VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U L-ĠAPPUN

(19-26 TA’ NOVEMBRU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Tokyo Dome

It-Tnejn 25 ta’ Novembru 2019

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jagħmel parti mill-ewwel diskors kbir ta’ Ġesù: nafuh bħala d-“Diskors tal-Muntanja” u jiddeskrivilna l-ġmiel tat-triq li aħna mistednin nimxu. Skont il-Bibbja, il-muntanja hija l-post fejn Alla juri ruħu u juri min hu: “Itla’ ħdejja”, qal lil Mosè (ara Eż 24:1). Muntanja li l-quċċata tagħha ma naslux għaliha bir-rieda tagħna jew bil-karreriżmu, imma biss bis-smigħ attent, paċenzjuż u delikat tal-Imgħallem qalb slaleb it-toroq tal-mixja tagħna. Il-quċċata tinbidel fi pjanura biex tagħtina perspettiva dejjem ġdida fuq dak kollu li hawn madwarna, li ċ-ċentru tagħha hi l-ħniena tal-Missier. F’Ġesù nsibu l-quċċata ta’ dak li hu uman u hu jurina t-triq li twassalna għall-milja li kapaċi tmur lil hemm mill-kalkoli kollha li nafu bihom; fih insibu ħajja ġdida, li fiha nduqu l-libertà tal-għarfien li aħna wlied maħbuba.

 

Madankollu aħna nafu li, matul il-mixja, din il-libertà ta’ wlied tista’ tiġi fgata u mdgħajfa meta nibqgħu lsiera taċ-ċrieki vizzjużi tal-ansjetà u tal-kompetittività, jew meta nikkonċentraw l-attenzjoni kollha tagħna u l-aqwa enerġiji tagħna fuq it-tiftix li jdejjaq u frenetiku tal-produttività u tal-konsumiżmu bħala l-uniku kriterju biex inkejlu u nikkonfermaw l-għażliet tagħna jew niddefinixxu min aħna u kemm niswew. Kejl li ftit ftit jagħlqilna qalbna u jagħmilna insensibbli għall-ħwejjeġ importanti, għax lill-qalb iġagħalha tħabbat għall-ħwejjeġ superfiċjali jew li jgħaddu. Kemm jgħaffeġ u jjassar lir-ruħ il-qtugħ ta’ nifs ta’ min jemmen li kollox jista’ jiġi prodott, miksub u kkontrollat!

 

Hawn fil-Ġappun, f’soċjetà b’ekonomija żviluppata ħafna, iż-żgħażagħ dalgħodu, fil-laqgħa li kelli magħhom, ġibduli l-attenzjoni li mhumiex ftit il-persuni soċjalment iżolati, li jibqgħu fit-trufijiet, mhux kapaċi jifhmu s-sinifikat tal-ħajja u tal-eżistenza tagħhom. Id-dar, l-iskola u l-komunità, iddestinati li jkunu postijiet fejn kulħadd iwieżen u jgħin lil xulxin, qed narawhom dejjem sejrin lura minħabba l-kompetizzjoni żejda fit-tiftix tal-gwadann u tal-effiċjenza. Ħafna persuni jħossuhom imħawda u mħassba, huma mgħaffġin mill-ħafna esiġenzi u tħassib li jisirqulhom il-paċi u l-bilanċ fil-ħajja.

 

Bħal balzmu li jfejjaq jinstema’ kliem Ġesù li jistedinna biex ma nitħawdux u biex nafdaw. Tliet darbiet jgħidilna b’insistenza: Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom… għall-jum ta’ għada (ara Mt 6:25,31,34). Din mhijiex stedina biex ninjoraw x’inhu għaddej madwarna jew biex ma nibqgħux nagħtu kas ta’ dak li għandna nagħmlu jew ir-responsabbiltajiet ta’ kuljum; anzi, bil-maqlub, hija provokazzjoni biex niftħu l-prijoritajiet tagħna għal xefaq ta’ tifsira usa’ u hekk noħolqu spazju biex inħarsu fl-istess direzzjoni tiegħu: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6:33).

 

Il-Mulej mhux jgħidilna li l-ħtiġijiet bażiċi, bħall-ikel u l-ħwejjeġ, mhumiex importanti; imma qed jistedinna nikkunsidraw mill-ġdid l-għażliet tagħna ta’ kuljum biex ma nibqgħux maqbuda jew iżolati fit-tiftix tas-suċċess ikun xi jkun il-prezz, imqar il-ħajja. L-atteġġjamenti mondani, li jfittxu u jiġru biss wara l-profitt jew il-ġid personali biss f’din id-dinja, u l-egoiżmu li jippretendi l-kuntentizza individwali, fir-realtà minn taħt ikunu jagħmluna biss imdejqin u lsiera, barra li jfixklu l-iżvilupp ta’ soċjetà tassew f’armonija u umana.

 

Il-kontra ta’ “jien” iżolat, maqtugħ għalih waħdu u saħansitra fgat, jista’ jkun biss “aħna” maqsum mal-oħrajn, iċċelebrat u kkomunikat (ara Katekeżi, 13 ta’ Frar 2019). Din l-istedina tal-Mulej tfakkarna li “għandna bżonn nagħrfu bil-ferħ kollu li r-realtà tagħna hi frott ta’ don, u nilqgħu anki l-libertà tagħna bħala grazzja. Din hi l-ħaġa iebsa llum, f’dinja li taħseb li għandha xi ħaġa li hi tagħha minn qaddisha, frott tal-oriġinalità u l-libertà tagħha nfisha” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 55). Għalhekk, fl-Ewwel Qari, il-Bibbja tfakkarna kif id-dinja tagħna, mimlija ħajja u ġmiel, hi qabelxejn don tal-għaġeb tal-Ħallieq li jinsab hemm qabilna: “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31): ġmiel-tjieba offrut biex aħna nistgħu wkoll naqsmuh u noffruh lill-oħrajn, mhux bħala sidien jew proprjetarji, imma bħala parteċipi f’ħolma ħallieqa waħda. “Il-ħarsien awtentiku tal-istess ħajjitna u tar-relazzjonijiet tagħna man-natura ma nistgħux nifirduh mill-imħabba tal-aħwa, mill-ġustizzja u mill-fedeltà fil-konfront tal-oħrajn” (Enċiklika Laudato sì, 70).

 

Quddiem din ir-realtà, aħna bħala komunità Nisranija mistednin inħarsu kull ħajja u bil-għerf u l-kuraġġ kollu nagħtu xhieda ta’ stil immarkat mill-gratwità u mill-ħniena, mill-ġenerożità u mis-smigħ sempliċi, stil li kapaċi jħaddan u jirċievi l-ħajja hekk kif tippreżenta ruħha “bid-dgħufija tagħha u ċ-ċokon u, ħafna drabi, saħansitra bil-kuntradizzjonijiet kollha u affarijiet li ma jagħmlux sens” (Diskors fil-Velja tal-JDŻ, il-Panama, 26 ta’ Jannar 2019). Aħna msejħin inkunu komunità li trawwem fi ħdanha pedagoġija li kapaċi tagħti “merħba lil dak kollu li mhux perfett, lil dak kollu li mhux pur u distillat, imma li b’daqshekk mhuwiex anqas denn li jkun maħbub. Forsi xi ħadd għax diżabbli jew fraġli mhux denn li jkollu l-imħabba? [] Xi ħadd minħabba li hu stranġier, li jkun żbalja, għax ikun marid jew fil-ħabs, ma jistħoqqlux imħabba? Hekk għamel Ġesù: ħaddan lil-lebbruż, lill-agħma, lill-paralitiku, ħaddan lill-Fariżew u lill-midneb. Ħaddan lill-ħalliel fuq is-salib u ħaddan u ħafer saħansitra li dawk li kienu dendluh mas-salib” (ibid.).

 

It-tħabbira tal-Vanġelu tal-Ħajja tridna u tesiġi minna, bħala komunità, li nsiru sptar fuq il-kamp tal-battalja, imħejji biex jikkura l-ġrieħi u joffri dejjem mixja ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ maħfra. Għax għan-Nisrani l-uniku kejl possibbli li bih niġġudikaw kull persuna u kull sitwazzjoni hu dak tal-ħniena tal-Missier għal uliedu kollha.

 

Magħqudin mal-Mulej, b’koperazzjoni u djalogu dejjem mal-persuni kollha ta’ rieda tajba u anki ma’ dawk ta’ diversi konvinzjonijiet reliġjużi, nistgħu ninbidlu fi ħmira profetika ta’ soċjetà li dejjem iżjed tħares u tieħu ħsieb ta’ kull ħajja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard