1) L-imprenditur Ferdinando Garré mid-distrett tat-Tiswija tal-Vapuri

Fix-xogħol tagħna nsibuna qed nitqabdu kontra tant ostakli – il-burokrazija żejda, il-lajma biex jittieħdu deċiżjonijiet pubbliċi, in-nuqqas ta’ servizzi u infrastrutturi xierqa – li spiss ixekkluna milli nagħtu l-aħjar enerġiji tagħna lil dil-belt. Aħna naqsmu din il-mixja impenjattiva ta’ kuljum flimkien mal-kappillan tagħna u nirċievu inkuraġġiment mingħand l-Arċisqof, il-Kardinal Angelo Bagnasco.  Qed induru lejk, Santità, biex nitolbuk kelma ta’ qrubija.  Kelma li tfarraġna u tinkuraġġina, quddiem l-ostakli li ta’ kuljum inħabbtu wiċċna magħhom aħna l-imprendituri.

Il-Papa Franġisku

Il-jum it-tajjeb lil kulħadd!

Din hija l-ewwel darba li ninsab f’Genova u li ninsab daqstant viċin tal-port minn fejn telaq missieri.......  Dan inissel fija emozzjoni kbira.  U grazzi tal-laqgħa tagħkom. is-Sur Ferdinando Garré: jien kont nafhom il-mistoqsijiet u għal xi wħud minnhom ktibt xi ideat biex inweġibhom: u għandi l-pinna f’id wkoll biex nieħu nota ta’ xi ħaġa li tiġini f’moħħi biex inwieġeb.  Imma għal dawn il-mistoqsijiet dwar id-dinja tax-xogħol ridt naħseb tajjeb biex inwieġeb tajjeb, għax illum ix-xogħol jinsab f’riskju.  Ninsabu f’dinja li fiha x-xogħol mhux meqjus bid-dinjità li għandu u li jagħti.  Għaldaqstant se nwieġeb b’dak li ħejjejt u b’xi ħaġ’oħra li nżid jien u nwieġeb.

Ejjew nagħmlu premessa.  Il-premessa hi: id-dinja tax-xogħol hi prijorità umana.  Għalhekk, hija prijorità Kristjana, prijorità tagħna, u prijorità tal-Papa wkoll.  Għax imnissla minn dak l-amar li Alla ta lil Adam: “Mur, kabbar l-art, aħdimha, aħkimha”.  Minn dejjem kien hemm ħbiberija bejn il-Knisja u x-xogħol, ibda minn Ġesù ħaddiem.  Fejn hemm ħaddiem, hemmhekk hemm l-interess u l-ħarsa ta’ mħabba tal-Mulej u tal-Knisja.  Naħseb li dan hu ċar.  Sabiħa ħafna dil-mistoqsija li ġejja minn imprenditur, minn inġinier; mill-mod kif qed jitkellem dwar l-azjenda joħorġu l-virutwjiet tipiċi tal-imprenditur.  U minħabba li dil-mistoqsija qed jagħmilha imprenditur, nitkellmu dwarhom.   Il-kreattività, l-imħabba għall-kumpanija, il-ħerqa u s-sens ta’ kburija għall-opra tal-idejn u għall-intelliġenza tiegħu u tal-ħaddiema. L-imprenditur huwa figura fundamentali f’kull ekonomija tajba: m’hemmx ekonomija tajba mingħajr imprenditur tajjeb.  M’hemmx ekonomija tajba mingħajr imprendituri tajbin, mingħajr il-ħila tagħkom li toħolqu, toħolqu x-xogħol, toħolqu l-prodotti.  Minn kliemek tfeġġ ukoll l-istima li għandek lejn il-belt – dan jinftiehem tajjeb – għall-ekonomija tagħha, għall-kwalità tal-persuna tal-ħaddiema, u wkoll għall-ambjent, il-baħar.....  Importanti nagħtu għarfien lill-ħiliet tal-ħaddiema rġiel u nisa.  Il-ħtieġa tagħhom – tal-ħaddiema rġiel u nisa – u l-ħtieġa li x-xogħol isir sewwa għax ix-xogħol hekk għandu jsir.  Kultant naħsbu li x-xogħol isir tajjeb għax il-ħaddiem jitħallas: dan hu nuqqas ta’ stima kbira lejn il-ħaddiem u lejn ix-xogħol, għax jiċħad id-dinjità tax-xogħol, li tibda propju min xogħol tajjeb għad-dinjità, għall-unur.  L-imprenditur veru jaf lill-ħaddiema tiegħu – se nipprova nagħmel profil tal-imprenditur it-tajjeb – l-imprenditur veru jaf lill-ħaddiema tiegħu, għax jaħdem qribhom, jaħdem magħhom.  Ma ninsewx li qabel kollox, l-imprenditur huwa ħaddiem.  Jekk hu m’għandux din l-esperjenza tad-dinjità tax-xogħol, ma jistax ikun imprenditur tajjeb.  Jaqsam it-tbatijiet mal-ħaddiema tiegħu u jaqsam magħhom il-ferħat tax-xogħol, li flimkien magħhom isolvi l-problemi, li joħolqu xi ħaġa flimkien. Jekk u meta jkollu jissensja lil xi ħadd hija għalih dejjem għażla li tnikktu u, jekk ikun possibbli, dal-pass ma jagħmlux.  Ebda imprenditur tajjeb ma jieħu gost jissensja ‘l niesu – le, min jaħseb li se jsolvi l-problema tal-impriża billi jisensja l-ħaddiema, mhuwiex imprenditur tajjeb, hu negozjant, illum ibigħ lil niesu, u għada jbigħ id-dinjità tiegħu – jitnikket dejjem, u kultant minn din is-sofferenza jinbtu idejat ġodda biex tkun evitata s-sensja.  Dan hu l-imprenditur it-tajjeb.  Niftakar, kważi sena ilu, xi ftit anqas, waqt il-Quddiesa f’Santa Marta, fis-7.00 ta’ filgħodu, jien u ħiereġ, insellem lin-nies li jkunu hemmhekk, u resaq lejja raġel.  Kien qed jibki.  Qalli:  Ġejt nitlob grazzja: wasalt fit-tarf u se jkolli niddikjara falliment.  Dan ifisser li nagħti s-sensja lil madwar sittin ħaddiem, u ma rridx, għax inħoss li nkun qed nagħti s-sensja lili nnifsi.  U dak ir-raġel kien qed jibki. Dak hu imprenditur tajjeb.  Kien jitqabad u jitlob għal niesu, għax kien iħosshom “tiegħu”:  “Hi l-familja tiegħi”.  Huma ħaġa waħda.....

Marda tal-ekonomija hi t-trasformazzjoni progressiva tal-imprendituri fi spekulaturi.  L-imprenditur u l-ispekulatur m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin, huma żewġ tipi differenti.  M’għandniex infixklu bejn l-imprenditur u l-ispekulatur: l-ispekulatur hu figura li jixbaħ lil dak li Ġesù, fl-Evanġelju jsejjaħlu “merċenarju”, bħala kuntrast mar-Ragħaj it-Tajjeb.  L-ispekulatur ma’ jħobbx lill-impriża tiegħu, ma jħobbx lill-ħaddiema, imma jara l-impriża tiegħu u lill-ħaddiema bħala meżżi li bihom jagħmel il-profitt.  Jisfrutta, juża l-impriża u lill-ħaddiema biex jagħmel il-profitt.  M’hi ebda problema għalih jissensja, jagħlaq, jibdel il-post tal-impriża tiegħu għax l-ispekultur juża, jistrumentaliżża, “jiekol” lill-persuni u l-meżżi biex jilħaq l-għan tiegħu li jagħmel il-qligh.  Meta fl-ekonomija jkunu jgħixu imprendituri tajbin, l-impriżi huma ħbieb tan-nies u tal-foqra wkoll.  Kollox jirvina ruħu meta jaqa’ f’idejn l-ispekulaturi.  Bl-ispekulatur, l-ekonimija titlef wiċċha u titlef l-uċuħ.  Hi ekonominja mingħajr wiċċ. Ekonomija astratta.  Fid-deċiżjonijiet li jieħu l-ispekulatur m’hemmx il-persuni, għalhekk il-persuni ssensjati, li se jitnaqqsu, ma jidhrux.  Meta l-ekonomija titlef il-kuntatt mal-uċuħ konkreti tan-nies, issir hi stess ekonomija mingħajr wiċċ u għalhekk ekonomija mingħajr skrupli.  Irridu nibżgħu mill-ispekulaturi mhux mill-imprendituri: le, tibżgħux mill-imprendituri għax hawn ħafna minnhom li huma tajbin!  Le.  Ibżgħu mill-ispekulaturi.  Imma paradossalment, xi drabi s-sistema politika donnha tinkoraġġixxi lil min jispekula fuq ix-xogħol u mhux lil min jinvesti u jemmen fix-xogħol.  Għaliex?  Għax titlaq mill-ipotesi li l-atturi tal-ekonomija huma spekulaturi u toħloq burokrazija u kontrolli, u b’hekk min mhux (spekulatur) ikollu svantaġġ u min hu spekulatur isib il-meżżi biex jevita l-kontrolli u jilħaq l-għanijiet tiegħu.  Hu magħruf li r-regolamenti u l-liġijiet maħsubin għad-diżonesti jispiċċaw biex jippenaliżżaw lill-onesti.  U llum hawn tant imprendituri veri, imprendituri onesti li jħobbu lill-ħaddiema tagħhom, li jħobbu l-impriża tagħhom, li jaħdmu spalla ma’ spalla mal-ħaddiema biex imexxu ‘l quddiem l-impriża, u dawn huma aktar svantaġġjati minħabba l-politka li tiffavorixxi lill-ispekulaturi. Imma l-imprendituri onesti u esperti jibqgħu jirsistu sal-aħħar, minkejja kollox.  Rigward dan nieħu gost insemmi sentenza sabiħa ta’ Luigi Einaudi, ekonomista u president tar-Repubblika Taljana. Kien jiteb: “Eluf, miljuni, ta’ individwi jadħmu, jipproduċu u jġemmgħu minkejja dak kollu li aħna nistgħu nivvintaw biex nagħmlulhom il-ħsara, infixkluhom, niskoraġġuhom.  Hija l-vokazzjoni naturali li timbuttahom, mhux l-għatx għall-qligħ biss.  Il-gost, il-kburija li jaraw l-azjenda tagħhom twarrad, tikseb il-kreditu, tispira l-fiduċja fi klijentela dejjem akbar, iżżid il-makkinarju, dawn huma molla ta’ progress qawwija daqskemm hu qawwi l-qligħ.  Kieku ma kienx hekk ma jkunx jagħmel sens li ssib imprendituri li fl-azjenda tagħhom jitfgħu l-enerġiji kollha tagħhom u jinvestu l-kapitali kollha tagħhom biex jiksbu qligħ ferm anqas milli kienu jistgħu jiksbu bil-kumdità, minn impenji oħra.  Għandhom dik il-mistika tal-imħabba.......

Irroddlok ħajr għal dak li għidt, għax int rappreżentant ta’ dawn l-imprendituri.  Oqgħodu attenti, intom imprendituri u intom ukoll, ħaddiema: oqgħodu attenti mill-ispekulaturi.  U ħarsu lilkom infuskom ukoll mir-regoli u l-liġijiet li fl-aħħar mill-aħħar jiffavorixxu lill-ispekulaturi u mhux lill-imprendituri veri.  U li fl-aħħar iħallu n-nies mingħajr xogħol.  Grazzi.

2) Micaela, rappreżentanta sindakali

Illum qed nerġgħu nitkellmu dwar l-industrija minħabba r-raba’ rivoluzzjoni idustrijali jew industrija 4.0.  Tajjeb: id-dinja tax-xogħol hi mħejjija taċċetta sfidi produttivi ġodda li jġibu l-ġid.  Il-preokkkupazzjoni tagħna hi li din il-fruntiera tekonoloġika u l-irkupru ekonomiku u produttiv li ħin jew ieħor irid jasal, mhux talli ma jġibux magħhom opportunitajiet ta’ xogħol ġodda u ta’ kwalità, tali jkunu kontribut biex tiżdied il-prekarjetà u l-iskumdità soċjali.  Iżda l-vera rivoluzzjoni tal-lum aktarx tkkun li tittrasforma l-kelma “xogħol” f’forma konkreta ta’ “fidwa soċjali”.

Il-Papa Franġisku:

Fil-bidu qed jiġini f’moħħi li nwieġeb bi ftit logħob bil-kliem..... Int temmejt bil-kelma “riskatt soċjali” u qed indawwarah f’”rikatt soċjali”.  Dan li se ngħid issa hu minnu, ġara fl-Italja madwar sena ilu.  Kien hemm kju ta’ nies bla xogħol li kienu qed ifittxu mpieg, xogħol interessanti f’uffiċċju.  It-tfajla li rrakkuntatli dan – tfajla istruwita, titkellem b’lingwi differenti, ħaġa li kienet importanti għal dak ix-xogħol – qalulha: “iva tgħodd għalina....; trid taħdem 10-11-il siegħa kuljum...” – “iva, iva!” –wieġbet pront hi, għax kellha bżonn taħdem. – “U tibda – jidhrili li qalu, marridx niżbalja, imma mhux aktar minn - €800 fix-xahar”.  U hi wieġbet: “Kif.. 800 biss?  11-il siegħa?”  U dak ir-raġel – l-ispekulatur, ma kienx imprenditur, l-impjegat tal-ispekulatur – qalilha: “Sinjorina, ħares warajk xi kju hemm: jekk ma jogħġbokx, itlaq”.  Dan mhux riskatt imma rikatt!

Issa se ngħid dak li kont ktibt, imma l-aħħar kelma li għidtli fakkritni f’dal-episodju.  Ix-xogħol prekarju.  Persuna oħra irrakkuntatli li għandha xogħol, imma bejn Settembru u Ġunju; tingħata s-sensja f’Ġunju, u terġa’ tkun impjegata f’Ottubru jew Settembru.  U hekk hi l-logħoba.... ix-xogħol prekarju.

Ilqajt il-proposta li nagħmel dil-laqgħa llum, f’post tax-xogħol u tal-ħaddiema, għax dawn ukoll huma mkejjen tal-poplu t’Alla.  Id-djalogi fil-postijiet tax-xogħol m’huma xejn anqas importanti mid-djalogi li nagħmlu fi ħdan il-parroċċi jew fis-swali solenni tal-konvenji, għax l-imkejjen tal-Knisja huma l-imkejjen tal-ħajja u għalhekk huma wkoll il-pjazzez u l-fabbriki.  Għax xi ħadd jista’ jgħid: “Imma dal-qassis x’ġie jgħidilna?  Għax ma jmurx f’xi parroċċa!”  Le, id-dinja tax-xogħol hi d-dinja tal-poplu t’Alla: ilkoll kemm aħna, niffurmaw il-Knisja, ilkoll poplu t’Alla.  Ħafna mil-laqgħat bejn Alla u l-bnedmin, li jitkellmu dwarhom il-Bibbja u l-Evanġelji, seħħew waqt li n-nies kienu qed jaħdmu: Mosè sama’ leħen Alla jsejjaħlu u jirrivelalu ismu waqt li dan kien qed jirgħa l-merħla tal-kunjatu; l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù kienu sajjieda u jissejhu waqt li kienu jaħdmu fix-xatt tal-għadira.  Hu verament minnu dak li qed tgħid int: in-nuqqas ta’ xogħol hu xi ħaġa ferm akbar minn sempliċi nuqqas ta’ għajn ta’ dħul biex bniedem ikun jista’ jgħix.  Ix-xogħol huwa dan ukoll, imma huwa ferm u ferm aktar.  Bix-xogħol aħna nsiru persuni aħjar, l-umanità tagħna twarrad, iż-żgħażagħ isiru adulti permezz tax-xogħol biss.  Id-Duttrina Soċjali tal-Knisja dejjem ħarset lejn ix-xogħol uman bħala parteċipazzjoni fil-ħolqien li jibqa’ għaddej ta’ kuljum, anki bis-saħħa tal-idejn, tal-moħħ u tal-qalb tal-ħaddeima.  Fid-dinja ftit huma l-ferħat akbar minn dawk li nġarrbu aħna w naħdmu, daqskemm ftit hemm tabtijiet akbar mit-tbatijiet tax-xogħol, meta x-xogħol jisfrutta, jgħaffeġ, jumilja, jolqtol.  Ix-xogħol jista’ jġib ħafna deni daqskemm jista’ jagħmel ħafna ġid.  Ix-xogħol hu ħabib tal-bniedem u l-bniedem hu ħabib tax-xogħol, u għalhekk mhux faċli li wieħed jara x-xogħol bħala għadu, għax jippreżenta ruħu qiesu xi persuna midħla, anki meta jolqotna u jferina.  Il-bnedmin jitmantnew bix-xogħol: bix-xogħol huma “magħqudin fid-dinjità”.  Għal dir-raġuni il-patt soċjali kollu kemm hu jinbena madwar ix-xogħol.  Dan hu l-qofol tal-problema.   Għax meta bniedem ma jkunx jaħdem, jaħdem ħażin, jaħdem ftit jew jaħdem iżżejjed, hija d-demokrazija li tidħol fi kriżi, dan hu l-patt soċjali kollu.  U f’das-sens ukoll, l-ewwel artiklu tal-Kostituzzjoni Taljana, hu sabiħ ħafna: “L-Italja hi repubblika demokratika, mibnija fuq ix-xogħol”.  Fuq din il-bażi nistgħu ngħidu li meta lin-nies neħdulhom ix-xogħol jew meta nisfruttaw lin-nies b’xogħol bla dehen jew imħallas ħażin, jew b’kull mod ieħor, dan hu anti-kostituzzjonali.  Kieku ma kinitx imwaqqfa fuq ix-xogħol, ir-Repubblika Taljana ma kinitx tkun demokrazija,  għax il-post tax-xogħol ikunu akkapparrawh jew ikun dejjem baqa’ f’idejn il-privileġġi, il-kasti, il-qligħ.  Allura jeħtieġ inħarsu mingħajr biża’, imma bir-responsabbiltà, lejn it-trasformazzjonijiet teknoloġiċi tal-ekonomija u tal-ħajja mingħajr ma nirrassenjaw ruħna għall-ideoloġija li qed taqbad l-art kullimkien, dik li timmaġina d-dinja fejn nofs jew forsi żewġ terzi  tal-ħaddiema jkunu jaħdmu, filwaqt li l-oħrajn jingħataw il-manteniment bl-għajnuna soċjali.  Għandu jkun ċar li l-veru għan li jrid jintlaħaq mhuwiex “id-dħul għal kulħadd”, imma “x-xogħol għal kulħadd!”.  Għaliex mingħajr xogħol, mingħajr xogħol għal kulħadd ma jkun hemm dinjità għal ħadd.  Ix-xogħol tal-lum u ta’ għada se jkun differenti, forsi differenti ħafna – niftakru fir-rivoluzzjoni industrijali – kien hemm tibdil kbir; hawnhekk ukoll se jkun hawn rivoluzzjoni – se jkun differenti mix-xogħol tal-bieraħ, imma għandu jkun xogħol, mhux pensjoni, mhux pensjonanti imma xogħol.  Il-pensjoni tintlaħaq fl-età li jixraq, imma hu kontra d-dinjità tal-persuni li jsiru pensjonanti ta’ 35 jew 40 sena, jingħataw ċekk mill-Istat..... u mbagħad irranġa.  “Imma għandi biex niekol?”  Iva.  Għandi biżżejjed biex immantni l-familja tiegħi b’dan iċ-ċekk.  Bla xogħol, wieħed jista’  jgħix kemm kemm jgħaddi; imma biex wieħed jgħix jeħtieġ ix-xogħol.  L-għażla hi bejn l-għajxien u l-għajxien kemm kemm tkampa.  U hemm bżonn tax-xogħol għal kulħadd.  Tafu kemm hi l-perċentwali taż-żgħażagħ taħt il-25 sena li jinsabu bla xogħol fl-Italja?  Jien mhix se ngħidha, fittxu l-istatistika.  U din hi ipoteka fuq il-futur.  Għax dawn iż-żgħażagħ jikbru mingħajr dinjità, għax mhumiex “midluka” mix-xogħol li hu l-fattur li jagħti d-dinjità.  Imma l-qofol tal-mistoqsija hu dan: ċekk ta’ darba f’xahar mill-Istat li jtik iċ-ċans li tmexxi l-familja ma jsolvix il-problema.  Il-problema trid tinħall bix-xogħol għal kulħadd. Jidhrili li weġibtek xi ftit jew wisq.....

3) Ħaddiem li qed jagħmel mixja ta’ formazzjoni mnedija mill-Kappillani

Mhux rari ħafna li fl-ambjenti tax-xogħol jiddominaw il-kompetizzjoni, il-karriera, l-aspetti ekonomiċi filwaqt li x-xogħol huwa okkażjoni privileġġjata ta’ xhieda u tħabbir tal-Evanġelju, li jingħex billi naddottaw atteġġjamenti ta’ fraternità, kollaborazzjoni u solidarjetà.  Nitolbuk, Santità, ittina ftit pariri kif nistgħu nimxu aħjar lejn dawn l-ideali.

Il-Papa Franġisku:

Il-valuri tax-xogħol qed jinbidlu b’rata mgħaġġla ħafna, u bosta minn dawn il-valuri ġodda tal-impriżi l-kbar u tal-finanza ewlenija mhumiex valuri li jimxu mad-dimensjoni umana, u għalhekk mal-umaneżmu Kristjan.  L-enfasi fuq il-kompetizzjoni fi ħdan l-impriża, minbarra li hu żball antropoloġiku u Kristjan, huwa wkoll żball ekonomiku, għax jinsa li l-impriża hi qabel kollox, koperazzjoni. Għajnuna, assistenza reċiproka u reċiproċità.  Meta impriża, xjentifikament toħloq inċentivi individwali li jdaħħlu lill-ħaddiema f’kompetizzjoni bejniethom, aktarx għal medda ta’ żmien mhux twil  jista’ jġib xi vantaġġi, imma maljar jispiċċa biex idgħajjef il-fiduċja li hi r-ruħ ta’ kull organiżżazzjoni.  U hekk, meta tfaqqa’ xi kriżi, l-ażjenda ssir żigarelli u timplodi, għax ma jkun hemm ebda ħabel li jżommha marbuta.  Irridu nistqarru b’forza li dil-kultura kompetittiva bejn il-ħaddiema fi ħdan l-impriża hija żball u għalhekk, hija viżjoni li għandha tinbidel jekk irridu l-ġid tal-impriża, tal-ħaddiema u tal-ekonomija.  Dan hu valur ieħor, li fil-fatt huwa kwalità negattiva li jissarraf f’leġittimazzjoni etika tad-diżugwaljanza.  Il-kaptialiżmu l-ġdid imsejjes fuq il-meritokrazija jagħti bixra morali lid-diżugwaljanza, għaliex it-talenti tal-persuni ma jinterpretahomx bħala “don”: skont din l-interpretazzjoni t-talent mhux don: huwa mertu li jiddetermina lil-“meritokrazija” tant mogħtija ġieħ.  Il-meritokrazija ssaħħar bil-bosta għax tuża kelma sabiħa ħafna: “il-mertu”, imma minħabba li tistrumentaliżżaha u tużaha b’mod ideoloġiku, tgħawweġ (it-tifsira tagħha) u tippervertiha.  Lil hinn mill-intenzjonijiet tajbin tal-ħafna li jinvokawha, il-meritokrazija tgħammar f’sistema ta’ vantaġġi u svantaġġi kollettivi.  U b’hekk, jekk żewġt itfal jitwieldu b’talenti differenti minn xulxin jew opportunitajiet soċjali u ekonomiċi differenti, id-dinja tal-ekonomija taqra dawn it-talenti differenti bħala ‘mertu’ u tibda’ tħallashom b’mod differenti minn xulxin.  U hekk, meta dawk iż-żewġt itfal isiru pensjonanti, id-diżugwaljanza bejniethom timmoltiplika ruħha. Il-fqir jitqies li ma ħaqqux u għalhekk isir ħati.  U jekk il-faqar hu ħtija tal-fqir, is-sinjuri jkunu meħlusin milli jagħmlu xi ħaġa.  Din hi l-loġika antika tal-ħbieb ta’ Ġob li riedu jikkonvinċuh li x-xorti ħażina li missitu kienet ħtija tiegħu.  Imma din mhix il-loġika tal-Evanġelju, mhix il-loġika tal-ħajja: għaliex fl-Evanġelju, il-meritokrazija nsibuha fil-figura tal-iben il-kbir tal-parabbola tal-iben il-ħali.  Hu jiddisprezza ‘l ħuh iż-żgħir u jidhrilu li dan għandu jibqa’ fl-stat ta’ bniedem fallut għax hekk kien ħaqqu: iżda l-missier jifhem li ebda wieħed minn uliedu ma jistħoqqlu l-ġandar tal-ħnieżer.

4) Vittoria, persuna bla xogħol

Aħna n-nies bla xogħol li l-istituzzjonijiet mhux biss inħossuhom bogħod minna imma nħossuhom ukoll qishom “il-mara ta’ missieri” (matrigna) aktar moħħhom biex jgħinu passivament milli biex jimpenjaw ruħhom ħalli joħolqu l-kundizzjonijiet li jgħinu l-ħolqien tax-xogħol.  Huwa ta’ faraġ għalina iż-żelu li bih il-Knisja tersaq lejna u l-akkoljenza li kull wieħed u waħda minna nsibu fid-dar tal-Kappillani.  Santità, fejn nistgħu nsibu l-forza biex nibqgħu nemmnu fina nfusna u ma nċedu qatt minkejja dan kollu?

Il-Papa Franġisku:

Eżattament hekk hu!  Min jitlef ix-xogħol u ma jirnexxilux isib xogħol tajjeb ieħor, iħoss li tilef id-dinjità, kif jitlef id-dinjità wkoll min għall-ħtieġa, hu mġiegħel jaċċetta xogħol mhux dinjituż jew żbaljat.  Mhux ix-xogħol kollu hu tajjeb: għad hawn wisq xogħolijiet koroħ u bla dinjità.  Mhux ix-xogħolijiet kollha huma tajbin: għad hawn ħafna xogħolijiet koroħ u bla dinjità, fit-traffikar illegali tal-armi, fil-pornografija, fil-logħob tal-ażżard u f’dawk l-impriżi kollha li ma jirrispettawx id-drittijiet ta-ħaddiema jew tan-natura.  Bħalma hu ħażin ix-xogħol ta’ min hu mħallas tajjeb ħalli ma jkollux ħinijiet, limiti, distinzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja għax ħajtu kollha ssir xogħol.  Paradoss tas-soċjetà tagħna hu l-preżenza ta’ għadd jiżdied ta’ persuni li jridu jaħdmu u ma jirnexxilhomx, u oħrajn li jaħdmu żżejjed, li jixtiequ jaħdmu anqas u ma jistgħux għax “inxtraw” mill-impriżi.  Iżda x-xogħol isir “ħija x-xogħol” meta flimkien miegħu ikun hemm il-ħin fejn ma jsirx xogħol, iż-żmien tal-festa.  L-ilsiera m’għandhomx ħin liberu: mingħajr iż-żmien tal-festa ix-xogħol jerġa jsir jasar anki jekk ikun imħallas ħafna; u biex inkunu nistgħu nagħmlu l-festa jeħtieġ li naħdmu.  Fil-familji fejn hemm in-nies bla xogħol, qatt m’hu l-Ħadd verament u kultant il-festi jsiru jiem ta’ dwejjaq għax ix-xogħol tat-Tnejn ikun nieqes.  Biex tkun iċċelebrata l-festa, hu meħtieġ li jkun iċċelebrat ix-xogħol.  Wieħed iżomm it-temp u r-rtimu tal-ieħor.  Imorru flimkien.

Naqbel magħkom ukoll li l-konsum huwa idolu ta’ żmienna.  Fiċ-ċentru tas-soċjetà tagħna hemm il-konsum, u għalhekk il-pjaċir li jwiegħed il-konsum.  Ħwienet kbar miftuħin 24 siegħa kuljum, il-jiem kollha, “tempji” ġodda li jwiegħdu s-salvazzjoni, il-ħajja eterna; kulti ta’ konsum utieq u għalhekk ta’ pjaċir utieq.  Dan ukoll hu l-għerq tal-kriżi tax-xogħol fis-soċjetà tagħna: ix-xogħol hu ghejja, għaraq.  Il-Bibbjia kienet tafu sew dan u tfakkarulna.  Imma soċjetà edonista li tara u trid il-konsum, ma tifhimx il-valur tal-għejja u għalhekk ma tifhimx ix-xogħol.  L-idolatriji kollha huma esperjenzi ta’ konsum utieq: l-idoli ma jaħdmux.  Ix-xogħol hu ħlas: hu l-uġigħ tal-ħlas illi wara jiġġenera l-ferħ għal dak li jkun ġie ġenerat flimkien.  Jekk ma nsibux mill-ġdid kultura li tapprezza l-għejja u l-għaraq, ma nistgħux insibu relazzjoni ġdida max-xogħol u nibqgħu noħolmu l-konsum tal-pajċir biss.  Ix-xogħol huwa ċ-ċentru ta’ kull patt soċjali: mhux mezz li bih isir il-konsum, le.  Huwa ċ-ċentru ta’ kull patt soċjali.  Bejn ix-xogħol u l-konsum jidħlu ħafna affarijiet, kollha kemm huma importanti u sbieħ, li jisimhom dinjità, rispett, unur, libertà, drittijiet, drittijiet ta’ kulħadd, tan-nisa, tat-tfal, tal-bniet, tal-anzjani.....  Jekk inbiegħu b’irħis ix-xogħol għall-konsum, flimkien max-xogħol malajr ibiegħu bl-irħis ukoll dawn il-kliem kollha li huma aħwa: dinjità, rispett, unur, libertà.  M’għandniex nippermettuh dan, u għandna nkomplu ninsistu li nitolbu x-xogħol, noħolquh, nistmawh u nħobbuh.  U t-talb ukoll: ħafna mill-aktar talbiet sbieħ tal-ġenituri tagħna u ta’ nannietna kienu talb għax-xogħol, li tgħallmuhom u kienu jgħiduhom qabel, wara u waqt ix-xogħol.   Ix-xogħol hu sieħeb it-talb: ix-xogħol hu preżenti kuljum fl-Ewkaristija, li r-rigali tagħha huma frott l-art u xogħol il-bniedem.  Dinja li ma tagħrafx aktar il-valuri u l-valur tax-xogħol, m’għadhiex tifhem l-anqas l-Ewkaristija, it-talba vera u umli tal-ħaddiema nisa u rġiel.  L-għelieqi, il-baħar, il-fabbriki minn dejjem kienu “altari” li minn fuqhom telgħa t-talb sabiħ u pur, li Alla laqa’ u ġabar.  Talb li ngħad u ġie reċitat minn min kien jaf u ried jitlob imma wkoll talb li ngħad bl-idejn, bl-għaraq, bl-għejja tax-xogħol minn min ma kienx jaf jitlob bil-fomm.  Alla laqa’ dawk ukoll u għadu jilqagħhom anki llum.

Għaldaqstant nixtieq intemm dan id-djalogu b’talba: hija talba antika, il-“Veni Sancte Spiritus”  (Ejja Spirtu Qaddis), li hi wkoll talba tax-xogħol u għax-xogħol.


Spirtu Santu, ejja fina,

raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,

xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

 

O Missier il-foqra tiegħek,

inti ġġib id-doni tiegħek,

tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

 

Inti l-aqwa faraġ tagħna,

fik kull hena x’ħin tkun magħna,

tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

 

Fl-għejja, lejn is-serħ twassalna;

jekk imħeġġa wisq, trażżanna;

mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

 

O dawl hieni ta’ qdusija,

nitolbuk li bik mimlija,

tkun il-qalb ta’ kull fidil.

 

Mingħajr dawlek li jmexxina

ebda ħajr ma jkun hemm fina,

ebda safa fil-għemil.

 

Naddaf kulfejn hemm it-tbajja’,

fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,

lill-miġruħ agħti l-fejqan.

 

Rattab fina l-ebusija,

agħti lill-berdin bżulija,

għin fit-triq lil min beżgħan.

 

Agħti s-seba’ doni tiegħek

lil min jimxi fidil miegħek

u li fik jistrieħ kull ħin.

 

Agħti ’l kull virtù sabiħa

ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa;

agħti l-ġenna lit-tajbin.   Ammen.

Grazzi!

U issa nitlob lill-Mulej iberikkom ilkoll, ibierek lill-ħaddiema kollha, lill-imprendituri, lil min hu bla xogħol.  Kull wieħed u waħda minna jaħseb fl-imprendituri li jagħmlu minn kollox biex jagħtu x-xogħol: aħsbu dwar min hu ba xogħol, aħsbu fil-ħaddiema nisa u rġiel.  U tinżel il-barka fuqna lkoll u fuqhom.

 [Barka]

Grazzi ħafna!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber