Għeżież ħuti,

Insellmilkom minn qiegħ qalbi u nħossni kuntent li qed niltaqa’ magħkom, operaturi tal-karità ta’ Ġorġja, li permezz tal-ħidma ħabrieka tagħkom tesprimu b’mod elokwenti l-imħabba lejn il-proxxmu, karatteristika tad-dixxipli ta’ Kristu.  Irrodd ħajr lil Patri Zuareb għall-kliem li ndirizzali f’isimkom ilkoll.  Intom tirrappreżentaw il-bosta ċentri tal-karità tal-Pajjiż: Istituti Reliġjużi tal-irġiel u tan-nisa, il-Caritas, l-Assoċjazzjonijiet Ekkleżjali u organiżżazzjonijiet oħra, gruppi tal-volontarjat.  Nesprimi l-apprezzament tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom għall-impenn ġeneruż fis-servizz lejn min l-aktar hu fil-bżonn.

L-attivtà tagħkom hi mixja ta’ kollaborazzjoni fraterna bejn l-Insara ta’ dan il-Pajjiż u bejn il-fidili ta’ riti differenti.  Din il-laqgħa ta’ bejnietkom li titwettaq fid-dawl tal-karità evanġelika, hija xhieda ta’ komunjoni u tiffavorixxi l-mixja lejn l-unità.  Ninkoraġġikom biex tkomplu mexjin f’dit-triq esiġenti imma għammiela: il-persuni foqra u dgħajfa huma “l-laħam ta’ Kristu” li hu sejħa lill-Insara ta’ kull konfessjoni li jimbuttahom biex jaħdmu mingħajr interessi personali, imma mħeġġin biss mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Tislima speċjali lil-anzjani, lill-morda, lil min qed ibati u lill-assistiti tar-realtajiet karitattivi differenti.  Inħossni ferħan li nista’ nkun magħkom għal ftit u li nista’ nagħmlilkom kuraġġ:  Alla qatt ma jabbandunakom, dejjjem hu qribkom, lest biex jismgħakom u jtikom il-qawwa fil-waqtiet ta’ diffikultà.  Intom il-favoriti ta’ Ġesù, li ried jitwaħħad mal-persuni li jbatu billi Hu stess bata waqt il-passjoni.

L-inizjattivi tal-karità huma l-frott matur ta’ Knisja li taqdi, li toffri t-tama u timmanifesta l-ħniena t’Alla.  Għaldaqstant, għeżież ħuti, il-missjoni tagħkom hija kbira!  Komplu għejxu l-karità fil-Knisja u komplu uruha fis-soċjetà kollha bl-entużjażmu tal-imħabba li tiġi minn Alla.  Il-Verġni Marija, ikona tal-imħabba gratwita, tmexxikom u tipproteġikom.  Ħa ssostnikom ukoll il-barka tal-Mulej li jien minn qalbi nitlob fuqkom ilkoll.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber