VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U L-ĠAPPUN

(19-26 TA’ NOVEMBRU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Stadju tal-Baseball (Nagasaki)

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Re tal-Univers Il-Ħadd 24 ta’ Novembru 2019

 

“Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42).

 

Fl-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, ngħaqqdu flimkien l-ilħna tagħna ma’ dawk tal-ħati li, imsallab biswit Ġesù, għarfu u pproklamah bħala sultan. Hemm, fil-mument l-inqas trijunfanti u glorjuż, qalb l-għajat ta’ żebliħ u umiljazzjoni, dak id-delinkwent kellu l-ħila jgħolli leħnu u jagħmel l-istqarrija tal-fidi tiegħu. Dawn huma l-aħħar kelmiet li Ġesù jisma’, u tiegħu huma l-aħħar kelmiet li jlissen qabel ma jingħata f’idejn il-Missier: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). L-imgħoddi mqalleb tal-ħalliel donnu, għal waqt wieħed, jilbes tifsira ġdida: huwa jsieħeb mill-qrib it-tbatija tal-Mulej; u dan il-mument, jekk xejn, jikkonferma l-ħajja tal-Mulej: dejjem u kullimkien huwa joffri s-salvazzjoni. Il-Kalvarju, post ta’ konfużjoni u ta’ inġustizzja, fejn in-nuqqas ta’ saħħa u l-inkomprensjoni huma msieħba mit-tgemgim indifferenti li jpespsu dawk li wieħed wara l-ieħor iżebilħu l-mewt tal-innoċenti, jinbidel, grazzi għall-atteġġjament tal-ħalliel it-tajjeb, f’kelma ta’ tama għall-umanità kollha. Iż-żufjett u l-għajat ta’ “salva lilek innifsek” quddiem l-innoċenti li qed ibati mhux sa jkunu l-aħħar kelma; anzi, iqanqlu l-leħen ta’ dawk li jħallu lil min imissilhom qalbhom u jagħżlu l-ħniena bħala l-mod veru kif jibnu l-istorja.

 

Illum hawn nixtiequ nġeddu l-fidi tagħna u l-impenn tagħna. Bħall-ħalliel it-tajjeb, nafuha tajjeb l-istorja tal-fallimenti, id-dnubiet u l-limiti tagħna, imma ma rridux li tkun din li tiddetermina jew tiddefinixxi l-preżent u l-futur tagħna. Nafu li mhux darba u tnejn nistgħu naqgħu fil-klima ta’ telqa li ġġagħalna b’ħeffa u indifferenza ngħidu “salva lilek innifsek”, u nitilfu l-memorja ta’ xi jfisser iġġarrab it-tbatija ta’ tant innoċenti. Dawn l-artijiet daqu, kif ftit oħrajn daqu, il-qerda li għandu l-ħila jasal għaliha l-bniedem. Għalhekk, bħall-ħalliel it-tajjeb, nixtiequ ngħixu l-mument li fih għad nistgħu ngħollu leħinna u nistqarru l-fidi tagħna b’difiża u għall-qadi tal-Mulej, l-Innoċenti li jbati. Irridu nsieħbu t-tbatija tiegħu, inwieżnu s-solitudni tiegħu u l-abbandun tiegħu, u nisimgħu, għal darb’oħra, li s-salvazzjoni hija l-kelma li l-Missier irid joffri lil kulħadd: “Illum stess tkun il-Ġenna miegħi”.

 

Salvazzjoni u ċertezza li taw xhieda kuraġġjuża tagħhom b’ħajjithom San Pawl Miki u sħabu, kif ukoll l-eluf ta’ martri li jimmarkaw il-wirt spiritwali tagħkom. Fuq il-passi tagħhom nixtiequ nimxu, fuq il-passi tagħhom nixtiequ mmorru biex nistqarru bil-kuraġġ li l-imħabba mogħtija, issagrifikata u ċċelebrata minn Kristu fuq is-salib tista’ tegħleb kull xorta ta’ mibegħda, egoiżmu, offiża jew trattament ħażin; kapaċi tegħleb kull pessimiżmu indifferenti jew benessri lluppjat, li jispiċċa jipparalizza kull azzjoni u għażla tajba. Dan fakkarhulna l-Konċilju Vatikan II: huma mbiegħda mill-verità dawk li, meta jafu li m’għandniex hawn belt permanenti imma aħna mexjin lejn dik futura, jaħsbu li għalhekk nistgħu nittraskuraw id-dmirijiet tagħna fuq din l-art, bla jintebħu li, proprju minħabba l-istess fidi li nistqarru, aħna fid-dmir li nwettquhom biex nagħtu xhieda u nuru l-kobor tal-vokazzjoni li għaliha ġejna msejħin (ara Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 43).

 

Il-fidi tagħna hi f’Alla tal-ħajjin. Kristu jgħix u jaġixxi f’nofsna, imexxina lkoll lejn il-milja tal-ħajja. Huwa ħaj u jridna ħajjin. Kristu huwa t-tama tagħna (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 1). Nitolbuh ta’ kuljum: Mulej, tiġi Saltnatek. U meta nagħmlu hekk irridu wkoll li ħajjitna u l-azzjonijiet tagħna jsiru għanja ta’ ġieħ. Jekk il-missjoni tagħna bħala dixxipli missjunarji hi li nkunu xhieda u ħabbara ta’ dak li għad jiġi, hi ma tħalliniex nirrassenjaw ruħna quddiem il-ħażen, imma tridna nkunu ħmira tas-Saltna tiegħu kull fejn inkunu: fil-familja, fuq ix-xogħol, fis-soċjetà; timbuttana biex inkunu fetħa ċkejkna li minnha l-Ispirtu jkompli jonfoħ it-tama qalb il-popli. Is-Saltna tas-smewwiet hi d-destinazzjoni komuni tagħna, destinazzjoni li ma tistax tkun biss għal għada, imma nitolbuha u nibdew ngħixuha llum, qalb l-indifferenza li ddawwarna u ssikket tant drabi lill-morda u d-diżabbli tagħna, l-anzjani u l-abbandunati, ir-rifuġjati u l-ħaddiema barranin: dawn kollha huma sagrament ħaj ta’ Kristu, is-Sultan tagħna (ara Mt 25:31-46); għax “jekk inkunu bdejna tassew mill-ġdid mill-kontemplazzjoni ta’ Kristu, jeħtieġ narawh l-aktar fl-uċuħ ta’ dawk li fihom ried jara lilu nnifsu” (S. Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte, 49).

 

Dakinhar, fuq il-Kalvarju, ħafna ilħna siktu, ħafna oħrajn żebilħu; dak tal-ħalliel biss għaraf jogħla u jiddefendi l-innoċenti li kien qed ibati: stqarrija kuraġġjuża ta’ fidi. Imiss lil kull wieħed u waħda minna li niddeċiedu nisktux, inżebilħux jew nipprofetizzawx. Għeżież ħuti, Nagasaki ġġorr f’ruħha stess ġerħa li diffiċli tagħlaq, sinjal tat-tbatija li ma titfissirx ta’ tant innoċenti; vittmi milquta mill-gwerer tal-bieraħ imma li llum ukoll qed ibatu minħabba din it-tielet gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet. Ejjew ngħollu leħinna, f’talba komuni għal dawk kollha li llum qed ibatu f’ġisimhom dan id-dnub li jgħajjat quddiem is-sema, u biex ikunu dejjem iżjed dawk li, bħall-ħalliel it-tajjeb, kapaċi ma jisktux u lanqas iżebilħu, imma jipprofetizzaw b’leħinhom stess saltna ta’ verità u ta’ ġustizzja, ta’ qdusija u ta’ grazzja, ta’ mħabba u ta’ sliem.[1]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ara Missal Ruman, Prefazju tas-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-univers.