, Paris, Desclée, 1959; ara “Introduction ta’ M. De Certau, p. 74.

[11] Ibid., 76.

[12] Injazju ta’ Loyola, Ittra 26 lil Francisco de Borja, tmiem l-1545.

[13] P. Ribadeneira, Vita di S. Ignazio di Loiola, Ruma, La Civiltà Cattolica, 1863, 336.

[14] Pierre Favre, Memorial, cit. nº 51.

[15] Ara Directorio Autógrafo, 23.

[16] Franġisku, Omelija fil-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesù, Chiesa del Gesù, 3 ta’ Jannar 2014.