Greg Burke:

Grazzi, intant. “Nimxu, nitolbu, naħdmu flimkien” [Tema tal-Vjaġġ]. Imxejna, tlabna, ħafna drabi, u issa jmissna naħdmu xi ftit – u anki nieklu, wara. Imma, jidher li meta nimxu flimkien, dan iħalli frott: illum, l-akkoljenza. Rajna li, wara tant vjaġġi ta’ djalogu, hemm rispett reċiproku u xi ħaġa iżjed: hemm ukoll il-ħbiberija. Imma għad hemm ħafna ħidma xi ssir u tant sfidi, u dan normalment jinteressana: l-isfidi.

 

Forsi int tixtieq tgħid xi ħaġa l-ewwel…

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi tal-ħidma tagħkom! Kien jum xi ftit peżanti, tal-inqas għalija. Imma nħossni kuntent. Kuntent għax id-diversi ħwejjeġ li għamilna, kemm it-talb fil-bidu, imbagħad id-djalogu waqt il-pranzu, li kien sabiħ ħafna, u mbagħad il-quddiesa, huma affarijiet li ferrħuni. Jegħjuk, imma huma ħwejjeġ tajbin. Grazzi ħafna. U issa, qiegħed hawn għad-dispożizzjoni tagħkom.

 

Greg Burke:

Tajjeb. Nibdew bl-Iżvizzeri: Arnaud Bédat, mir-rivista “L’Illustre”.

 

Arnaud Bédat:

Santo Padre, estuvo en Ginebra pero también en Suiza. ¿Qué imágenes, qué momentos importantes, fuertes, le han marcado durante esta jornada?

 

[Santità, ġejt Ġinevra imma anki l-Iżvizzera. X’immaġni, x’mumenti importanti, qawwija, laqtuk l-iżjed tul din il-ġurnata?]

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Naħseb – ngħid – hemm kelma komuni: laqgħa. Kien jum mimli laqgħat. Varjati. L-aħjar kelma għal din il-ġurnata hi laqgħa, u meta persuna tiltaqa’ ma’ oħra u tħoss il-pjaċir li tiltaqa’, dan dejjem imiss il-qalb. Kienu laqgħat pożittivi, anki sbieħ, ibda mid-djalogu mal-President [tal-Konfederazzjoni Żvizzera], fil-bidu, li kien mhux biss djalogu ta’ kortesija, normali, imma djalogu profond, fuq argumenti dinjija profondi u b’intelliġenza li laqtitni. Nibda minn dan. Imbagħad, il-laqgħa li intom ilkoll rajtu… U dik li intom ma rajtux hi l-laqgħa waqt l-ikel, li kienet profonda ħafna fil-mod kif intmessu tant argumenti. Forsi l-argument li fuqu waqafna l-iżjed fit-tul hu dak taż-żgħażagħ, għax anki l-Konfessjonijiet kollha huma mħassbin, fis-sens tajjeb, għaż-żgħażagħ. U l-pre-Sinodu li sar Ruma, mid-19 ta’ Marzu ’l quddiem, ġibed l-attenzjoni, għax kienu żgħażagħ mill-Konfessjonijiet kollha, anki anjostiċi, u mill-pajjiżi kollha. Immaġinaw ftit: 315-il żagħżugħ u żagħżugħa preżenti u ħmistax-il elf ikkollegati bl-internet li “daħlu u ħarġu”. Dan forsi qanqal interess speċjali. Imma l-kelma li forsi għalija tiġbor il-vjaġġ kollu hi li kien vjaġġ ta’ laqgħa. L-esperjenza tal-laqgħa. Mhux sempliċi ħaġa ta’ kortesija, l-ebda ħaġa purament formali, imma laqgħa umana. U dan, bejn Protestanti u Kattoliċi, ifisser li għidna kollox… Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Issa mill-grupp Ġermaniż għandna lil Roland Juchem, mill-aġenzija Kattolika Ġermaniża CIC.

 

Roland Juchem:

Grazzi, Santità. Int spiss titkellem fuq il-passi konkreti li rridu nagħmlu għall-ekumeniżmu. Illum, ngħidu aħna, erġajt semmejtha u għidt: “Naraw x’nistgħu nagħmlu konkretement, pjuttost milli naqtgħu qalbna għal dak li mhux possibbli”. Allura, l-Isqfijiet Ġermaniżi, dan l-aħħar, iddeċidew li jagħmlu pass [dwar l-hekk imsejħa “inter-Komunjoni”], u allura nistaqsu kif l-Arċisqof Ladaria [Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi] kiteb ittra li tidher xi ftit bħal waqfa ta’ emerġenza. Wara l-laqgħa tat-3 ta’ Mejju li għadda kien ġie affermat li l-Isqfijiet Ġermaniżi kellhom isibu soluzzjoni, possibbilment unanima. X’se jkunu l-passi li jmiss? Ħa jkun hemm bżonn intervent min-naħa tal-Vatikan, biex jiċċara, jew l-Isqfijiet Ġermaniżi jridu jilħqu ftehim?

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb. Din mhijiex xi ħaġa ġdida, għax fil-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku hu previst dak li tkellmu fuqu l-Isqfijiet Ġermaniżi: il-Komunjoni f’każi speċjali. U huma kienu qed iħarsu lejn il-problema taż-żwiġijiet imħallta: jekk humiex possibbli jew le. Imma, il-Kodiċi jgħid li l-Isqof tal-Knisja partikulari – din il-kelma importanti: partikulari, jekk hu ta’ djoċesi – għandu jieħu ħsieb din il-ħaġa: hi f’idejh. Dan imniżżel fil-Kodiċi. L-Isqfijiet Ġermaniżi, billi raw li l-ħaġa ma kinitx ċara, u anki li xi qassisin kienu qed jagħmlu affarijiet mhux fi qbil mal-Isqof, riedu jiflu din it-tema u għamlu dan l-istudju li – ma rridx nesaġera – kien studju ta’ iżjed minn sena, ma nafx eżatt kemm, imma iżjed minn sena, magħmul tajjeb, maħdum tajjeb. U l-istudju hu restrittiv: dawk li riedu l-Isqfijiet kien li jgħidu b’mod ċar dak li hemm fil-Kodiċi. U jien ukoll, li qrajtu, ngħid: dan hu dokument restrittiv. Ma kienx “ninfetħu għal kulħadd”. Le. Kienet ħaġa maħsuba tajjeb, bi spirtu ekkleżjali. U riedu jagħmluh għall-Knisja lokali: mhux dik partikulari. Ma ridux. Il-ħaġa waslet sa hemm, jiġifieri, qalu li hu għall-Konferenza Episkopali Ġermaniża. U hemmhekk il-problema, għax il-Kodiċi ma jipprevedihx dan. Jipprevedi l-kompetenza tal-isqof djoċesan, imma mhux tal-Konferenza Episkopali. Għaliex? Għax ħaġa approvata f’Konferenza Episkopali, dritt issir universali. U din kienet id-diffikultà tad-diskussjoni: mhux daqstant il-kontenut, imma dan. Bagħtu d-dokument; imbagħad kien hemm żewġ laqgħat jew tlieta ta’ djalogu u biex jiċċaraw; u l-Arċisqof Ladaria bagħat dik l-ittra, imma bil-permess tiegħi, din il-ħaġa m’għamilhiex waħdu. Għidtlu: “Iva, aħjar nagħmlu pass ’il quddiem u ngħidu li d-dokument għadu mhux matur – dan qalet l-ittra – u li ridna nistudjaw il-ħaġa iżjed fil-fond”. Imbagħad kien hemm laqgħa oħra, u fl-aħħar se jistudjaw il-ħaġa. Naħseb li dan ħa jkun dokument orjentattiv, għax kull wieħed mill-isqfijiet djoċesani jista’ jieħu ħsieb jagħmel dak li diġà jippermettilu d-Dritt Kanoniku. Ma kien hemm l-ebda waqfa, le. Konna qed naraw li l-ħaġa timxi fid-direzzjoni t-tajba. Meta żort il-Knisja Luterana ta’ Ruma, saritli mistoqsija bħal din u jien weġibt skont l-ispirtu tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, dak l-ispirtu li huma [l-isqfijiet] qed ifittxu issa. Forsi ma ngħatatx l-informazzjoni t-tajba fl-aħjar ħin, hemm xi ftit tal-konfużjoni, imma din hi l-ħaġa. Fil-Knisja partikulari, il-Kodiċi jippermettih dan; fil-Knisja lokali, ma jistax, għax imbagħad issir universali. Din hi.

 

Roland Juchem:

Il-Knisja lokali hi l-Konferenza?

 

Il-Papa Franġisku:

…hi l-Konferenza. Imma l-Konferenza tista’ tistudja u tagħti linji orjentattivi biex tgħin lill-isqfijiet jieħdu ħsieb il-każi partikulari. Grazzi.

 

Greg Burke:

Issa, mill-grupp Spanjol hawn Eva Fernández mill-Cope, ir-Radju Spanjol.

 

Eva Fernández:

Grazzi, Santità. Rajna li anki s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes tkellem fuq l-għajnuna lir-rifuġjati. Dan l-aħħar rajna l-inċident tal-bastiment “Aquarius” u każijiet oħra, kif ukoll is-separazzjoni tal-familji fl-Istati Uniti. Taħseb li xi gvernijiet qed jiddubbaw bid-drama tar-rifuġjati? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Tkellimt ħafna fuq ir-rifuġjati u l-kriterji qegħdin f’dak li għidt: “nilqgħu, inħarsu, nippromovu, nintegraw”. Huma kriterji għar-rifuġjati kollha. Imbagħad għidt li kull pajjiż għandu jagħmel dan bil-virtù tat-tmexxija li hi l-prudenza, għax pajjiż għandu jilqa’ l-għadd ta’ rifuġjati li jiflaħ u skont kemm jista’ jintegra: jintegra, jiġifieri jeduka, jagħtihom xogħol… Dan, ngħid jien, hu l-pjan trankwill, seren tar-rifuġjati. Hawn qed ngħixu mewġa ta’ rifuġjati li qed jaħarbu mill-gwerer u mill-ġuħ. Gwerra u ġuħ f’tant pajjiżi tal-Afrika, gwerer u persekuzzjonijiet fil-Lvant Nofsani. L-Italja u l-Greċja kienu ġenerużi ħafna biex jilqgħu. Għal-Lvant Nofsani – rigward is-Sirja – it-Turkija ħadet ħafna; il-Libanu, ħafna: il-Libanu għandu Sirjani daqskemm għandu Libaniżi; u mbagħad il-Ġordanja, u pajjiżi oħra. Anki Spanja laqgħet ħafna. Hemm il-problema tat-traffikar tal-immigranti. U hemm ukoll il-problema tal-każi fejn jirritornaw, għax iridu jirritornaw: hemm dan il-każ… Ma nafx eżatt x’inhuma t-termini tal-ftehim, imma jekk qegħdin fl-ibħra tal-Libja, iridu jirritornaw… U rajthom ir-ritratti tal-ħabsijiet tat-traffikanti. It-traffikanti dritt jifirdu n-nisa mill-irġiel: nisa u tfal imorru Alla biss jaf fejn… Hekk jagħmlu t-traffikanti. Naf ukoll b’każ fejn it-traffikanti resqu qrib ta’ vapur li kien tella’ xi immigranti mid-dgħajjes u qalulhom: “Agħtuna n-nisa u t-tfal u ħudu l-irġiel”. Hekk jagħmlu t-traffikanti. U l-ħabsijiet tat-traffikanti, għal dawk li rritornaw, huma terribbli, huma terribbli. Fil-lager tat-Tieni Gwerra Dinjija kont tarahom dawn l-affarijiet. Anki mutilazzjonijiet, torturi… U mbagħad jarmuhom fil-fosos komuni, l-irġiel. Għalhekk il-gvernijiet jaraw li ma jerġgħux lura u ma jaqgħux f’idejn dawn in-nies. Hemm tħassib dinji. Naf li l-gvernijiet jitkellmu fuq dan u jridu jsibu ftehim, u forsi wkoll jimmodifikaw il-Ftehim ta’ Dublin. Fi Spanja, intom kellkom il-każ ta’ dak il-vapur li wasal Valencia. Imma dan il-fenomenu kollu hu diżorni. Il-problema tal-gwerer diffiċli tissolva; il-problema tal-persekuzzjonijiet tal-Insara wkoll, fil-Lvant Nofsani u anki fin-Niġerja. Imma l-problema tal-ġuħ, tista’ tissolva. U tant gvernijiet Ewropej qed jaħsbu fi pjan ta’ urġenza biex jinvestu f’dawk il-pajjiżi, jinvestu b’intelliġenza, biex jipprovdu xogħol u edukazzjoni, dawn iż-żewġ affarijiet. Fil-pajjiżi li minnhom ġejjin dawn il-persuni. Għax – mingħajr ma noffendi lil ħadd, imma l-verità din hi – fl-inkonxju kollettiv hemm motto ikrah: “L-Afrika nisfruttawha” – Africa es para ser explotada. Dan qiegħed fl-inkonxju: “Eħ, dawk Afrikani!…”. Art tal-iskjavi. U dan irridu nibdluh b’dan il-pjan ta’ investimenti, ta’ edukazzjoni, ta’ żvilupp, għax il-poplu Afrikan għandu tant għana kulturali, ħafna. U għandhom intelliġenza kbira: it-tfal huma intelliġentissmi u jistgħu, bi ftit edukazzjoni tajba, jimxu ’l quddiem. Dan ikun il-pjan iktar fit-tul. Imma għal bħalissa jridu jiftiehmu l-gvernijiet biex jimxu ’l quddiem b’dan il-pjan ta’ emerġenza. Dan, hawn fl-Ewropa.

 

Imorru l-Amerika. Fl-Amerika, hemm problema migratorja kbira, fl-Amerika Latina, u hemm ukoll il-problema migratorja interna. F’pajjiżi hemm problema migratorja mit-tramuntana san-nofsinhar; in-nies tħalli l-kampanja għax m’hemmx xogħol u tmur fil-bliet il-kbar, u hemm dawn il-megalopoli, il-barrakkopoli, u dawn l-affarijiet kollha… Imma hemm ukoll migrazzjoni esterna lejn pajjiżi oħra li jipprovdu x-xogħol. Konkretement, lejn l-Istati Uniti. Jiena naqbel ma’ dak li jgħidu l-Isqfijiet ta’ dak il-pajjiż. Ninsab magħhom. Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. U issa l-grupp Ingliż: Deborah Castellano Lubov, mill-aġenzija Zenit.

 

Deborah Castellano Lubov:

Grazzi, Santità. Santità, fid-diskors tal-lum fil-Laqgħa ekumenika, int irreferejt għall-qawwa enormi tal-Vanġelu. Nafu li xi wħud mill-Knejjes tal-World Council of Churches huma l-hekk imsejħa “Knejjes tal-paċi”, li jemmnu li Nisrani ma jistax juża l-vjolenza. Niftakru li sentejn ilu, fil-Vatikan, kien hemm konferenza organizzata biex terġa’ tikkunsidra d-duttrina tal-“gwerra ġusta”. Allura, Santità, il-mistoqsija hi jekk int taħsibx li hu l-każ li l-Knisja Kattolika tingħaqad ma’ dawn l-hekk imsejħa “Knejjes tal-paċi” u twarrab għall-ġenb it-teorija tal-“gwerra ġusta”. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Ħa niċċara ħaġa: għaliex int qed tgħid li huma “Knejjes tal-paċi”?

 

Deborah Castellano Lubov:

Huma meqjusa “Knejjes tal-paċi” għax għandhom dan il-kunċett, li persuna li tinqeda bil-vjolenza ma tistax titqies Nisranija.

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi, fhimtek. Int poġġejt sebgħek fuq il-ferita… Illum, waqt l-ikel, kien hemm Pastor li qal li forsi l-ewwel dritt uman hu d-dritt għat-tama, u din għoġbitni, u tidħol xi ftit f’din it-tema. Tkellimna fuq il-kriżi tad-drittijiet umani llum. Nemmen li minn hawn irridu nibdew biex naslu għall-mistoqsija tiegħek. Il-kriżi tad-drittijiet umani tidher ċara. Nitkellmu xi ftit fuq id-drittijiet umani imma… mhemmx is-saħħa, l-entużjażmu, il-konvinzjoni, ma ngħidx ta’ sebgħin sena ilu, imma ta’ għoxrin sena ilu. U din hi ħaġa gravi, għax irridu naraw x’inhuma l-kawżi. Liema huma l-kawżi li mħabba fihom wasalna sa hawn? Li llum id-drittijiet umani huma relattivi. Anki d-dritt għall-paċi sar relattiv. Hi kriżi tad-drittijiet umani. Naħseb li rridu naħsbu fil-fond fuq dan.

 

Imbagħad, l-hekk imsejħa “Knejjes tal-paċi”. Nemmen li l-Knejjes kollha li għandhom dan l-ispirtu ta’ paċi għandhom jingħaqdu u jaħdmu flimkien, kif għidna fid-diskorsi tal-lum, kemm jien u kemm il-persuni l-oħra li tkellmu, u waqt l-ikel tkellimna fuq hekk. L-għaqda b’riżq il-paċi. Illum il-paċi hi esiġenza, għax hemm ir-riskju ta’ gwerra… Xi ħadd qal: din it-tielet gwerra dinjija, jekk issir, ma nafux b’liema armi ħa tinqeda, imma, jekk ikun hemm ir-raba’ waħda, issir bil-bsaten, għax l-umanità tkun meqruda. L-impenn għall-paċi hu ħaġa serja. Meta wieħed jaħseb fil-flus li jintefqu f’armamenti! Għalhekk, il-“Knejjes tal-paċi”: imma dan hu l-mandat ta’ Alla! Il-paċi, il-fratellanza, l-umanità magħquda… U l-kunflitti kollha, ma għandniex insolvuhom bħal Kajjin, imma nsolvuhom billi ninnegozjaw, bid-djalogu, bil-medjazzjoni. Ngħidu aħna, ninsabu fi kriżi ta’ medjazzjonijiet! Il-medjazzjoni, hemm figura ġuridika prezzjuża ħafna, illum hi fi kriżi. Kriżi ta’ tama, kriżi ta’ drittijiet umani, kriżi ta’ medjazzjonijiet, kriżi ta’ paċi. Imma mbagħad, jekk int qed tgħid li hemm “Knejjes tal-paċi”, jien nistaqsi: imma allura hemm “Knejjes tal-gwerra”? Din diffiċli nifhimha, diffiċli, imma żgur li hemm xi gruppi, jew jien ngħid kważi f’kull reliġjon, gruppi żgħar, nissimplifika xi ftit u ngħid “fundamentalisti”, li jfittxu l-gwerer. Anki aħna l-Kattoliċi għandna xi wieħed, li dejjem ifittex x’ħa jeqred. U dan hu importanti li nżommuh taħt għajnejna. Ma nafx weġibtekx…

 

Qed jgħiduli li hemm min qed jitlob l-ikel, ħalli jkollna ħin biżżejjed biex naslu bl-istonku mimli…

 

Kelma waħda biss irrid ngħid ċara u tonda: li llum kienet ġurnata ekumenika, proprju ekumenika. U waqt l-ikel għidna ħaġa sabiħa, li nħallilkom biex taħsbu u tirriflettu fuqha u tqisu sew dan: fil-moviment ekumeniku rridu nneħħu kelma mid-dizzjunarju: proselitiżmu. Ċara? Ma jistax ikun hemm ekumeniżmu bil-proselitiżmu, irridu nagħżlu: jew għandek spirtu ekumeniku, jew int “proselitista”.

 

Grazzi. Jien kieku nkompli npaċpaċ magħkom għax gost nieħu, imma…

 

U issa, ħa nsejħu lis-Sostitut [tas-Segreterija tal-Istat] għax dan hu l-aħħar vjaġġ li qed jagħmel magħna, għax issa se jibdel il-“kulur” [ħa jsir Kardinal]: imma mhux bil-mistħija! Jeħtieġ insellmulu u għandna l-kejk Sard biex niffesteġġjaw.

 

Mons. Becciu:

Grazzi! Sorpriża doppja, li sejjaħtli hawn u rringrazzjajtni quddiemkom. U mbagħad kejk Sard… tajjeb! Induquh bil-pjaċir kollu. Nirringrazzja tassew lill-Papa għal din l-okkażjoni, imma għal kollox, għal kollox, għax tani li nagħmel din l-esperjenza mill-isbaħ li nivvjaġġa tant miegħu. Għall-bidu kien beżżagħni, għax kien qalli: “Le, jien ftit se nagħmel vjaġġi”, tiftakar? U mbagħad, wara wieħed żied ieħor, u ieħor, u għidna: “Imnalla qal li kienu ħa jkunu ftit!”, u kienu ħafna. Esperjenza mill-isbaħ: tara lill-Papa bil-kuraġġ kollu jxerred il-Kelma ta’ Alla. Is-servizz tiegħi kien sempliċiment dan: li ngħinu f’dan. Grazzi lilkom kollha u lil min għenna. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

L-ikla t-tajba, u grazzi ħafna. U itolbu għalija, jekk jogħġobkom. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard