Il-Papa Franġisku:

Ħuti, nistedinkom titolbu flimkien għal ħutna Kopti Eġizzjani li nqatlu għax ma riedux jiċħdu l-fidi.  Flimkien magħhom, mal-isqfijiet tagħhom, ma’ ħija Tawadros, nistedinkom titolbu fis-skiet u wara ngħidu flimkien Ave Maria

(Skiet: Ave Maria)

U ma ninsewx li llum il-martri Nsara jgħoddu aktar miż-żminijiet l-antiki, mill-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Huma ferm aktar.

Don Andrea Carcasole:

Missier, jisimni Don Andrea Carcasole, jien viċi-kappillan taċ-Certosa hawn f’Genova, paroċċa ta’ 12-il elf abitant.  Illum qed nitolbuk ittina l-kriterji biex inkunu nistgħu ngħejxu ħajja spiritwali b’konvinzjoni akbar fil-ministeru tagħna minħabba li l-kumplessità tal-ħajja moderna u d-dmirijiet amministrattivi li għandna, jqegħduna f’pożizzjoni ta’ ħajja mxerrda u maqsuma biċċiet

Il-Papa Franġisku:

Grazzi tal-mistoqija, Don Andrea.  Jien ngħid li aktar ma’ nimitaw l-istil ta’ Ġesù, aktar naqdu dmirna aħjar bħala rgħajja.  Dan hu l-kriterju fundamentali: l-istil ta’ Ġesù.  Kif kien l-istil ta’ Ġesù bħala ragħaj?  Ġesù kien dejjem miexi.  L-Evanġelji, minkejja li kull wieħed għandu l-kuluri karatteristiċi tiegħu, juruna lil Ġesù dejjem miexi, qalb in-nies, “il-folla” jgħidilna l-Evanġelju.  L-Evanġelju jagħmel distinzjoni bejn id-dixxipli, il-folla, id-dutturi tal-liġi, is-Saduċej, il-Fariżej... L-Evanġelju jiddistingwi: hi ħaġa interessanti.  U Ġesù kien jinsab qalb il-folla.  Kieku kellna nimmaġinaw kif kien l-orarju tal-ġurnatata’ Ġesù, aħna w naqraw l-Evanġelji, nistgħu ngħidu li l-biċċa l-kbira ta’ ħinu kien jgħaddih fit-triq.  Dan ifisser qrubija man-nies, qrubija lejn il-problemi.  Ma kienx jinħeba.  Imbagħad, filgħaxija, bosta drabi kien jinħeba biex jitlob u biex joqgħod mal-Missier.  U dawn iż-żewġ affarijiet, dal-mod kif inħarsu lejn Ġesù, fit-triq u fit-talb, jgħinna ħafna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, li mhix fit-triq, imma hi għaġla.  Huma affarijiet differenti.  Jingħad li Ġesù kellu xi ftit għaġla meta kien sejjer lejn il-Passjoni:  mar Ġerusalemm “bid-deċiżjoni”.  Imma din id-drawwa, dal-mod “tal-ġenn” li ngħejxu dejjem inħarsu lejn l-arloġġ – “irrid nagħmel din, dik, l-oħra....” dan mhux mod pastorali, Ġesù mhux hekk kien jagħmel.  Ġesù qatt ma kien wieqaf.  U bħal kull min jimxi, Ġesù kien espost għat-tixrid, biex “jinqasam biċċiet”.  Għalhekk togħġobni l-mistoqsija, għax tidher ġejja minn raġel li jinsab miexi u mhux statiku.  M’għandniex nibżgħu miċ-ċaqliq u mit-tixrid ta’ ħinna.  Imma l-aktar ħaġa li għandna nibżgħu minnha, li nistgħu nimmaġinawha, hija l-ħajja statika: ħajja tal-qassis li għandu kollox solvut, kollox fl-ordni, strutturat, kollox f’postu, il-ħinijiet – fi x’ħin tiftaħ is-segreterija, il-knisja tingħalaq fit-tali ħin... -.  Jien nibża’ mill-qassis statiku.  Nibża’.  Ukoll meta jkun statiku fit-talb: jien nitlob mit-tali ħin sat-tali ħin.  Imma ma tiġikx ħajra tmur tqatta’ siegħa aktar mal-Mulej biex tħares lejh u tħallih imexxik?  Din hi l-mistoqsija li kieku nagħmel lill-qassis statiku, li għandu kollox perfett, organiżżat... jien nasal ngħid li ħajja bħal din, fejn kollox hu strutturat, mhix ħajja Nisranija.  Forsi dak il-kappillan hu imprenditur tajjeb, imma nistaqsi lili nnifsi: huwa Nisrani?  Jew, tal-anqas, jgħix ta’ Nisrani?  Iva, jiċċelebra l-quddiesa, imma l-istil tiegħu huwa stil Nisrani?  Jew forsi jemmen, raġel tajjeb, jgħix fil-grazzja t’Alla, imma bl-istil ta’ imprenditur.

Ġesù min dejjem kien bniedem tat-triq, bniedem miexi, bniedem miftuħ għas-sorpriżi ta’ Alla.  Iżda, is-saċerdot li jkollu kollox ippjanat, kollox strutturat, ġeneralment ikun magħluq għas-sorpriżi t’Alla, u jitlef dak il-ferħ tal-laqgħa.  Il-Mulej isibek meta l-anqas tkun qed tistenna, basta tkun miftuħ għalih.  L-ewwel kriterju hu li ma nibżgħux minn din it-tensjoni li jkollna ngħejxu biha, id-dinja hekk magħmula.  Dak hu sinjal ta’ ħajja, ta’ vitalità: missier, omm, edukatur huma dejjem esposti għal dan u jgħejxu dejjem bit-tensjoni.  Qalb li tħobb, li tingħata, dejjem hekk se tibqa’ tgħix: esposta għal din it-tensjoni.  U xi ħadd jista’ wkoll ikollu l-fantasija li jgħid: “Ah!  Jien se nsir patri tal-klawsura, soru tal-klawsura, u hekk ma jkollix tensjoni”.  Imma anki l-irħib kienu jmorru fid-deżert biex jitqabdu aktar.  Dak it-taqbid, dik it-tensjoni.

U jiena nemmen li dwar dan għandna nieqfu nirriflettu fuq xi aspetti.  Jekk inħarsu lejn Ġesù, l-Evanġelji juruna żewġ mumenti qawwijin li huma l-pedament.  Għidt dan fil-bidu u ntennih issa: Il-laqgħa mal-Missieru u l-laqgħa mal-persuni.  Il-biċċa l-bira tal-persuni li kien jiltaqa’ magħhom Ġesù kienu jkunu nies fil-bżonn, nies fil-bżonn – morda, indemonjati, midinbin – u wkoll nies emarġinati, lebbrużi.  Hija l-laqgħa mal-Missier.  Fil-laqgħa mal-Missier u mal-aħwa, hemm issib din it-tensjoni: kollox irid jingħex fid-dawl ta’ din il-laqgħa.  Int, saċerdot, tiltaqa’ ma’ Alla, mal-Missier, ma’ Ġesù fl-Ewkaristija, mal-fidili: tiltaqa’.  M’hemm ebda ħajt li jista’ jostakola l-laqgħa: ebda formalità m’hi riġida biżżejjed biex tfixkel il-laqgħa.  Per eżempju t-talb: int tista’ tibqa’ siegħa quddiem it-tabernaklu, iżda bla ma tiltaqa’ mal-Mulej, titlob bħall-pappagall.  Imma b’hekk tkun qed titlef il-ħin: jekk titlob, itlob u ltaqa’ mal-Mulej, oqgħod fis-skiet, ħalli ‘l-Mulej iħares lejk: għid kelma lill-Mulej, itolbu xi ħaġa.  Ibqa’ fis-skiet isma’ dak li jgħidlek, dak li jridek tħoss... Laqgħa.  U man-nies l-istess.  Aħna, bħala saċerdoti nafu kemm isofru n-nies meta jiġu biex jitolbuna parir jew kull ħaġa oħra.  “X’inqala’?”... “Iva..iva.. imma issa m’għandix ħin, le...”.  Bl-għaġla, mhux bil-mixi, bit-tferfix, din hi d-differenza.  Dak li hu statiku u dak li jagħmel kollox bl-għaġla qatt ma jiltaqgħu.  Kont naf saċerdot bravu, ta’ ġenjalità kbira: kien professur tal-letteratura f’livell għoli, għoli ħafna, għax hu nnifsu kien poeta u kien jaf tajjeb il-letteratura.  U meta rtira bil-pensjoni - kien reliġjuż - talab lill-provinċjal tiegħu biex jibgħatu f’parroċċa mandraġġara, mal-ifqar fost il-foqra.  Biex ikun jista’ jagħti dan is-servizz, bniedem ta’ dik il-kultura, żgur li mar hemmhekk bir-rieda li jiltaqa’ man-nies – kien bniedem ta’ talb -, bir-rieda li jkompli jiltaqa’ ma’ Ġesù u jiltaqa’ ma’ nies li ma kienx jafhom: il-poplu tal-foqra; mar hemmhekk b’tant ġenerożità.  Dan ir-raġel kien jagħmel parti mill-komunità fejn kont jien, komunità reliġjuża.  U l-provinċjal kien qallu: “ġurnata fil-ġimgħa mur fil-komunità”.  U kien jiġi spiss, jitkellem ma’ kulħadd, iqerr, jieħu profitt minn dawn il-kuntatti u jmur lura.  Jum wieħed qalli: “ Imma lil dawn it-teoloġi jonqoshom xi ħaġa”.  Jien għidtlu: “X’jonqoshom?”.  “Per eżempju, il-profesur tal-ekkleżjoloġija għandu jagħmel żewġ teżijiet ġodda”.  “Ah!  Iva?  Liema?”.  U hu qalli hekk: “Il-poplu t’Alla, in-nies tal-parroċċa, ontoloġikament idejquk; jiġifieri li jgħejuk u metafiżikament huma essenzjalment olimpiċi”.  “Xi tfisser “olimpiċi?”  Li tagħmel dak li jidhrilha, int ittiha parir imbagħad naraw.....  U meta inti taħdem man-nies, in-nies jgħejuk, ximindaqqiet idejquk ukoll xi ftit.  Imma huwa l-poplu t’Alla! Aħseb f’Ġesù, li kienu jġebbduh minn kull naħa. Aħseb f’Ġesù, f’dik id-darba meta kien mat-triq u kien qal: “Imma min missni?”  “Imma, Mgħallem, x’int tgħid?  Ara kemm nies hawn madwarek”.  “Xi ħadd missni” – “imma ara.....” In-nies tgħejik dejjem.  Inħallu lin-nies jgħejuna; ma niddefendux iżżejjed il-kwiet tagħna.  Immur fil-konfessinarju: hemm il-kju, u jien kelli f’moħħi li noħroġ....  Mhux għall-quddiesa, imma għal xi ħaġ’oħra li setgħet issir jew le.  Hekkhu, jien kelli f’moħħi xi ħaġa oħra, inħares lejn l-arloġġ u x’nagħmel?  Hija għażla: nibqa’ fil-konfessinarju u nkompli nqarar sakemm jispiċċaw in-nies jew ngħidilhom: “għandi impenn ieħor, jiddispjaċini, saħħa”.  Niltaqgħu man-nies dejjem.    Imma dil-laqgħa man-nies hi mortifikanti, hija salib!  Il-laqgħa man-nies hi salib, għax forsi fil-parroċċa hemm persuna, għaxra – nisa anjzani – li jagħmlulek xi biċċa ħelu u għax nies twajba jnewluhielek...  Imma kemm drammi jkollok tara!  U dan jgħeja l-ispirtu u jġegħelek tibda titlob l-interċessjoni.

F’din it-tensjoni jien ngħid dawn iż-żewġ affarijiet.  Importanti ħafna.  U wieħed mis-sinjali li ma nkunux mexjin fit-triq it-tajba hu meta s-saċerdot jitkellem wisq dwaru nnifsu, iżżejjed: dwar l-affarijiet li jagħmel, li jħobb jagħmel... ikun awtoreferenzjali.  Hu sinjal li dak ir-raġel mhux bniedem tal-laqgħa, aktar minn hekk huwa hu bniedem tal-mera, jieħu gost jara lilu nnifsu fil-mera, iħares lejh innifsu; għandu ħtieġa li jimla l-vojt ta’ qalbu billi jitkellem dwaru nnifsu.  Iżda l-qassis li jgħix ħajja ta’ laqgħa, mal-Mulej fit-talb u man-nies sa tmiem il-ġurnata, hu bniedem “imċarrat”.  San Luiġi Orione kien jgħid “bħal biċċa tal-art”.  U wieħed jista’ jgħid: “Imma Mulej, jien neħtieġ affarijiet oħra...”  Għajjien?  Ibqa’ għaddej.  Dik l-għeja hi qdusija, dejjem jekk tkun akkumpanjata mit-talb.  Min-naħa l-oħra tista’ tkun ukoll għeja ta’ awtoreferenzjalità.  Intom is-saċerdoti għandkom teżaminaw lilkom infuskom dwar dan: jien bniedem ta’ laqgħa? Jien bniedem tat-tabernaklu?  Jien bniedem tat-triq? Jien bniedem b’widnejn miftuħa?  Naf nisma’?  jew meta jibdew jgħfiduli xi ħaġa, mill-ewwel inwieġeb: “iva, iva, l-afarijiet hekk huma.....”.  Lin-nies inħallihom jegħjuni?  Hekk kien Ġesù.  M’hemmx formuli.  Ġesù kien konxju għall-aħħar li ħajtu kienet għan-nies mhux għalih innifsu. Kien jingħata, jingħata: kien jingħata lin-nies, kien jingħata lill-Missier bit-talb.  U ħajtu għexha fid-dawl tal-missjoni: “Jien ġejt mibgħut mill-Missier biex ngħid dawn il-ħwejjeġ...”.

Ħaġa li mhix ta’ għajnuna għalina hi d-dgħufija fid-djoċesanità.  Imma dwar dan se nitkellem jien u nwieġeb mistoqsija oħra.

Jagħmlilna tajjeb, jagħmel tajjeb lis-saċerdoti kollha jiftakru li Ġesù biss hu s-salvatur, m’hemmx salvaturi oħra.  U naħsbu wkoll li Ġesù qatt u qatt ma ntrabat mal-istrutturi, imma kien dejjem jintrabat mar-relazzjonijiet.  Jekk saċerdot jara li bil-mod kif jgħix ħajtu hu wisq marbut mal-istrutturi, hemm xi ħaġa fih li mhix sejra tajjeb.  U Ġesù ma kienx jagħmel hekk, Ġesù kien jintrabat mar-relazzjonijiet.  Darba smajt bniedem t’Alla – jidhirli li se jibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ dal-bniedem – li kien jgħid: “Fil-Knisja għandna ngħejxu dan il-motto: “il-minimu tal-istrutturi għall-massimu tal-ħajja u qatt il-massimu tal-istrutturi għall-minimu tal-ħajja”.  Mingħajr ir-relazzjoni ma’ Alla u mal-proxxmu, xejn ma jagħmel sens fi-ħajja ta’ saċerdot.  Forsi tista’ tagħmel karriera, tmur xi mkien jew ieħor: f’dik il-parroċċa li togħġbok jew f’xi post ieħor biex issir isqof.  Tagħmel karriera.  Imma qalbek?  Tibqa’ vojta, għax qalbek hi marbuta mal-istrutturi u mhux mar-relazzjonijiet, ir-relazzjonijiet essenzjali: mal-Missier, ma’ Alla, ma’ Ġesù u mal-persuni.  Din hi ftit jew wisq it-tweġiba dwar il=kriterji li xtaqt intikom.  “Imma, missier, int m’intix modern...  Dawn huma kriterji antiki...”  Hekk hi l-ħajja, ibni!  Huma l-kriterji qodma tal-Knisja, li huma moderni, ultramoderni!.

Don Pasquale Revello

Jien Don Pasquale Revello, kappillan.  Naħdem f’Recco, belt sabiħa ħdejn il-baħar, fil-parroċċa ta’ San Ġwanni l-Battista: 7000 abitant.  Missier, nixtiequ ngħejxu aħjar il-fraternità saċerdotali li tant jirrikmandalna il-Kardinal Arċisqof tagħna, li tissaħħaħ b’laqgħat djoċesani, vikarjali, pellegrinaġġi, irtiri u eżerċizzi spiritwali, laqgħat komunitarji ta’ ġimgħa.  Tista’ ttina ftit aktar indikazzjonijiet?

Il-Papa Franġisku:

Grazzi, don Pasquale. Kemm għandek żmien?

Don Pasquale:

81 magħluqa.

Il-Papa Franġisku:

Aħna ndaqs fl-età!  Imma nistqarr miegħek: nisimgħek titkellem hekk, kont nagħtik 20 sena anqas!

Fraternità: kelma sabiħa, imma mhux ikkowtata fis-suq tal-borża tal-valuri.  Hija kelma li mhix ikkwotata fil-borża tal-valuri.  Bejnietna l-fraternità hija diffiċli ħafna.  Il-fraternità presbiterali hi ħidma li trid issir kuljum.   Forsi bla ma biss nindunaw qed nirriskjaw li noħolqu immaġni ta’ saċerdot li jaf kollox, li m’għandux bżonn lil xi ħadd jgħidlu aktar: “jiena naf kollox, naf kollox”.  Illum it-tfal aktarx jgħidulek: “dan is-saċerdot hu google jew wikipedia!”  Jaf kollox.  U din hi realtà li tagħmel ħsara kbira lill-ħajja tal-presbiterat: l-awtosuffiċjenza.  Dan it-tip ta’ saċerdot jgħid: “Għalfejn noqgħod naħli l-ħin fil-laqgħat?....  U kemm drabi waqt il-laqgħat ikun qiegħed jitkellem ħija saaċerdot ieħor, u jien mehdi fi ħsibijieti, naħseb dwar x’għandi nagħmel għada...”

Jien inħalli l-mistoqsija: imma kieku l-isqof kellu jgħid: “Tafu li mis-sena d-dieħla għas-saċerdoti se tiżdied il-kontribuzzjoni bit-8%?”, allura l-aljenazzjoni mill-ewwel tgħib, għax tkun intqalet xi ħaġa li laqtet il-qalb!  Dan jintressak?  U dak li jkun qed jgħidlek dak is-saċerdot żgħażugħ jew dak is-sċerdot anzjan, jew dak is-saċerdot fl-età tan-nofs, ma jinteressakx?  Mistoqsija tajba li nistgħu nagħmlu lilna nfusna: waqt il-laqgħat, meta nibda nħossni xi ftit maqtugħ minn dak li jkun qiegħed jgħid l-ieħor, jew li ma jinteressanix, insaqsi lili nnifsi:  “Imma għaliex dan mhux qed jinteressani?  X’inhu dak li jinteressani?  Fejn hu l-bieb li jwassal għall-qalb dak ħija saċerdot li qed jitkellem u jirrakkonta ħajtu, li għalija hi għana?”  Il-fraternità saċerdotali hi verament għolja wieqfa!  Il-fraternità!  Nisimgħu lil xulxin, nitolbu flimkien....; u mbagħad nieklu ikla flimkien, nagħmlu festa flimkien.. għas-saċerdoti żgħażagħ, partita futbol flimkien....  Dan jagħmel tajjeb!  Jagħmel tajjeb.  Aħwa. Il-fraternità tant umana.  Mas-saċerdoti tal-presbiterju jsir dak li kont nagħmel jien ma’ ħuti: dan hu s-sigriet.  Imma hemm l-egoiżmu: irridu niksbu lura mill-ġdid is-sens ta’ fraternità illi.....iva, nitkellmu dwarha imma għadha ma daħlitx fil-qalb tal-presbiteri, ma niżlitx fil-fond biżżejjed.  F’xi wħud xi ftit, f’oħrajn anqas, imma trid tinżel aktar fil-fond.  Dak li jiġri lill-ieħor jolqot lili wkoll; dak li jgħid ħija s-saċerdot, jista’ jgħidu wkoll biex jgħinni nsolvi l-problema li għandi.  “Imma dak jaħsibha differenti minni...”  Isimgħu!  U ħu dak li jkun tajjeb għalik.  L-aħwa huma rikkezza għal xulxin.  U dan hu dak li jiftaħ il-qalb: nirkupraw is-sens tal-fraternità.  Hi ħaġa serja ħafna.  Aħna s-saċerdoti, aħna l-isqfijiet, m’aħniex il-Mulej.  Le.  Il-Mulej huwa Hmu.  Aħna d-dixxipli tal-Mulej, u rridu ngħinu lil xulxin.  Nillitikaw ukoll, kif kienu jillitikaw id-dixxipli meta kienu jiddiskutu bejniethom min kien l-akbar fosthom.  Nillitikaw ukoll.  Hu tajjeb li fil-laqgħat bejn is-saċerdoti tisa’ diskussjoni, għax jekk hemm id-diskussjoni hemm il-libertà, hemm l-imħabba, hemm il-fiduċja, hemm il-fraternità!  Tibżgħux.  Pjuttost għandna nibżgħu mill-maqlub ta’ dan: ma ngħidu xejn, imbagħad minn wara: “smajtu x’qal dak l-iblaħ?  Smajt x’ideat stravaganti?”  It-tgemgim, li nqaxxru lil xuxlin, ir-rivalità... Ngħidilkom ħaġa...Ħsibt tliet darbiet nistax ngħidha jew le.  Iva, nista’ ngħidha.  Ma nafx jekk għandix ngħidha imma nista’ ngħidha.  Intom tafu li biex ikun nominat isqof tintalab informazjzoni lis-saċerdoti u anki lill-fidili, lin-nisa konsagrati, dwar dan is-saċerdot, u fil-kwestjoarju li jibgħat in-Nunzju hemm miktub: “dan hu sigriet”.  Ma jista’ jingħad xejn lil ħadd, imma dan is-saċerdot hu wieħed mill-kandidati li jista’ jsir isqof.  U tintalab l-informazzjoni.  Xi drabi (fit-tweġibiet) jinstabu ċerti kalunnji jew opinjonijiet, mingħajr ma jkunu kalunji gravi, li jiżvalutaw il-persuna tas-saċerdot; u malajr tinduna li wara dak ikun hemm ir-rivalità, il-ġelosija, l-għira....  Meta l-fraternità saċerdotali hi nieqsa, ikun hemm – kelma iebsa – ikun hemm it-tradiment: ikun tradiment ta’ ħuk.  Ħuk ikun qed jinbigħ.  Biex nikber jien.  “Inqaxxru” lil ħuna.  Aħsbu, agħmlu eżami tal-luxjenza dwar dan.  Nitlobkom: kemm-il darba tkellimt fil-pożittiv, smajt sewwa, waqt xi laqgħa, lil ħuti s-saċerdoti li jaħsbuha differenti minni jew li m’għandix grazzja magħhom?  Kemm drabi, appena jibdew jitkellmu għalaqt widnejja?  U kemm-il darba ikkritikajthom, “nittifthom”, “skarnajthom” bil-moħbi?  Dan hu l-akbar għadu tal-fratellanza saċerdotali: it-tqassis minħabba l-għira, minħabba l-ġelosija jew għax ma jdoqqlix, jew għax jaħsibha xort’oħra minni.  B’hekk l-ideoloġija ssir aktar importanti mill-fraternità: aktar importanti l-ideoloġija mid-duttrina....  Imma fejn wasalna?  Aħsbu.  It-tqassis jew il-ġudizzju ħażin fuq ħutna hu “l-marda tal-klawsura”: aktar ma’ nkunu magħluqin fina nfusna u fl-interessi tagħna, aktar nikkritikaw lill-oħrajn.  U qatt m’għandna nippretendu li ngħidu bilfors l-aħħar kelma: l-aħħar kelma toħroġ waħedha, jew jgħidha l-isqof; imma jien ngħid tiegħi u nisma’ dik tal-oħrajn.

Imbagħad, meta jkun hemm xi saċerdoti morda, morda fiżikament, immorru nżuruhom, ngħinuhom.......  Imma agħar minn hekk, meta jkunu morda psikoloġikament; u meta jkunu morda moralment.  Nagħmel penitenza minħabba fihom?  Nitlob għalihom?  Nipprova nersaq lejhom biex nagħtihom daqqa t’id, biex nurihom il-ħarsa ta’ ħniena tal-Missier?  Jew mill-ewwel immur għand dak il-ħabib l-ieħor u ngħidlu: “Tafx?  Sirt naf li dak għandu dan, din, dak...” U “nħammġu” xi ftit aktar.  Imma jekk dak l-imsejken waqa’ vittma ta’ Satana, int trid tkompli tgħaffġu?  Dawn m’humiex ħrejjef: dan ġara, dan isir.

U minbarra dan, ħaġ’oħra li tista’ tkun ta’ għajnuna għalina hi l-għarfien li ħadd minna mhu kollox.   Ilkoll kemm aħna niffurmaw parti minn ġisem, il-ġisem ta’ Kristu, tal-Knisja, ta’ din il-Knisja partikolari.  U min jippretendi li hu kollox, li dejjem għandu raġun jew li jimmira li jkollu dak il-post jew l-ieħor, ikun qed jiżbalja.  Imma dan nitgħallmuh fis-seminarju.  Naf li hawn fostna superjuri tas-seminarji, min jieħu ħsieb il-formazzjoni, diretturi spiritwali.  Dan hu importanti ħafna.  Arċisqof tal-affari tiegħu minn tagħkom, il-Kardinal Canestri, kien jgħid li l-Knisja tixbaħ lil xmara: l-importanti hu li inti tkun fiha.  Tkun fin-nofs, jew imxaqleb lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, l-importanti hu li int ġewwa, dil-varjetà hija leċita.  L-importanti hu li tkun fix-xmara.  Ħafna drabi aħna nkunu rridu li x-xmara tidjieq lejn in-naħa tagħna biss u nikkundannaw lill-oħrajn... din mhix fraternità.  Ilkoll ġewwa x-xmara.  Ilkoll.  Dan jiġi mgħallem fis-seminarju.  U jien nagħti parir lid-diretturi tal-formazzjoni: jekk intom taraw seminarista bravu, inteliġenti, li jidher li hu bravu, huwa bravu imma pettegolu, keċċuh ‘il barra.  Għax wara dan se jkun ipoteka għall-fraternità presbiterali.  Jekk ma jirranġax ruħu, keċċuh ‘il barra.  Mill-bidu.  Hemm qawl, ma nafx kif inhu bit-Taljan: “rabbi ċ-ċawluni u jiklulek għajnejk”.  Jekk fis-seminarju inti trabbi “ċ-ċawluni” li “jqassu”, ikissru kull presbiterju, kull fraternità fil-presbiterju.

Imbagħad hemm ħafna “eżamijiet”: il-kappillan u l-viċi-kappillan, per eżempju.  Kultant jaqblu f’kollox b’mod naturali, huma tal-istess temperament; imma bosta drabi huma differenti, differenti ħafna minn xulxin, għax fix-xmara wieħed ikun dik in-naħa u l-ieħor din-naħa: imma lkoll ġewwa x-xmara.  Agħmlu ħilitkom biex tifhmu lil xulxin, biex tħobbu lil xulxin, biex titkellmu ma’ xulxin....  l-importanti hu li tkun fix-xmara.  Importanti li ma tqassasx fuq l-ieħor u tfittex l-għaqda.  U rridu nieħdu mingħand xulxin id-dwal, ir-rikkezzi, id-doni, il-kariżmi ta’ kull wieħed u waħda.  Dan importanti.  Il-Missirijiet tad-deżert jgħallmuna ħafna dwar dan: dwar il-fraternità, il-maħfra, l-għajnuna.  Darba waħda, xi rħib marru għand Abba Pfanuzio: kienu mħassbin minħabba dnub li għamel wieħed minn ħuthom, u marru għandu biex jitolbuh jgħinhom.  Imma, qabel ma marru għandu kienu qassu bejniethom dwaru ftit mhux ħażin.  U Abba Pfanuzio, wara li semagħhom, qalilhom: “Iva, jien rajt raġel fuq xatt ix-xmara li kien mgħaddas fit-tajn sa rkuptejh.  Xi wħud minn ħutu riedu jgħinuh u niżżluh ‘l isfel sa għonqu”.  Hemm ċerti “għajnuniet”  li jfittxu biss li jeqirdu mhux li jgħinu: huma biss travestiment tal-għajnuna.  Dan jiġri dejjem bit-tqassis.  Ħaġa li tista’ tgħinna bil-kbir, meta nsibu ruħna quddiem id-dnubiet jew l-azzjonijiet koroh ta’ ħutna, hwejjeġ li jfittxu t-tkissir tal-fraternità, hi  li nistaqsu lilna nfusna: “Kemm-il darba kont maħfur jiena?”  Dan jgħin.

Grazzi Don Pasquale.  U grazzi tal-attitudni żgħażugħa tiegħek.

Madre Rosangela Sala, Presidenta tal-USMI tal-Liguria

Missier, grazzi.  Jiena Swor Rosangela Sala mill-Istitut tas-Sorijiet tal-Immakulata u qed nirrappreżenta l-parti femminili tal-ħajja konsagrata tar-reġjun tal-Liguria.  Nafu li inti għandek esperjenza twila tal-ħajja konsagrata li għext f’sitwazzjonijiiet differenti u fi rwoli differenti.  X’tista’ tgħidilna biex aħna nkunu nistgħu ngħejxu ħajjitna b’intensità dejjem tiżdied lejn il-kariżma tagħna, lejn l-appostolat u lejn id-djoċesi tagħna, li hi l-Knisja?

Il-Papa Franġisku:

Grazzi, Madre. Jien lil Madre Rosangela ilni nafha s-snin.... Hi mara tajba, imma għandha difett. Nista’ ngħidu?  Issuq bil-140 fis-siegħa! (il-Papa jidħak u jidħak kulħadd ukoll). Tħobb tiġri, imma hi mara tajba.

Int għidt kelma li togħġobni ħafna, togħġobni ħafna: id-djoċesnità.  Aktar minn kelma hi dimensjoni, hi dimensjoni li nixtieq ngħaqqad mal-mistoqsijiet ta’ qabel.  Dimensjoni tal-ħajja tal-Knisja, għax id-djoċesanità ssalvana mill-astrazzjoni, min-nominaliżmu, minn fidi xi ftit njostika jew li tkun biss “ittir mal-arja”.  Id-djoċesi hija dik is-sezzjoni tal-Poplu t’Alla li għandha wiċċ.  Fid-djoċesi hemm il-wiċċ tal-poplu t’Alla.  Id-djoċesi għamlet, għadha tagħmel u għad tibqa’ tagħmel l-istorja.  Ilkoll kemm aħna għandna sehem mid-djoċesi.  U dan jgħinna biex il-fidi tagħna ma tkunx teorika, imma tkun prattika. U intom, persuni konsagrati rġiel u nisa, intom rigal għall-Knisja, għax kull kariżma, kull waħda mill-kariżmi, huma rigal għall-Knisja, għall-Knisja universali.  Imma dejjem interessanti tara kif kull waħda mill-kariżmi, il-kariżmi kollha, twieldu fi mkien konkret u marbut sfiq mal-ħajja ta’ dik id-djoċesi konkreta.  Il-kariżmi ma jitwieldux fl-arja, imma f’imkien konkret. Imbagħad il-kariżma tikber, tikber, tikber, u tikseb karattru universali ħafna; imma l-oriġini tagha huma dejjem konkreti.  Tajjeb nibqgħu niftakru li ma jistax ikun hemm kariżma bla ma jkun hemm esperjenza konkreta li twaqqafha, u li soltu, ma tkunx marbuta ma’ missjoni universali, iżda ma’ djoċesi, ma’ mkien konkret.  Imbagħad issir universali, imma fil-bidu, fl-għeruq tagħha....  Niftakru fil-Franġiskani.  Jekk xi ħadd jgħid: “Jien Franġiskan”, liema post jaqa’ f’moħħna?  Mill-ewwel: Assisi!  “Imma aħna universali!”  Iva, tinsabu kullimkien, minnu dan, imma hemm l-oriġini konkreta.  U biex tgħix il-kariżma bl-intensità jeħtieġ li tinkarnaha f’post konkret.

Il-kariżma għandha tkun inkarnata: titwieled fi mkien konkret u mbagħad tikber u tkompli tinkarna ruħha f’postijiet konkreti.  Iżda dejjem irridu nfittxu minn fejn twieldet, kif twieldet il-kariżma, f’liema belt, f’liema kwartier, minn liema fundatur, liema fundatriċi, kif ħadet suritha....  U dan jgħallimna nħobbu lin-nies tal-postijiet konkreti, inħobbu lin-nies konkretament,  ikollna ideali konkreti: il-konkretezza ttihilna d-djoċesanità.  Il-konkretezza lill-Knisja ttihiela d-djoċesanità.   Dan ma jfissierx li tinħonoq il-kariżma, le.  Dan jgħin lill-kariżma ssir aktar reali, aktar viżibbli, aktar qrib.  U mbagħad, kultant – normalment kull sitt snin – il-persuni konsagrati jiltaqgħu għall-kapitlu, u jkunu ġejjin minn konkretezzi differenti u dan ikabbar l-istituzzjoni. Iżda dejjem bl-għeruq fid-djoċesanità: fid-diversi djoċesijiet, fejn twieldet dil-kariżma, fejn marret.  Din hi l-konkretezza.  Meta l-universalità ta’ istituzzjoni reliġjuża, li tikber u tinfirex, tinsa tidħol fl-imkejjen konkreti, fid-djoċesijiet konkreti, dan l-Ordni reliġjuż fl-aħħar jinsa wkoll mnejn twieled, jinsa l-kariżma li waqqfitu.  Isir universali bħall-Ġnus Magħquda, per eżempju.  “Iva, ejjew nagħmlu laqgħa universali, ilkoll flimkien...”. Iżda dik il-konkretezza tad-djoċesanità hi nieqsa: fejn twieldet il-kariżma, u fejn resqet biex rabbiet l-għeruq f’dawk il-Knejjes partikolari. Ma jeżistux istituti reliġjużi fuq il-ġwienaħ!  U jekk xi ħadd għandu din l-idea, jispiċċa ħażin.  L-għeruq dejjem jinsabu fid-djoċesi.  U hawn jinsab il-qofol tar-relazzjoni mhux tant faċli bejn ir-reliġjużi rġiel u nisa konsagrati u l-isqfijiet.  Bħalissa għaddejja ħidma fuq proġett ġdid biex jitħejja d-dokument ġdid Mutuae relationes, li għandu 40 sena u wasal iż-żmien li jkun rivedut.  Għax il-konflitti dejjem hemm qegħdin, kunflitti ta’ tkabbir, kunflitti tajbin u oħrajn mhux tant tajbin.  Imma dan hu importanti: kariżma li tippretendi li ma tieħux bis-serjetà l-aspett tad-djoċesanità u tfittex il-kenn biss fl-aspetti ad intra, jwassalha għal spiritwlità awtoreferenzjali u mhux universali kif inhi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Dil-kelma għoġbitni ħafna, Madre: djoċesanità.  Fejn twieldet il-kariżma u fejn trabbi l-għeruq hi u tikber.

Aspett ieħor li nixtieq nisħaq dwaru hu d-disponibbiltà.  Disponibbiltà li mmoru lejn fejn hemm riskju akbar, fejn hemm l-aktar bżonn, fejn hemm l-aktar ħtieġa.  Mhux biex nikkuraw lilna nfusna: biex immorru nwasslu l-kariżma u ninfiltraw fejn hemm aktar ħtieġa.  Il-kelma li nuża spiss hi periferiji, imma jiena ngħid il-perfieriji kollha, mhux biss fejn hemm il-faqar, kollha.  Anki l-periferiji tal-ħsieb, kollha.  Ninfiltraw fihom.  U dawn il-periferiji huma mera tal-imkejjen fejn twieldet il-kariżma primordjali.  U meta ngħid disponinbillità, qed ngħid ukoll reviżjoni tal-ħidma.  Huwa minnu li xi kultant ir-reviżjoni ssir għax m’hemmx nies u x-xogħol xorta waħda jrid isir.  Imma anki meta hemm in-nies, nistaqsu lilna nfusna: il-kariżma tagħna meħtieġ f’din id-djoċesi, jew f’din il-parti tad-djoċesi?  Jew huwa aktar meħtieġ xi mkien ieħor u hawnhekk jista’ jkun hemm kariżma oħra biex tkun ta’ għajnuna?  Inkunu disponibbli biex immorru aktar ‘l hinn, dejjem aktar ‘l hinn: id-“Deus semper maior”.  Dejjem immorru aktar ‘l hinn.....  Inkunu disponibbli u ma nibżgħux mir-riskji; bil-prudenza tat-tmexxija, imma....  Dan hu importanti, dawn iż-żewġ affarijiet ikolli ngħid: djoċesanità u disponibbiltà.  Id-djoċesanità bħala riferiment għall-oriġini u wkoll id-disponibbiltà biex nikbru u ninfiltraw fid-djoċesi.  Jekk nerġa’ nuża l-kelma li għidt int, dan ikolli ngħid: djoċesanità. Grazzi.

P. Andrea Caruso, O.F.M. Capp.

Santità, jisimni fra Andrea Caruso, saċerdot tal-patrijiet Minuri Kapuċċini tal-Liguria.  Din hi l-mistoqsija: kif nistgħu ngħejxu u naffrontaw it-tnaqqis ġeneraliżżat tal-vokazjzonijiet għall-ħajja saċerdotali u għall-ħajja konsagrata?

Il-Papa Franġisku:

Grazzi.

Dwar il-Franġiskani jingħad li huma dejjem jinsabu f’laqgħa, u jingħad: “meta ma jkunux jiltaqgħu fil-kapitlu jkunu qegħdin f’xi frażi.  Dejjem jinsabu f’xi laqgħa, huma mlaqqgħin flimkien.

Għalhekk, in-nuqqas (ta’ vokazzjonijiet).   Hemm problema demografika: it-tnaqqis demografiku fl-Italja.  Hawnhekk ninsabu taħt iż-żero, u jekk ma jkunx hemm tfajlliet u ġuvintur, ma jistax ikun hemm vokazzjonijiet.  Kien aktar faċli jkun hemm il-vokazzjonijiet meta l-familji kienu aktar numerużi.  Hemm tnaqqis li hu wkoll konsegwenza tat-tnaqqis demografiku. Mhix ir-raġuni waħdanija, imma din irridu nżommuha quddiem għajnejna l-ħin kollu.  Aktar faċli li tgħix ma’ qattus jew ma’ kelb milli li tgħix mal-ulied.  Għax jien inkun ċert mill-imħabba programmata, għax mhumiex ħielsa, irrabbihom sa ċertu punt, hemm relazzjoni, inħoss li għandi kumpanija tal-qattus jew tal-kelb u mhux ta’ wliedi. Wieħed mill-assistenti tiegħi, li għandu tliet ulied, hekk jgħidli (il-Papa jidħak).  Iva, hekk hu.  F’kull epoka rridu naraw l-affarijiet li jiġru bħala pass tal-Mulej: illum il-Mulej  għaddej minn fostna u qed jagħmlilna dil-mistoqsija: “X’qed jiġri?” X’qed jiġri?  It-tnaqqis  hu realtà.  Imma jien nagħmel mistoqsija oħra: x’qed jgħidilna jew x’qed jitlob minna l-Mulej bħalissa?  Il-kriżi tal-vokazzjonijiet hi kriżi li tolqot il-Knisja kollha, il-vokazzjonijiet kollha: saċerdotali, reliġjużi, lajkali u matrimonjali....  Aħseb fil-vokazzjoni taż-żwieġ, li hi tant sabiħa.  Iż-żgħażagħ ma jiżżewġux, jgħixu flimkien, hekk jippreferu.  Hija kriżi trasversali u rridu naħsbu b’dal mod dwarha.  Kriżi trasversali.  Hija kriżi li tolqot lil kulħadd, anki l-vokazzjoni taż-żwieġ. Kriżi trasversali.  U minħabba f’hekk hu żmien li nistaqsu lilna nfusna, biex nistaqsu lill-Mulej u lilna nfusna: x’nistgħu nagħmlu? X’irridu nbiddlu?  Hemm ħtieġa li naffrontaw il-problemi; u  huwa obbligatorju li l-problemi jgħallmuna.  U aħna għandna nitgħallmu mill-problemi wkoll.  Infittxu tweġiba li ma tkunx waħda riduttiva, li ma tkunx tewġiba ta’ “kisba”.

Ħaġa kerha li ġrat fil-Knisja hawn fl-Italja – qed nitkellem bejn wieħed u ieħor dwar is-snin disgħin -: xi kongregazzjonijiet li ma kellhomx djar fil-Filippini, kienu jmorru u jġibu lit-tfajliet minn hemm, kienu “jfissduhom” u t-tfajliet kienu jiġu.  Tfajliet bravi, twajbin... Imbagħad il-biċċa l-kbira minnhom kienu jitilqu.  Niftakar fis-Sinodu ta-1994, kien hemm ittra mill-Isqfijiet tal-Filippini li kienet tipprojbixxi li jsir dan, u l-kongregazzjonijiet li m’għandhomx djar fil-Filippini ma jistgħux jagħmlu dan il-pass.  L-ewwel.  It-tieni: il-formazzjoni tal-bidu għandha ssir fil-pajjiż (il-pajjiż  tal-oriġini), imbagħad jista’ jkun li dak li jkun imjur f’xi pajjiż ieħor.  U, niftakar qiesu llum, jifhirli li kienet (il-gażżetta) “Corriere della Sera” li kellha titlu b’ittri kbar “It-traffikar tan-novizzi (nisa)”.  Kien skandlu.  Anki f’xi pajjiżi latinoamerikani. Qed niftakar f’kongregazzjoni..... Kienu jaqbdu l-karrozza u jmorru f’ċerti postijiet foqra, u jikkonvinċu lit-tfajliet biex jiġu Bueonos Aires ħalli jsiru novizzi, u dawn kienu jiġu.  U mbagħad l-affarijiet ma kienux jimxu sew.  U hawn fl-Italja, - f’Ruma – hi ċifra ta’ 15-il sena ilu, sirt nafha mingħand xi kongregazzjonijiet li kienu jmorru fil-pajjiżi eks-komunisti tal-Ewropa Ċentrali jfittxu l-vokazzjonijiet, lit-tfajliet, pajjiżi foqra... Kienu jiġu, imma ma kellhomx vokazzjoni, però ma kienux iridu jmorru lura; xi wħud kienu jsibu x-xogħol u oħrajn, imsejkna, kienu jispiċċaw fuq il-bankini.

Il-ħidma għall-vokazzjonijiet hija iebsa, imma jeħtieġ li ssir.  Hija sfida.  Għandna nkunu kreattivi fil-ħidma għall-vokazzjonijiet.  Xi jiem ilu kien hawn laqgħa – qabel il-kapitlu tagħkom fil-provinċja tal-Marche, kienu ġew għandi.  Kważi lkoll.  Qieshom biex jagħmlu kapitlu qabel il-kapitlu propja, mal-Papa.  Tant żgħażagħ!  “Kif għandkom daqstant vokazzjonijiet?” – “Ma nafx, nippruvaw ngħejxu ħajjtina kien riedna nagħmlu San Franġisk”.  Il-fedeltà lejn il-kariżma li waqqfithom.  U meta jkun hemm kongregazzjonijiet fidili għall-kariżma li waqqfithom, imma b’dik l-imħabba li turi l-attwalità ta’ dik il-kariżma, is-sbuħija, dan jattira.  U mbagħad ix-xhieda.  Jekk aħna rridu l-konsagrati nisa u rġiel, lis-saċerdoti, irridu nagħtu xhieda li aħna hienja, li aħna henjin.  U li se ntemmu ħajitna henjin b’dak li għażel Ġesù għalina.  Ix-xhieda tal-ferħ, anki bil-mod kif ngħejxu.  Hemm konsagrati nisa u rġiel, saċerdoti, isqfijiet Kristjani, imma jgħejxu bħall-pagani.  Żagħażugħ, żagħażugħa tal-lum jaraw u jgħidu: “Le, jien ma rridx hekk!”  U dan ibiegħed in-nies.  Imbagħad importanti l-konverżjoni pastorali u missjunarja.  Ħaġa li ż-żgħażagħ tal-lum ifittxuha ħafna hija l-missjonarjetà.  Iż-żelu appostoliku: li fix-xhieda jaraw ukoll żelu appostoliku kbir, li bniedem ma jgħixx għalih innifsu, li jgħix għal-ħaddieħor, illi jagħti ħajtu, jagħti ħajtu.  Darba – sirt nafha malli sirt isqof fl-1992 – kont naf kongregazzjoni ta’ sorijiet tal-post fejn kont, fil-kwartier, fiż-żona ta’ Buenos Aires fejn kont inservi bħala isqof awżiljarju, kienu qed jirranġaw id-dar.  Kellhom kulleġġ li kien għani ħafna, ħafna.  Kellhom il-flus.  U kellhom raġun: id-dar tas-sorijiet kellha bżonn ftit tar-restawr. Għamlu biċċa xogħol tajba: sal-kamra tal-banju privata.  Tajjeb – kont ħsibt – jekk tkun xi ħaġa sobrija, illum anki kumdità moderna hija importanti, ebda problema....  Imma spiċċaw biex għamlu palazz lussus, għas-sorijiet.  U wkoll – qed nitkellem dwar l-1992, illum forsi wieħed jifhimha aktar, ma nafx, forsi jkun aċċettat u ma jiskandaliżża lil ħadd – fil-kamra ta’ kull soru kien hemm it-televixin.  X’kien ir-riżultat?  Mis-sagħtejn sal-erbgħa ta’ waranofsinhar, fil-kulleġġ ma kontx issib soru waħda; kull waħda minnhom kienet tkun fil-kamra tagħha tara t-telenovela.  Il-mondanità spiritwali.  U n-nies, iż-żgħażagħ jitolbu xhieda awtentika, żelu appostoliku, armonija mal-kariżma. U aħna wkoll għandna nindunaw li b’din l-imġieba nkunu aħna stess li nipprovokaw ċerti kriżijiet vokazzjonali.  Konna aħna stess.  Hemm bżonns ta’ konverżjoni pastorali, konverżjoni missjunarja.  Nistedinkom taqbdu f’idejkom il-passaġġi tal-Evangelii Gaudium, li jitkellmu dwar dan, dwar il-ħtieġa tal-konverżjoni missjunarja, u din hi xhieda li tattira l-vokazzjonijiet.

Imbagħad il-vokazzjonijiet jiġu, Alla jtiholmna.  Imma jekk int – patri jew persuna konsagrata jew soru – dejjem għandek x’tagħmel u m’għandekx ħin tisma’ liż-żgħażagħ li jiġu għandek, u anki ‘l dawk li ma jiġux... “Iva, iva, għada...”  Għaliex?  Iż-żgħażagħ “idejquk”, dejjem ġejjin bl-istess mistoqsijiet... jekk int m’għandekx ħin, mur fittex persuna oħra li tkun tista’ tisma’.  Nisimgħuhom.  U mbagħad, iż-żgħażagħ dejjem f’moviment: irridu nindrizzawhom lejn triq missjunarja.  Erbgħat ijiem vaganzi: nistedinkom, ejjew immorru nagħmlu missjoni żgħira f’dak il-post, f’dak il-villaġġ jew immorru nbajjdu l-iskola ta’ dak il-psot żgħir għax maħmuġa kollha...  U ż-żgħażagħ mill-ewwel jitilqu.  U meta nagħmlu dawn l-affarijiet, il-Mulej ikellimhom.  Ix-xhieda.  Dan hu l-muftiħ.  Din hi ċ-ċavetta.

X’jaħseb żagħażugħ meta jara saċerdot, bniedem konsagrat jew konsagrata?  L-ewwel ħaġa li jaħseb hi jekk hemmx xi moviment tal-Ispirtu: “jien irrid inkun bħal dik, bħal dak”.  Hemmhekk hemm iż-żerriegħa’.  Tinbet mix-xhieda.  “Jien qatt ma rrid inkun bħal dak!”  Hija l-kontrotestimonjanza.  Ix-xhieda tingħata mingħajr kliem.

U ntemm bi storja.  Fiż-żona ta’ Buenos Aires, fejn kont isqof awżiljarju, hemm ħafna sptarijiet, imma fihom kollha hemm is-sorijiet.  U f’wieħed minnhom li kien qrib il-vikarjat, kien hemm tliet sorijiet Ġermaniżi anzjani ħafna, morda, minn kongregazzjoni li ma kellhiex nies aktar x’tibgħat.  U l-Madre Ġenerali, b’sens ta’ għaqal, sejħitilhom lura: kienet deċiżjoni prudenti, meħuda bit-talb wara diskussjoni mal-isqof... ħaġa magħmula sewwa.  U wieħed saċerdot qal: “Jiena naf lill-Madre Ġenerali ta’ istitut Korejan f’Suel, tas-Sagra Familia ta’  Suel.  Nista’ niktbilha”.  Kitbilha.  “Tajjeb, tajjeb”.  U fl-aħħar, wara erba’ xhur, waslu tliet sorijiet Korejani.  Waslu t-Tnejn – biex ngħiduha – it-Tlieta rranġaw ftit l-affarijiet tagħhom u l-Erbgħa niżlu fis-swali.  Korejani mingħajr ma jafu kelma bl-Ispanjol.  Wara ftit jiem, il-morda kienu kollha kuntenti: “Kemm huma bravi dawn is-sorijiet!  Imma kemm hu sabiħ dak li qed jgħidu!” – “Imma kif – ngħid jien - dak li qed jgħidu jekk ma jafux kelma waħda bl-Ispanjol?” – “Le, le, imma t-tbissima, jaqbdulek idejk, u jmellsuk ftit....” Il-lingwaġġ tal-ġesti!  Imma fuq kollox il-lingwaġġ tax-xhieda tal-imħabba!  Ara, anki mingħajr kliem tista’ tiġbed in-nies lejk.  Ix-xhieda hi deċisiva fil-vokazzjonijiet: hija deċisiva.

Grazzi għal dak li tagħmlu!  Grazzi ħafna!

Nitlobkom titolbu għalija.  Irroddilkom ħajr għall-ħajja konsagrata tagħkom, għall-ħajja presbiterali tagħkom.  U ‘l quddiem, nibqgħu mexjin ’il quddiem, ‘il quddiem, għax il-Mulej hu kbir u jtina l-ulied u n-neputijiet fil-kongregazzjonijiet tagħna u fid-djoċesijiet tagħna!

Grazzi.

U issa se ntikom il-barka, u komplu mexjin ’il quddiem bil-kuraġġ!  U nixtieq insellem lill-erba’ li kellhom il-kuraġġ li jagħmu l-mistoqsijiet.

[Barka]

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber