Eminenzi, Beatitudnijiet, Eċċellenzi, ħuti,

 

B’qalb mimlija rikonoxxenza u gratitudni nixtieq irrodd ħajr, flimkien magħkom, lill-Mulej li mexa magħna u dawwalna fil-jiem li għaddew, bid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu!

 

Nirringrazzja minn qalbi lis-Sinjur Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, l-E.T. Mons. Fabio Fabene, Sotto-segretarju, u magħhom nirringrazzja lir-Relatur il-Kardinal Péter Erdő, li ħadem tant anki fil-jiem ta’ viżtu familjari, u s-Segretarju Speċjali l-E.T. Mons. Bruno Forte, it-tliet Presidenti delegati, il-kittieba, il-konsulturi, it-tradutturi u l-anonimi, dawk kollha li ħadmu b’fedeltà vera minn wara l-kwinti u b’dedikazzjoni sħiħa għall-Knisja u bla waqfien: grazzi ħafna!

 

Bl-istess mod nirringrazzja lilkom ilkoll, għeżież Padri Sinodali, Delegati Fraterni, Awdituri, Awditriċi u Assessuri, tas-sehem attiv tagħkom li ħalla l-frott.  Se nżommkom fit-talb tiegħi, u nitlob lill-Mulej iħallaskom lura hu bil-kotra tad-doni tal-grazzja tiegħu!

 

Nista’ ngħid serenament – bi spirtu ta’ kolleġġjalità u ta’ sinodalità – li għexna tabilħaqq esperjenza ta’ “Sinodu”, mixja solidali, “mixja flimkien”.

 

U la kienet “mixja” – u bħal f’kull mixja kien hemm mumenti li fihom imxejna ngħaġġlu, donna kważi ridna nirbħu ż-żmien u nilħqu kemm jista’ jkun malajr id-destinazzjoni tagħna; kien hemm mumenti oħra ta’ għeja, qisna ridna ngħidu daqshekk; u mumenti oħra ta’ entużjażmu u ħeġġa.  Kien hemm mumenti ta’ faraġ qawwi aħna u nisimgħu x-xhieda ta’ rgħajja veri (ara Ġw 10 u Kan. 357, 386, 387) li b’għerf kbir iġorru f’qalbhom il-ferħ u d-dmugħ tal-fidili tagħhom; waqtiet ta’ faraġ u grazzja u ta’ kuraġġ aħna u nisimgħu x-xhieda tal-familji li ħadu sehem fis-Sinodu u qasmu magħna l-ġmiel u l-ferħ tal-ħajja taż-żwieġ tagħhom.  Mixja fejn l-iktar b’saħħtu ħassu fid-dmir jgħin lill-inqas b’saħħtu, fejn l-iżjed espert kien ta’ servizz għall-oħrajn, anki permezz tal-konfronti.  U ladarba kienet mixja mterrqa mill-bnedmin, mal-faraġ kien hemm ukoll mumenti oħra ta’ deżolazzjoni, ta’ tensjoni u ta’ tentazzjonijiet, li fosthom nistgħu nsemmu xi possibbiltajiet:

 

- L-ewwel: it-tentazzjoni tat-twebbis ostili, jiġifieri meta nfittxu li ningħalqu f’dak li hemm miktub (l-ittra) u ma nħallux lil Alla jissorprendina, lil dak Alla tas-sorpriżi (l-ispirtu); fil-liġi, fiċ-ċertezza ta’ dak li nafu u mhux ta’ dak li għad irridu nitgħallmu u nilħqu.  Sa minn żmien Ġesù, din hi t-tentazzjoni taż-żelanti, ta’ l-iskruplużi, tal-premurużi u ta’ l-hekk imsejħa – il-lum – “tradizzjonalisti” u anki ta’ l-intellettwalisti.

 

- It-tentazzjoni tal-boniżmu distruttiv, li f’isem ħniena li tinganna jinfaxxa l-feriti mingħajr qabel ma jikkurahom u jdewwihom; li jittratta s-sintomi flok il-kawżi u l-għeruq.  Hi t-tentazzjoni tal-“bonisti”, tal-beżżiegħa u ta’ l-hekk imsejħa “progressisti u liberalisti”.

 

- It-tentazzjoni li nibdlu l-ġebel f’ħobż biex niksru sawma twila, tqila u li ġġagħalna nbatu (ara Lq 4:1-4) u anki li nibdlu l-ħobż f’ġebel u nixħtuh lejn il-midinbin, id-dgħajfa u l-morda (ara Ġw 8:7), jiġifieri li nibdluh f’tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom(Lq 11:46).

 

- It-tentazzjoni li ninżlu mis-salib, biex nikkuntentaw lin-nies, u ma nibqgħux fuqu biex inwettqu r-rieda tal-Missier; li naqgħu għall-ispirtu tad-dinja flok insaffuh u ngħolluh għall-ispirtu ta’ Alla.

 

- It-tentazzjoni li nwarrbu għall-ġenb id-“depositum fidei”, u nqisu ruħna mhux ħarriesa imma propjetari u sidien tiegħu jew, min-naħa l-oħra, it-tentazzjoni li nwarrbu għall-ġenb ir-realtà u nużaw lingwa metikoluża u lingwaġġ raffinat biex ngħidu ħafna affarijiet u ma ngħidu xejn!  Kienu jsejħulhom “biżantiniżmi”, jidhirli, dawn il-ħwejjeġ…

 

Għeżież ħuti, it-tentazzjonijiet la għandhom ibeżżgħuna, la jifxluna u lanqas jaqtgħulna qalbna, għax l-ebda dixxiplu m’hu aqwa mill-imgħallem tiegħu; mela jekk Ġesù ġie mġarrab – u saħansitra msejjaħ Begħelżebul (ara Mt 12:24) – id-dixxipli tiegħu m’għandhomx għax jistennew xi trattament aħjar.

 

Personalment kont nitħasseb ħafna u nitnikket kieku ma kienx hemm dawn it-tentazzjonijiet u dawn id-diskussjonijiet imqanqla; dan il-moviment ta’ l-ispirti, kif kien isejjaħlu Sant’Injazju (EE, 6) kieku kulħadd kellu jaqbel ma’ xulxin jew ikun ta’ ftit kliem f’paċi falza u li tipprova żżommlok ħalqek magħluq.  Imma fil-verità stajt nara u nisma’ – b’ferħ u rikonoxxenza – diskorsi u interventi mimlija fidi, żelu pastorali u duttrinali, għerf, frankezza, kuraġġ u parresia.  U ħassejt li quddiem għajnejna kellna tassew il-ġid tal-Knisja, tal-familji u s-“suprema lex”, is-“salus animarum” (ara Kan. 1752).  U dan dejjem – dan għidnieh hawn, fl-Awla – mingħajr ma npoġġu fid-dubju l-veritajiet fundamentali tas-Sagrament taż-Żwieġ: l-indissolubbiltà, l-unità, il-fedeltà u l-prokreazzjoni, jew aħjar, il-ftuħ għall-ħajja (ara Kan. 1055, 1056 u Gaudium et spes, 48).

 

U din hi l-Knisja, l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej, l-Omm fertili u l-Għalliema attenta, li ma tiddejjaqx ixxammar il-kmiem biex issawwab iż-żejt u l-inbid fuq il-ġrieħi tal-bnedmin (ara Lq 10:25-37); li ma toqgħodx tħares lejn il-bnedmin minn ġo kastell tal-ħġieġ biex tiġġudika jew tikklassifika l-persuni.  Din hi l-Knisja Waħda, Qaddisa, Kattolika, Appostolika u magħmula minn midinbin, li jeħtieġu l-ħniena tiegħU.  Din hi l-Knisja, l-għarusa vera ta’ Kristu, li tfittex li tkun fidila għall-Għarus tagħha u għat-tagħlim tiegħu.  Hi l-Knisja li ma tibżax tiekol u tixrob mal-prostituti u l-pubblikani (ara Lq 15).  Il-Knisja li għandha l-bibien tagħha miftuħa beraħ biex tilqa’ lil dawk fil-bżonn, il-midinbin li nidmu u mhux biss il-ġusti jew dawk li jaħsbu li huma perfetti!  Il-Knisja li ma tistħix mill-aħwa li waqgħu u ma tagħmilx ta’ bir-ruħha li ma rathomx, anzi tħossha parti mill-istorja u kważi obbligata tgħinhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom u tagħmlilhom il-qalb biex jaqbdu mill-ġdid il-mixja u sseħibhom lejn il-laqgħa aħħarija, ma’ l-Għarus tagħha, f’Ġerusalemm tas-Sema.

 

Din hi l-Knisja, l-omm tagħna!  U meta l-Knisja, fl-għadd ta’ xejriet ta’ kariżmi tagħha, tesprimi ruħha f’komunjoni, ma tistax tiżbalja: dawn huma l-ġmiel u l-qawwa tas-sensus fidei, ta’ dak is-sens sopranaturali tal-fidi, li jingħata b’don mill-Ispirtu s-Santu biex, flimkien, nistgħu lkoll nidħlu fil-qalba tal-Vanġelu u nitgħallmu nimxu wara Ġesù fil-ħajja tagħna, u dan m’għandniex narawh bħala motiv ta’ konfużjoni u ta’ skumdità.

 

Bosta kummentaturi, jew nies li tħobb tparla, stħajlu li se jaraw Knisja tillatika, fejn parti teħodha kontra l-oħra, u tiddubita saħansitra mill-Ispirtu s-Santu, il-veru promutur u garanti ta’ l-għaqda u l-armonija fil-Knisja.  L-Ispirtu s-Santu li tul l-istorja dejjem mexxa d-dgħajsa, permezz tal-ministri tiegħu, anki meta l-mewġ kien ġej bil-kontra u mħarrek u l-ministri naqsu mill-fedeltà tagħhom u dinbu.

 

U, kif issugrajt ngħidilkom fil-bidu, kien meħtieġ li ngħixu dan kollu bi trankwillità, b’paċi ġewwiena, anki biex is-Sinodu jsir cum Petro u sub Petro, u l-preżenza tal-Papa hi garanzija għal kulħadd.

 

Nitkellmu issa xi ftit dwar il-Papa u r-relazzjoni tiegħu ma’ l-isqfijiet…  Mela, xogħol il-Papa hu dak li jagħmel tajjeb għall-għaqda fil-Knisja; u dak li jfakkar lir-rgħajja li l-ewwel dmir tagħhom hu li jitimgħu lill-merħla – jitimgħu l-merħla – li l-Mulej fdalhom f’idejhom u li jfittxu li jilqgħu – b’paternità u ħniena u mingħajr biżgħat foloz – in-nagħġiet il-mitlufa.  Hawnhekk żbaljajt.  Għidt jilqgħu: aħjar għidt, imorru jfittxuhom.

 

Xogħlu hu li jfakkar lil kulħadd li l-awtorità fil-Knisja hi servizz (ara Mk 9:33-35) kif fisser b’mod ċar il-Papa Benedittu XVI, bi kliem li ħa nikkwota testwalment: “Il-Knisja hi msejħa u tħabrek biex tħaddem din it-tip ta’ awtorità li hi qadi, u tħaddimha mhux f’isimha, imma f’isem Ġesù Kristu… fil-fatt, permezz tar-Rgħajja tal-Knisja, Kristu jirgħa l-merħla tiegħu: Hu li jmexxiha, iħarisha, jikkoreġiha, għax iħobbha tassew minn qalbu.  Imma l-Mulej Ġesù, Ragħaj suprem ta’ rwieħna, ried li l-Kulleġġ Appostoliku, il-lum l-Isqfijiet, f’komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru… jieħdu sehem f’din il-missjoni tiegħu li jieħdu ħsieb il-Poplu ta’ Alla, li jkunu edukaturi fil-fidi, jorjentaw, janimaw u jwieżnu l-komunità Nisranija, jew, kif jgħid il-Konċilju, jieħdu ħsieb, biex kull wieħed u waħda mill-fidili jgħix tajjeb is-sejħa tiegħu skond l-Evanġelju u jitwassal fl-Ispirtu s-Santu għall-imħabba mill-qalb u ħabrieka u għal dak il-ħelsien li bih ħelisna Kristu (Presbyterorum Ordinis, 6)…  Hu permezz tagħna – jissokta l-Papa Benedittu – li l-Mulej jilħaq l-erwieħ, jgħallimhom, iħarishom, imexxihom.  Santu Wistin, fil-Kummentarju tiegħu għall-Vanġelu ta’ San Ġwann, jgħid: “Ħa tkun mela ħidma ta’ mħabba li tirgħu l-merħla tal-Mulej” (123,5); din hi n-norma suprema tal-kondotta tal-ministri ta’ Alla, imħabba bla kundizzjonijiet, bħal dik tar-Ragħaj it-Tajjeb, mimlija ferħ, miftuħa għal kulħadd, attenta għal dawk fil-qrib u b’għożża speċjali għal dawk fil-bogħod (ara Santu Wistin, Diskors 340,1; Diskors 46,15), delikata ma’ l-iktar dgħajfa, iċ-ċkejknin, is-sempliċi, il-midinbin, biex turi l-imħabba bla qies ta’ Alla bi kliem ta’ tama li jagħmel il-qalb (ara Id., Ittra 95,1)” (Benedittu XVI, Udjenza Ġenerali, l-Erbgħa 26 ta’ Mejju 2010).

 

Mela, il-Knisja hi ta’ Kristu – hi l-Għarusa tiegħU – u l-isqfijiet kollha, f’komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru, għandhom id-dmir u l-obbligu li jħarsuha u jaqduha, mhux bħala sidien imma bħala qaddejja.  Il-Papa, f’dan il-kuntest, m’hux is-sid suprem imma pjuttost il-qaddej suprem – is-“servus servorum Dei”; il-garanti ta’ l-ubbidjenza u tat-twaħħid tal-Knisja mar-rieda ta’ Alla, mal-Vanġelu ta’ Kristu u mat-Tradizzjoni tal-Knisja, billi jwarrab għall-ġenb kull għażla personali, biex ikun – b’rieda ta’ Kristu stess – ir-“Ragħaj u Għalliem suprem tal-fidili kollha” (Kan. 749) u jgawdi wkoll “mis-setgħa ordinarja li hi suprema, sħiħa, immedjata u universali fil-Knisja” (ara Kan. 331-334).

 

Għeżież ħuti, issa għad għandna quddiemna sena biex nimmaturaw, b’dixxerniment spiritwali veru, l-ideat proposti u nsibu soluzzjonijiet konkreti għal tant diffikultajiet u l-għadd kbir ta’ sfidi li l-familji jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; biex nagħtu tweġibiet għal tant qtigħ il-qalb li jdawwar u joħnoq il-familji tagħna.

 

Sena biex naħdmu fuq ir-“Relatio synodi” li hi l-ġabra fidila u ċara ta’ dak kollu li ntqal u ġie diskuss f’din l-awla u fiċ-ċrieki ż-żgħar.  U jiġi ppreżentat lill-Konferenzi Episkopali bħala “Lineamenta”.

 

Il-Mulej iseħibna, imexxina hu f’din it-triq, għall-glorja ta’ ismU, bl-interċessjoni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija u ta’ San Ġużepp!  U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija!