Għeżież ħuti,

Ma stajtx ma niġix inżur dan l-isptar li fih issir il-kura għat-tfal waqt li qed nagħmel din iż-żjara  f’Ġenova; għax it-tbatija tat-tfal  żgur li hi l-aktar waħda iebsa biex taċċettaha  u allura nħoss li l-Mulej jitlob minni li  noqgħod ma’ dawn it-tfal  u l-familjari tagħhom anki jekk għal ftit ħin. Ħafna drabi nistaqsi u nerġa’ nistaqsi: it-tfal għaliex ibatu?  U ma nsibx spjegazzjoni. Inħares biss lejn il-Kurċifiss u nieqaf hemm.

Insellem lilkom ilkoll li taħdmu f’dan l-isptar magħruf  u li għal tmenin sena ddedika ruħ b’ tant ħerqa u kompetenza għall-kura u l-assistenza fit-tfulija, anki bil-għajnuna  importanti tar-riċerka. Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejn għal dawk li huma responsabbli mit-tmexxija tal-Isptar, ibda mill-President tal-Fondazzjoni, l-Arċisqof ta’ Ġenova, it-tobba, il-paramediċi, il-kollaboraturi kollha fl-oqsma differenti tal-ispeċjalizazzjoni, kif ukoll il-Patrijiet Kapuċċini Minuri u dawk kollha li jassistu u jgħinu lit-tfal b’imħabba u dedikazzjoni. It-tfal għandhom bżonn anki tal-ġesti tagħkom li juru ħbiberija, tal-komprensjoni tagħkom, tal-għożża  u tas-sostenn patern u matern.

Dan l-Istitut twaqqaf minn att t’imħabba tas-Senatur Gerolamo Gaslini li ried jagħti ġieħ lil l-bintu li mietet ta’ età żgħira. Biex bena din l-opra tneżża mill-ġid kollu li kellu: kumpannija, stabbilimenti, bini, flus, saħansitra biegħ il-post fejn kien joqgħod. Dan l-isptar li hu  magħruf u apprezzat fl-Italja u fid-dinja, għandu rwol speċjali: li jkompli  jkun simbolu ta’ ġenerożità u ta’ solidarjetà. Fl-att ta’ fondazzjoni ta’ dan l-isptar, Caslini stabbelixxa:«Hi r-rieda  sħiħa  tiegħi li l-bażi u l-gwida ta’  dan l-Istitut tkun il-fidi kattolika (...) li għandha tkun il-ħmira f’ kull attività u tfarraġ kull tbatija». Aħna nafu li l-fidi topera l-aktar permezz tal-karità u li l-fidi mingħajr il-karità  hi fidi mejta. Għalhekk inħeġġiġkom biex il-ħidma delikata tagħkom tkun imqanqla  mill-karità u biex spiss iġġibu quddiem għajnejkom is-“Samaritan it-tajjeb” tal-Evanġelju: kunu attenti għall-ħtiġijiet tal-pazjenti ċkejkna tagħkom, tbaxxew u ħarsu b’tenerezza lejn il-fragilità tagħhom filwaqt li taraw fihom il-Mulej. Min jaqdi ‘l-morda b’imħabba jkun qed jaqdi lil Ġesù li jiftħilna s-Saltna tas-smewwiet.

Nittama li dan l-isptar jibqa’ fidil lejn il-missjoni tiegħu  u jkun jista’ jkompli l-ħidma apprezzata tiegħu ta’ kura u ta’ riċerka permezz tal-għajnuna u l-kontribut ġeneruż u diżinteressat tal-kategoriji u l-livelli kollha. Min-naħa tiegħi, jien inkun magħkom bit-talb u l-barka tal-Mulej, li minn qalbi nitlob li tinżel fuqkom, fuq il-pazjenti kollha u l-familjari tagħhom.

 [Barka]

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.