VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U L-ĠAPPUN

(19 - 26 TA' NOVEMBRU, 2019)

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU DWAR L-ARMI NUKLEJARI

Atomic Bomb Hypocenter Park (Nagasaki)

Il-Ħadd 24 ta' Novembru, 2019

 

Għeżież ħuti!

Dal-post jagħmilna aktar konxji min-niket u l-orrur li aħna kapaċi nġibu fuqna nfusna bħala bnedmin.  Is-salib ibbumbardjat u l-istatwa tal-Madonna, li nstabet reċentement fil-Katidral ta' Nagasaki, ifakkruna għal darb'oħra fit-terrur li ma jitfissirx imġarrab mil-laħam tal-vittmi u tal-familji tagħhom.

Waħda mill-aktar xewqat profondi fil-qalb tal-bniedem hi x-xewqa tal-paċi u l-istabbiltà.  Il-pussess tal-armi nuklejari u armamenti oħra ta' qerda tal-massa mhix l-aħjar tweġiba għal dix-xewqa; anzi aktar jidhru li qed jisfidawha 'l ħin kollu.  Id-dinja tagħna tgħix id-dikotomija perversa li trid tiddefendi u tiggarantixxi l-istabbiltà u l-paċi fuq bażi ta' sigurtà falza iddominata minn mentalità tal-biża' u sfiduċja, li tispiċċa biex tavvelena r-relazzjonijiet bejn il-popli u tkun ostaklu sħiħ għal kull possibiltà ta' djalogu.

Il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali ma jaqblu xejn ma' kull tentattiv biex kollox jinbena fuq il-biża' li nistħġu neqirdu lil xulxin, jew it-theddida ta' tixjin totali; (il-paċi u l-istabbiltà) huma possibbli biss jekk titħaddem etika globali ta' solidarjetà u koperazzjoni bħala servizz għall-ġejjini mfassal fuq l-inter-dipendenza u r-responsabbiltà komuni għall-familja umana kollha tal-lum u ta' għada.

Hawnhekk, f'dil-belt, li hi xhud tal-konsegwenzi katastrofiċi u ambjentali ta' attakk nuklejari, qatt m'huma se jkunu biżżejjed it-tentattivi kollha biex ngħollu leħinna kontra l-ġirja għall-armamenti.  Infatti din hi biss ħela ta' riżorsi prezzjużi li minflok, jistgħu jkunu użati għall-iżvilupp integrali tal-popli u għall-ħarsien tal-ambjent naturali.  Fid-dinja tal-lum, fejn miljuni ta' tfal u familji jgħixu f'kundizzjonijiet diżumani, il-flus minfuqa u l-qligħ kbir li jidħol mill-kostruzzjoni, l-immoderniżżar, il-manteniment u l-bejgħ tal-armi, li qed isiru dejjem aktar qerrieda, huma attentat ma jaqta' xejn li jgħajjat lejn is-sema.

Dinja fil-paċi, ħielsa mill-armi nuklejari, hi l-ambizzjoni ta' miljuni ta' rġiel u nisa f'kull imkien.  Biex dan l-ideal jinbidel u jsir realtà hemm bżonn li kulħadd jagħti sehemu: il-persuni, il-komunitajiet reliġjużi, is-soċjetajiet ċivili, l-istati li għandhom l-armi nuklejari u dawk li m'għandhomx, is-setturi militari u privati u l-organiżżazzjonijiet internazzjonali.  It-tweġiba tagħna għat-theddida tal-armi nuklejari għandha tkun kollettiva u maqbula, ibbażata fuq il-bini diffiċli ħafna imma bla heda, tal-fiduċja reċiproka li tkisser id-dinamika tad-diffidenza li tirrenja bħalissa.  Fl-1963, il-Papa San Ġwanni XXIII, fl-Enċiklika Pcem in Terris, filwaqt li talab li l-armi atomiċi jkunu projbiti (cfr n. 60), afferma li paċi internazzjonali vera u dejjiema ma tistax isserraħ fuq il-bilanċ bejn il-qawwiet militari imma biss fuq il-fiduċja reċiproka (cfr n. 61).

Jeħtieġ titkisser id-dinamika tad-diffidenza li taħkimna l-ġurnata tal-lum u li tqiegħed f'riskju li għad naslu li nżarmaw l-arkitettura internazzjonali tal-kontroll fuq l-armamenti. Qed naraw iseħħ it-tgħawwir tal-multilateraliżmu, li hu aktar gravi minħabba l-iżvilupp tat-tekoloġiji ġodda tal-armi; attitudni bħal din tidher pjuttost inkoerenti fil-kuntest attwali tal-inter-konnessjoni u hija sitwazzjoni li titlob attenzjoni urġenti u wkoll dedikazzjoni min-naħa tal-mexxejja kollha.

Il-Knisja Kattolika, min-naħa tagħha, hija impenjata b'mod irrevokabbli b'rieda sħiħa, li ġġib 'il quddiem il-paċi bejn il-popli u n-nazzjonijiet: huwa dmir li għalih tħossha obbligata quddiem Alla u quddiem il-bnedmin kollha ta' din id-dinja.  Qatt ma nistgħu ngħejew naħdmu u ninsistu bla titubanza biex nappoġġjaw l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali dwar id-diżarm u t-tixrid nuklejari, inkluż it-Trattat dwar il-projbizzjoni tal-armi nuklejari.  F'Lulju li għadda, l-isqfijiet Ġappuniżi nidew appell biex ikunu aboliti l-armi nuklejari, u kull sena fix-xahar ta' Awwissu l-Knisja Ġappuniża tiċċelebra laqgħa ta' talb ta' għaxart ijiem għall-paċi.  Jalla t-talb, it-tfittxija bla heda għall-promozzjoni ta' ftehim, l-insistenza fuq id-djalogu jkunu "l-armi" li fuqhom nibnu l-fiduċja tagħna u jkunu wkoll għajn ta' ispirazzjoni għall-isforzi li jsiru biex tinbena dinja ta' ġustizzja u solidarjetà li tagħti garanziji reali għall-paċi.

Bil-konvinzjoni li dinja mingħajr armi nuklejari hija possibbli u meħtieġa, nitlob lill-mexxejja politiċi biex ma jinsewx li dawn ma jiddefenduniex mit-theddid għas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali ta' żmienna.  Jeħtieġ inqisu l-impatt katastrofiku li jħalli l-użu tagħhom mill-apsett uman u ambjentali, u nirrifjutaw li nkomplu nsaħħnu l-qiegħa tal-klima ta' biża', diffidenza u ostilità mxewxin mid-duttrini nuklejari.  Min-naħa tagħha, il-qagħda attwali tal-pjaneta tagħna titlob riflessjoni serja dwar kif jistgħu jkunu użati dawn ir-riżorsi kollha fid-dawl tat-tqegħid fis-seħħ u d-diffikultà biex dan isir, tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli, biex b'hekk ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet imfassala bħalma hu l-iżvilupp uman integrali.  U jsir dak li kien issuġġerixxa diġà fl-1964 il-Papa San Pawlu VI, meta kien ippropona li tingħata għajnuna lill-foqra permezz ta' Fond Dinji li parti minnu tkun ġejja mill-ispejjeż militari (Diskors lil-ġurnalisti, Mumbai, 4 ta' Diċembru, 1964; Enċ, Populorum Progressio, 26 ta' Marzu, 1967, 51).

Biex isir dan kollu, huwa kruċjali li jinħolqu strumenti li jiggarantixxu l-fiduċja u l-iżvilupp reċiproku u li nkunu nistgħu norbtu fuq mexxejja jafu jieħdu r-responsabbiltà fuq spallejhom skont iċ-ċirkustanzi.  Dmir li min-naħa tiegħu, jimplika, u jsejjaħ lilna lkoll.  Ħadd ma jista' jibqa' indifferenti quddiem it-tbatija ta' miljuni ta' rġiel u nisa li llum għadhom iniggżu l-kuxjenza tagħna;  ħadd ma jista' jkun trux għall-għajta ta' ħuna li qed isejħilna mill-ġerħa tiegħu; ħadd ma jista' jilgħabha tal-għama  quddiem l-irvina ta' kultura nieqsa mill-ħila li tiddjaloga.

Nitlobkom biex ilkoll, kuljum, ningħaqdu fit-talb għall-konverżjoni tal-kuxjenzi u biex tittrijonfa l-kultura tal-ħajja, tar-rikonċiljazzjoni u tal-fraternità.  Fraternità li tagħraf u tiggarantixxi d-differenzi fit-tfittxija għal destin komuni.

Naf li wħud minn dawk preżenti hawnhekk huma kattoliċi, imma jien żgur li kulħadd jista' jagħmel tiegħu it-talba għall-paċi ta' San Franġisk ta' Assisi:

Mulej, agħmilni strument ta-paċi tiegħek:

fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba;

fejn hemm il-ħtija ħallini nferrex il-maħfra;

fejn hemm id-dubju ħallini ndaħħal il-fidi;

fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;

fejn hemm id-dlam ħallini nkebbes id-dawl;

fejn hemm in-niket ħallini nxerred il-ferħ.

F'dan l-imkien ta' tifkira, li jimpressjonana u ma jistax iħallina indifferenti, huwa ta' tifsir akbar li nqiegħdu l-fiduċja tagħna f'Alla, sabiex jgħallimna nkunu strumenti effikaċi tal-paċi u biex naħdmu ħalli ma ntennux l-istess żbalji tal-imgħoddi.

Jalla l-familji tagħkom u n-nazzjons kollu tkunu tisgħu ġġarrbu l-barkiet tal-prosperità u tal-armonija soċjali!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber