Qabel it-talba lis-Sinjura tagħna della Guardia

Il-Papa Franġisku:

Nistedinkom titolbu lill-Madonna fis-skiet: kull wieħed u waħda għidulha dak li għandkom fi qlubkom.  Hija ommna, Omm Ġesù, l-Omm tagħna.  Fis-skiet, kulħadd jgħidilha dak li qed iħoss f’qalbu.

[Talba lill-‘Madonna della Guardia]

[Tislima mill-Kardinal Bagnasco]

Chiara Parodi

Santità, kemm hu sabiħ li qiegħed hawn!  Fl-Eżortazzjoni Apposotlika tiegħek Evangelii Gausium, int stedint lill-Knisja kollha biex toħroġ.  Fuq suġġeriment tal-Kardinal tagħna, aħna bdejna l-missjoni “Ferħ sħiħ”, biex mill-ġdid nagħmlu tagħna kliem Ġesù skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann: “ Għidtilkom dawn il-ħwejjeġ biex il-ferħ tiegħi ikun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (15,11).  Nitolbuk tbierek lilna, liż-żgħażagħ li ltqajna magħhom  u għad irridu niltaqgħu magħhom u tina wkoll parir dwar kif nistgħu nkunu missjunarji ma’ persuni tal-età tagħna li qed jgħejxu f’sitwazzjonijiet diffiċli ta’ uġigħ u li huma vittmi tad-droga, tal-vjolenza u tal-ingann tal-Malinn. Grazzi!  Inħobbuk.

Luca Cianelli

Santo Padre, int ridt li s-Sinodu tal-Isqfijiet tas-sena li ġejja jkun dedikat liż-żgħażagħ.  Infatti t-tema se tkun “Żgħażagħ, Fidi u dixxerniment vokazzjonali”.

Aħna nifhmu li lil Alla niltaqgħu miegħu fil-ħajja ta’ kuljum, fil-kwotitdjanità, l-iskola, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb, fil-ħajja tat-talb u fis-skiet tat-talb.  U għalhekk nitolbuk xi parir biex ngħejxu l-ħajja spiritwali u ta’ talb tagħna.  Grazzi!

Emanuele Santolini

Ciao, Papa Francesco.  Ħajjietna llum huma ritmu mgħaġġel ħafna u dan ifisser li hu aktar diffiċli tiltaqa, tisma’ u fuq kollox, li tibni reazzjonijiet veri, li fihom ikun hemm skambju awtentiku.  B’hekk, forsi, ħafna minna ż-żgħażagħ la għandhom żmien u lanqas l-okkażjoni biex jibnu dak il-proġett kbir ta’ mħabba li huwa ż-żwieġ. Tista’ ttina xi parir dwar kif jista’ jirnexxilna ngħejxu l-milja ta’ ħajjitna u dwar kif nistgħu nagħmlu dan billi nibnu relazzjonijiet veri, sħaħ, sinċieri?  Grazzi.

Francesca Marrollo

Santo Padre, ta’ kuljum il-medja tisqina realtà ta’ vjolenza u gwerra, rakkonti qrib u mbiegħda ta’ tbatijiet kbar.  Ħafna persuni tamparna, migranti ġejjin minn pajjiżi mbiegħda, mdemmija mill-egoiżmi, illum qed jgħejxu fl-ibliet tagħna f’kundizzjonijiet iebsin ħafna.  Aħna konvinti illi, permezz ta’ dawn ħutna, Alla qiegħed ikellimna.  X’tgħidilna?  Liema ġesti, anki flimkien mal-komunità Nisranija adulta, nistgħu nagħmlu biex inwieġbu għal dawn l-isfidi li l-istorja, mgħammra mill-Ispirtu s-Santu, qed tipproponielna llum? Grazzi!

Il-Papa Franġisku:

Il-jum it-tajjeb!

Inħossni xi ftit imbeżża’ għax Emanuele qal li “il-ħajja bla nifs hi tagħna lkoll:.. (jidħak,  jidħak kulħadd).  Ma nafx kif inwieġeb.  Il-Kardinal tkellem dwar l-imħabba tagħkom u qal li imħabbitkom hi mħabba bla dixxiplina u allegra.  U dan hu sabiħ.  Bejn “il-freneżija”, “l-indixxiplina” u “l-allegrija”, nagħmlu “fruit salad’ tajba u r-riżultat ikun sabiħ!

U għalija hu ta’ ferħ li niltaqa’ magħkom.  Hi laqgħa li dejjem nixtieqha: li nkun maż-żgħażagħ.  Nara x’jaħsbu, x’qed ifittxu, x’jixtiequ, liema sfidi għandhom u tant ħwejjeġ oħra.  U intom li ma tridux tweġibiet ‘ready made’, intom tridu tweġibiet konkreti imma personali, mhux bħall-ħwejjeġ li tixtri lesti (prêt-à-porter), le.  Intom ma tridux tweġibiet ‘ready made’. Tridu d-djalogu, dak li jmiss il-qalb.

Chiara, grazzi li qsamt magħna din l-esperjenza li għextu matul dis-sena.  Li tħoss l-istedina ta’ Ġesù dejjem hu ferħ sħiħ.  U l-Mulej jgħid ukoll: “U dan il-ferħ hu sħiħ – fl-istess pass tal-Evanġelju – u ħadd ma jista’ jeħodulkom” (cfr Ġwanni 16,22).  Ħadd ma jista’ jeħodulkom.  Ferħ. Li mhux l-istess ħaġa bħad-divertiment.  Iva, il-ferħ li jtik pjaċir mhuwiex superfiċjali.  Il-ferħ li jidħol fik u jitwieled mill-qalb; u dan hu l-ferħ li intom għextu matul dis-sena.  Irroddlok ħajr.

Issa nixtieq nistaqsi – nixtieq imma m’hemmx ħin biżżejjed u mhux possibbli, imma....: kif ħassejtu li din l-esperjenza li għextu bidlitkom: hu minnu dan, jew hu biss kliem?  Għaliex -  din hi l-mistoqsija – li tmur tagħmel missjoni  jfisser li tħalli lill-Mulej jittrasformak?  Normalment, meta aħna ngħejxu dawn iċ-ċirkostanzi, dawn l-attivitajiet, kif fissret tant tajjeb Chiara, nifirħu meta l-affarijiet imorru tajjeb.  U dan hu sew.  Imma hemm trasformazzjoni oħra, li ħafna drabi ma tidhirx, hi moħbija u tinbet fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Il-missjoni, li nkunu missjunarji jgħinna nitgħallmu naraw.   Isimgħu din tajjeb: nitgħallmu naraw.  Nitgħallmu nħarsu b’għajnejn ġodda, għax bil-missjoni l-għajnejn jiġġeddu.  Nitgħallmu nħarsu lejn il-belt, lejn ħajjitna, lejn il-familja tagħna, lejn dak kollu li għandna madwarna.  L-esperjenza missjunarja tifħilna għajnejna u qalbna: nitgħallmu naraw anki bil-qalb tagħna.  Għax b’hekk qatt ma nispiċċaw biex inkunu – ippermettuli l-kelma – turisti tal-ħajja; biex insiru rġiel u nisa, żgħażagħ li fil-ħajja jħobbu b’impenn. “Turisti tal-ħajja” intom rajtu lil dawn li jieħdu r-ritratti ta’ kollox, meta jiġu bħala turisti, u ma jaraw xejn.  Ma jafux iħarsu... u mbagħad joqgħodu jaraw ir-ritratti meta jkunu lura d-dar!  Imma ħaġa tħares lejn ir-realtà u oħra tħares lejn ir-ritratti.  U jekk ħajjitna hi ta’ turisti, aħna nħarsu biss lejn ir-ritratti jew lejn l-affarijiet li aħna naħsbuhom realtà.  Għaż-żgħażagħ hi tentazzjoni li jkunu turisti.  Mhux qed ngħid li tagħmel xi passiġġata ‘l hawn u ‘l hinn, le, dan hu sabiħ!  Irrid infisser li tħares lejn il-ħajja bl-għajnejn ta’ turista, jiġifieri superfiċjalment, u tieħu r-ritratti biex toqgħod tarahom aktar tard.  Dan ifisser li jien minix immiss ir-realtà, ma narax lejn dak li qed jiġri.  Ma narax l-affarijiet kif inhuma.  L-ewwel ħaġa li jien probabbli nwieġeb għaliha rigward it-trasformazzjoni tagħkom hi, li tinsew dan l-atteġġjament ta’ turisti biex issiru żgħażagħ b’impenn serju fil-ħajja, bis-serjetà.  Iż-żmien tal-missjoni iħejjina biex inkunu aktar sensibbli, aktar attenti u nħarsu b’attenzjoni akbar.  U lil tant nies li jgħejxu magħna, fil-ħajja ta’ kuljum, fil-postijiet fejn ngħejxu u li, minħabba li ma nafux naraw, nispiċċaw biex ninjorawhom.  Kemm nies li dwarhom nistgħu ngħidu: “iva, iva, dak hu, dak hu”, imma ma nafux inħarsu lejn qalbhom, ma nafux x’jaħsbu huma, x’iħossu, għax qalbi qatt ma resqet lejhom.  Forsi kellimthom bosta drabi, iżda bis-superfiċjalità.  Il-missjoni tista’ tgħallimna nħarsu b’għajnejn ġodda, tqarribna lejn il-qalb ta’ tant persuni, u din hi ħaġa sabiħa ħafna, hija ħaġa sabiħa ħafna!

U teqred l-ipokrisija.  Meta nsibu nies kbar, adulti ipokriti, dan hu ikraħ ħafna, imma huma nies kbar li b’ħajjithom jagħmlu dak li jidhrilhom, jafu x’qed jagħmlu... Imma meta nsibu żgħażugħ, żgħażugħa li jibdew il-ħajja b’atteġġjament ipokrita, dan hu suwiċidju.  Fhimtu?  Huwa suwiċidju.  Ifisser li ma warrabtx mit-triq li fiha tkun turista tal-ħajja, tgħaddi u tagħmel tabirruħek li mhux qed tara, u ma tħarisx lejn il-qalb tan-nies biex tkellilmhom bl-awtentiċità, bit-trasparenza.

Imbagħad hemm ħaġ’oħra: inti għidt li l-missjoni hi sabiħa u li tgħallimtu minnha.  Imma meta jien immur f’missjoni, id-deċiżjoni mhix tiegħi biss, dik li timbuttanti biex immur.  Hemm xi ħadd ieħor li qed jibgħatni, li qed jibgħatni nagħmel missjoni.  U ma tistax tmur tagħmel missjoni jekk m’intix mibgħut minn Ġesù.   Huwa Ġesù stess li qed jibgħatek, hu Ġesù li jimbuttak lejn il-missjoni u jinsab hemm, ħdejk: hu propju Ġesù li jaħdem f’qalbek, li jibdillek ħarstek u jġegħlek tħares lejn il-ħajja b’għajnejn ġodda; mhux bl-għajnejn ta’ turista.  Fhimtu?

B’hekk nitgħallmu li meta ngħejxu ħajja magħluqa, anki magħluqin “fit-turiżmu”, ma jiswa’ għal xejn, ma jgħinx.  Irridu ngħejxu f’missjoni, li jimplika li jien nisma’ lil Dak li bgħatni, li dejjem hu Ġesù, u mmur lejn in-nies, immur għand l-oħrajn biex nitkellem dwar ħajti, dwar Ġesù u dwar tant affarijiet oħra imma bil-personalità tiegħi trasformata għax b’hekk inkun qed nara b’mod differenti.  Naħsbu ftit – biex nifhmu dan tajjeb – meta Ġesù kien jgħaddi mit-triq, dejjem qalb in-nies; darba waħda (cfr Mc 5,25-34), Ġesù waqaf u qal: “Xi ħadd missni”  U d-dixxipli: “Imma, Mgħallem, mintix tara kemm hawn nies madwarek?  Kulħadd qed imissek!” – “Xi ħadd missni”.  Ġesù qatt ma drah il-fatt li xi ħadd missu.  Le, ma kienx “turista”; Hu kien jifhem l-intenzjonijiet tan-nies u kien fehem li kien hemm persuna li missitu għax riedet tfiq.  U dik il-mara kienet qed tgħid bejna u bejn ruħha: “Jekk immissu nfiq”.  L-istess aħna.  Irridu nsiru nafu lin-nies kif inhuma, għax qalbna hi miftuħa u m’aħniex turisti fost in-nies: aħna mibgħutin u missjunarji.

Il-missjoni tgħinna wkoll inħarsu lejn xulxin, f’għajnejn xulxin u nifhmu li aħna aħwa bejnitna, li mhemm ebda belt u l-anqas Knisja tat-tajbin u belt u Knisja tal-ħżiena.  Il-missjoni tgħinna biex ma nkunux “nies primittivi”.  Il-missjoni ssaffilna ħsiebna biex ma nibqgħux nemmnu li hemm Knisja tas-safja u oħra tal-impuri;  ilkoll kemm aħna midinbin u lkoll neħtieġu t-tħabbira ta’ Kristu, u jekk meta jien inkun f’missjoni biex inħabbar lil Ġesù, ma naħsibx, ma nħossx li dak li qed ngħid qed ngħidu lili nnifsi wkoll, jien ninqata’ mill-persuna u nibda naħseb - jista’ jkun li naħseb – li jiena pur u l-ieħor impur li għandu n-nieqes.  Il-missjoni hi interess tagħna lkoll bħala poplu t’Alla, tittrasformana: tibdlilna ħarstina, tibdlilna l’mod li bih naffrontaw il-ħajja, minn dik ta’ “turista” għal waħda ta’ mpenn personali, u tneħħilna minn rasna l-idea li jeżistu l-gruppi, li fil-Knisja hemm is-safja u l-impuri: ilkoll kemm aħna ulied Alla.  Ilkoll midinbin u lkoll mimlijin bl-Ispirtu s-Santu li għandu ħila jagħmilna qaddisin.

Int kont qed tistaqsini – Emanuele wkoll għamilli l-istess mistoqsija – kif wieħed jista’ jkun missjunajru ma’ min hu tamparu, speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli, li huma vittmi tad-droga, tal-alkol, tal-vjolenza, tal-ingann tal-Malinn?  Nemmen li l-ewwel ħaġa hi li tħobbhom.  Mingħajr imħabba ma nistgħu nagħmlu xejn.  Ġest ta’ mħabba, ħarsa ta’ mħabba...  Int tista’ tagħmel programmi sħaħ biex tgħinhom, imma mingħajr  imħabba...  U l-imħabba tfisser li int tagħti ħajtek.  Ġesù jgħid: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li jagħti ħajtu għal ħbiebu” (cfr Gw 15,13).  Hu ta l-eżempju, b’ħajtu.  Tħobb.  Jekk int ma tħossokx dispost, jew għallanqas m’għandekx - qed ngħid “int, għax int għamiltli l-mistoqsija, imma qed ngħid lil kulħadd – jekk qalbek mhix disposta biex tħobb – il-Mulej jgħallimna nħobbu – ma tistax tagħmel missjoni tajba.  Il-missjoni tispiċċa ssir avventura jew turiżmu.  It-tħejjija tfisser li inti tmur lest biex tħobb.  Tgħinhom u tħobb.  Ħaġa li jien inħobb nistaqsi fil-konfessinarju, mhux lil kulħadd, imma meta tinqala ċ-ċirkostanza, hi: “imma int tħobb tgħin lin-nies?  Int tagħti elemożina?” – “Ħafna jgħiduli “Iva”.  Iva, għax in-nies huma tajbin, trid tgħin.  “U, għidli: meta int tagħti l-elemożina tmiss id il-persuna li tkun tagħtihielha, jew tiġbidha lura mill-ewwel?”  U għal dan xi wħud ma jkunux jafu jwieġbu.  U aktar: “ Meta tagħti l-elemożina, tħares dritt f’għajnejn it-tallab li jkun qed jitlobhielek?  Jew tħaffef kemm tista?”  Tħobb.  Li tħobb ifisser li jkollok il-ħila li tieħu b’id maħmuġa, li tħares dritt f’għajnejn min jinsab f’sitwazzjoni dergradanti u tgħid: “Għalija int Ġesù”.  U dan hu l-bidu ta’ kull missjoni, irrid immur nitkellem b’din l-imħabba.  Jekk meta nkun qed inkellem lin-nies jien nibda naħseb: “Ah, dawn l-istupidi li ma jafux b’reliġjon, jien nurihom kif għandhom jagħmlu....”  Jekk jogħġobkom!  Aħjar tibqa’ d-dar u toqgħod tgħid ir-Rużarju, jagħmillek aktar ġid milli li tmur il-missjoni.  Ma nafx jekk fhimtux dil-ħaġa.

U għaliex għandi nħobb lil dawn in-nies?  Lill-vittmi tad-droga, tal-alkol, tal-vjolenza, tal-ingann tal-Malinn?  Wara dawn is-sitwazjzonijiet kollha hemm ħaġa żgura li ma nistgħux ninsewha, ħaġa żgura li għandha “twebbsilna rasna fit-tama”: biex tagħmel missjoni trid tkun rasek iebsa bit-tama.  Mhux biss l-imħabba, imma t-tama wkoll, u bl-ebusija tar-ras.  F’kull waħda minn dawn il-persuni li huma vittmi ta’ sitwazzjonijiet diffiċli,  hemm ix-xbieha t’Alla li għal raġunijiet differenti sfat ittrattata ħażin, mirfusa taħt ir-riġlejn.  Hemm storja ta’ niket, ta’ ġrieħi li ma nistgħux ninjorawhom.  U dan hu l-ġenn tal-fidi.  Meta Ġesù jgħidilna: “Ġejt fil-ħabs u sibt lili” – “Imma int miġnun!”: hu l-ġenn tal-fidi.  Il-ġenn tas-salib li jitkellem dwaru San Pawl; il-ġenn tat-tħabbir tal-Evanġelju.  Hemmhekk hemm Ġesù, u dan ifisser li rridu nitgħallmu nħarsu bl-għajnejn ta’ Ġesù: kif iħares Ġesù lejn dawn in-nies.  Kif iħares lejhom.  Jekk meta Ġesù jgħidilna – il-mistoqsijiet li se jagħmlulna meta mmorru n-naħa l-oħra (cfr Mt 25,31-46) – jgħidilna li Hu kien dawk in-nies, huwa misteru ta’ mħabba fil-qalb ta’ Ġesù.

Darba kelli okkażjoni – fl-Arġentina kont diġà mdorri nżur il-ħabsijiet – u f’okkażjoni minnhom sellimt lil wieħed li kellu fuq spallejh aktar minn 50 omiċidju.  U jien bdejt naħseb: “Imma int Ġesù”, għax Hu kien qalilna li jekk immorru nfittxuh fil-ħabs, Hu hemmhekk ikun, f’dak ir-raġel.  Biex tkun missjunarju jrid ikollok dan il-ġenn tas-salib, dan il-ġenn tat-tħabbir evanġeliku: għax Ġesù jagħmel il-mirakli, għax Ġesù mhux saħħar, saħħar li jfejjaq.  Ġesù jinsab f’kull wieħed u waħda minna, f’kull wieħed u waħda minna.  U forsi xi ħadd minnkom bħalissa jinsab fid-dnub il-mejjet, jinsab f’sitwazzjoni ‘l bogħod, bogħod minn Ġesù, forsi....  Imma Ġesù qiegħed hemm, jistenna.  Jinsab hemm, miegħek.  Qatt ma jitlaqna għal rasna.  Jekk jien nersaq bl-imħabba, u mhux bħala turist, u dan jibdilni, immur bir-ras iebsa tat-tama u mmur bl-għarfa li mmiss, nara, nisma’ lil Ġesù li jaħdem fil-qalb ta’ kull min niltaqa’ miegħu fil-missjoni.  Fhimtu?  U dwar dawk li semmejt int, l-aktar imwarrbin tas-soċjetà – huwa importanti – jien għidt li m’għandekx tiqażżes tieħu b’id it-tallab maħmuġ, b’id dawn in-nies, biex nagħti eżempju.

Ilkoll kemm aħna maħmuġin.  U jekk Hu salvani, jiena ngħid: grazzi, Mulej għax jien ukoll nista’ nkun minflok dik il-persuna.  Jekk jien minix drogat, għaliex Mulej?  Minħabba r-rieda tiegħek.  Imma jekk il-Mulej ikun telaqli jdejja, jien ukoll, kollha kemm aħna (fejn konna nispiċċaw?)  U din hi l-imħabba, il-grazzja li għandna nħabbru: Ġesù jinsab f’dawk il-persuni.  Jekk jogħġobkom, lin-nies ittuhomx aġġettivi!  Jien immur nagħmel il-missjoni bl-imħabba, bir-ras iebsa tat-tama, biex inwassal messaġġ lil nies li għandhom isem, mhux laqam, aġġettiv.  U kemm drabi s-soċjetà tagħna tiddisprezza u tikklassifika: “Le, dak sakranazz!  Le, jien ma nagħtix karità li dan għax inkella jmur jixtri tazza nbid u fil-ħajja m’għandu ebda tip ta’ ferħ ieħor, miskin; “Eh!, le, dak drogat”; “Dan, dak, l-ieħor...”  Qatt m’għandna nagħtu aġġettivi lill-persuna!  Dak jista’ jagħmlu biss Alla, jista’ jsir biss bil-ġudizzju t’Alla. U hekk għad jagħmel, fil-Ġudizzju Universali, darba għal dejjem, lil kull wieħed u waħda minnkom: “Ejja, imbierek mill-Missier, itlaq ‘l hemm ja misħut...”  L-aġġettivi: Hu jagħmlu dan, imma aħna qatt m’għandna niġġudikaw: “Dan”, “dak”, “dan, dak”.  Jien immur il-missjoni biex inwassal imħabba kbira.

Imbagħad b’dik it-trasformazzjoni – il-mistoqsija tiegħek entużjażmatni, kont ktibtha u għamilt xi riflessjonijiet – aħna mdorrijin bil-kultura tal-vojt, b’kultura tas-solitudni.  In-nies, u aħna wkoll, ġewwa fina ninsabu waħedna u għandna bżonn l-istorbju biex ma nħossux dan il-vojt, din is-solitudni.  Din hi l-proposta tad-dinja u dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-ferħ li tkellimna dwaru.  Il-vojt: jekk hemm xi ħaġa li teqred l-ibliet tagħna hi propju dan l-iżolament.  Li mmorru nagħmlu missjoni  jfisser li ngħinu li dak li jkun joħroġ mill-iżolament u jissieħeb f’komunità, fi fraternità.  “Imma dak ma jogħġobnix...” “Dak hu hekk u hekk...”  Qatt ġudizzju: Ġesù jħobb lil kulħadd.  Jekk jiena mmur f’missjoni irrid inkun dispost li nħobb lil kulħadd.  Mhemmx dak il-ferħ sħiħ, li int kont qed issemmi li ttik il-missjoni.  Filwaqt li hemm tant minn ħutna li għandhom surithom sfigurata minn soċjetà li tiddefendi ruħha biss billi twarrab fil-ġenb, tiżola, tinjora.  Qatt, jekk aħna rridu nkunu missjunarji u nwasslu l-Evanġelju u jkollna dan il-ferħ, qatt m’għandna neskludu lil ħadd, qatt ma niżolaw lil ħadd, qatt ma ninjoraw lil ħadd.  Ma nafx jekk weġibtx xi ħaġa!

U, Luca, grazzi tal-inkwiet tiegħek.  Genova hi belt/port li storikament għarfet tilqa’ tant bastimenti u li tat ġenreazzjonijiet ta’ baħħara kbar!  Biex tkun dixxiplu jrid ikollok l-istess qalb tal-baħħar: xefaq u kuraġġ.  Jekk int m’għandekx xefaq lejn xiex tħares u lanqas għandek ħila tħares lejn imnieħrek, qatt ma tista’ tkun missjunarju tajjeb.  Jekk int m’għandekx kuraġġ, qatt ma tista’ tkun (missjunarju).  Hija l-virtù “tal-baħħara” jafu jaqraw x’hemm fix-xefaq, imorru, u għandhom il-kuraġġ li jitilqu.  Naħsbu ftit fil-baħħara l-kbar tas-seklu XV, bosta minnhom telqu minn hawn.  Intom għandkom l-opportunità li tkunu tafu kollox bit-teknoloġija l-ġdida, imma din it-teknika tal-informazzjoni ħafna drabi ddaħħalna f’nassa; għax minflok infittxu li ninfurmaw ruħna nixbgħu biha sa’ mnieħerna u meta int tkun imxabba’ għal kollox, ix-xefaq jibda riesaq lejk, jersaq, u ssib ħajt quddiemek, tkun tlift il-ħila li tara dan ix-xefaq.  Oqgħodu attenti: araw sewwa dak li jkunu qed ibiegħulkom.  Ukoll dak li jkunu qed ibiegħulkom permezz tal-medja.  Il-kontemplazzjoni, il-ħila li tikkontempla x’hemm fuq ix-xefaq, li tifforma opinjoni, li ma tiekolx kull ma jqiegħdulek fil-platt.  Din hi sfida; hi sfida li nemmen li għandha tressaq lejn it-talb u lil-Mulej ngħidulu: “Mulej, nitolbok favur: jekk jgħoġbok tieqfax tisfidani”.  Sfidi ta’ ixqfa li jeħtieġu l-kuraġġ.  Int minn Genova?  Baħħar, xefaq, kuraġġ.  U lill-ġenoviżi kollha ngħidilhom: ‘il quddiem!  Dik it-talba li jien issuġġerejtilkom: “Mulej illum qed nitolbok pjaċir, sfidani”.  “Iva, jekk jgħoġbok, ejja, tini fastidju, tini l-kuraġġ li bih inkun nista’ nwieġeb għall-isfida u lilek”.  Jien jogħġobni ħafna dan Ġesù li jħawdek, li jtik fastidju: għax Ġesù hu ħaj, jgħammar ġewwa fik permezz tal-Ispirtu s-Santu.  U kemm huma sbieħ, żgħażugħ, żagħżugħa li jħallu lil Ġesù jtihom fastidju u ż-żgħażugħ, iż-żagħżugħa li ma tantx tgħalqilhom ħalqhom malajr, jitgħallmu jżommu fommhom magħluq, jitgħallmu li ma jikkuntentawx bi tweġibiet sempliċistiċi, jitgħallmu jfittxu l-verità, ifittxu fil-fond, joħorġu ‘l barra, jimxu ‘l quddiem, ‘il quddiem.  U jkollhom il-kuraġġ li jagħmlu mistoqsijiet lilhom infushom dwar il-verità u dwar tant affarijiet oħra.  Irridu nitgħallmu nisfidaw il-preżent.  Ħajja spiritwali sana tiġġenera żgħażagħ attenti li quddiem ċerti affarijiet li qed tipproponielna dil-kultura tal-lum –“normali”, jgħidu, jista’ jkun.. ma nafx.... – iva, nistaqsu: “Dan hu normali jew mhux normali?”  U tant drabi – dan qed ngħidu b’qalbi tqila – iż-żgħażagħ huma l-ewwel vittmi ta’ dawn il-bejjiegħa tad-duħħan; iġegħeluhom jemmnu ħafna affarijiet, idaħħlulhom f’rashom tant affarijiet... Iżda l-ewwel għamla tal-kuraġġ li intom għandu jkollkom hi li tistaqsu lilkom infuskom: “Imma dan hu normali jew mhux normali?”  Il-kuraġġ li tfittex il-verità.  Hu normali li jum wara jum jibqa’ jikber fik dak is-sens tal-indifferenza?  Ma jimpurtanix x’qed jiġri lill-oħrajn; l-indifferenza mal-ħbieb, mal-ġirien, fil-kwartier, fuq ix-xogħol, fl-iskola...  Hu normali – kif talbitna nirriflettu Francesca – li ħafna tal-età tagħna migranti jew li jkunu ġejjin minn pajjiżi ‘l bogħod, diffiċli, imdemmija bl-egoiżmi li jwasslu għall-mewt, jgħixu fl-ibliet tagħna f’kundizzjonijiet verament diffiċli?  Huwa normali dan?  Huwa normali li l-Mediterran sar ċimiterju?  Huwa normali dan?  Hu normali li tant u tant pajjiżi – u mhux qed ngħid għall-Italja għax l-Italja hi ġeneruża ħafna – tant pajjiżi jagħlqu l-bibien għal dawn in-nies miġrugħin li qed jaħarbu mill-ġuħ, mill-gwerer, dawn in-nies sfruttati, li jiġu jfittxu ftit tas-sigurtà... huwa noramli?  Dil-mistoqsija: dan huwa normali?  Jekk dan mhux normali jien għandi nieħu l-inizjattiva ħalli dan ma jsirx.  Għażiż, jeħtieġ il-kuraġġ għal dan, hemm bżonn il-kuraġġ.

Nerġgħu lura lejn il-baħħara, Kristofru Kolombu, li jgħidu li kien wieħed minnkom – qatt ma tista’ tkun taf imma ħafna bħalu jew hu stess forsim telqu minn hawn – kienu jgħidu dwaru: “Dal-miġnun irid jasal hawn billi jmur ‘l hemm”.  Imma dak kien għamel raġunament dwar “in-normalità” ta’ ċerti affarijiet u wettaq sfida kbira: kellu l-kuraġġ.  Huwa normali li quddiem in-niket tal-oħrajn l-atteġġjament tagħna jkun li nagħlqu l-bibien?  Jekk mhux normali, ibda għamel xi ħaġa.  U jekk m’għandekx il-kuraġġ tal-inizjattiva oqgħod kwiet u baxxi rasek u umilja ruħek quddiem il-Mulej, itolbu l-kuraġġ.  Biex nisfidaw il-preżent hemm bżonn ikollna l-kuraġġ li ngħidu: “Hemm affarijiet li jidhru normali iżda normali mhumiex”.  U intom dwar dan għandkom taħsbu: dawn l-affarijiet Alla ma jridhomx u għalhekk m’għandniex għalfejn inkunu rriduhon aħna!  U dan ngħiduh bil-forza!  Dan hu Ġesù li jiġi ħin bla waqt, li jkisser is-sistemi tagħna, il-proġetti tagħna.  Huwa Ġesù li fi qlubna jiżra’ l-ansjetà li nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna.  U dan hu sabiħ ħafna: dan hu sabiħ ħafna!

Jien ċert li intom in-nies ta’ Genova għandkom ħila taslu lejn ixqfa kbar u intom mimlijin kuraġġ, imma kollox jiddependi mir-rieda tagħkom jekk tridux li taslu: ma jiddependix minni.  Jien illejla nerġa’ lura u nħalli hawn iż-żerriegħa.  Lilkom se nħallilkom l-isfida jew, kif ngħidu f’pajjiżi: “Qed nitfgħalkom l-ingwanta ma’ wiċċkom”.  Intom imbagħad araw.

Intemm b’suġġeriment: kull filgħodu talba sempliċi: “Mulej, nitolbok biex ma tinsiex tisfidani.  Iva, Ġesù, jekk jgħoġbok, ejja tini xi ftit fastidju u tini l-kuraġġ biex inkunu nista’ nwieġbek”.

Grazzi!

Intom qiegħdin hawn bilqiegħda: hawn ġew qegħdin għall-frisk (fis-Santwarju).  Iżda hemm barra hemm – qed tisimgħuhom? Dawn jafu jagħmlu l-istorbju – hemm ħafna li ssaportew ix-xemx, bilwieqfa...  Nagħtuhom applaws!  Jien rajthom, jien rajthom minn hawn.  Kienu kollha kwieti biex jisimgħu u segwew kollox.  Fil-fehma tiegħi dawk għandhom ftit tal-kuraġġ u jaraw l-ixqfa: tal-anqas dawk; nittama li intom ukoll!

Issa se ntikom il-barka, imma qabel il-barka nsellmu flimkien lill-Madonna:

“Ave Maria…”

[Barka]

TISLIMA U BARKA LILL-ĦABSIN

Irrid insellem ukoll lill-ħabsin kollha ta’ Genova u tar-reġjun tal-Liguria li segwew din il-laqgħa.  Se nagħti – intom ibqgħu siekta – il-barka lilhom.

 [Barka]

 

 

 Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber