VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U FIL-ĠAPPUN

(19 - 26 ta' NOVEMBRU, 2019)

 

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Kantei, Great Hall (Tokyo)

IT-TNEJN, 25 ta' NOVEMBRU, 2019

 

Sur Prim Minisrtu,

Onorevoli Membri tal-Gvern,

Illustri Membri tal-Korp Diplomatiku,

Sinjuri,

Irrodd ħajr lill-Prim Ministru għall-kliem ġentili li laqgħani bihom u bir-rispett insellem lilkom, illustri awtoritajiet u membri tal-korp diplomatiku.  Ilkoll kemm intom, kulħadd fil-pożizzjoni li għandu, tiddedikaw ruħkom fil-ħidma għall-paċi u għall-progress tan-nies ta' dan in-nazzjon nobbli u tan-nazzjonijiet li tirrappreżentaw.  Jien grat ħafna lejn l-Imperatur Naruhito, li ltqajt miegħu dalgħodu; nawgura kull ġid u l-barkiet ta' Alla fuq il-familja imperjali u, fuq kollox, fuq il-poplu Ġappuniż, fil-bidu ta' era ġdida li għadha kif bdiet.

Ir-relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn is-Santa Sede u l-Ġappun ġejjin mill-bogħod, b'għeruqhom imħawwlin fl-istima u l-ammirazzjoni li kellhom l-ewwel missjunarji f'dawn l-artijiet.  Biżżejjed niftakru l-kelma tal-Ġiżwita Alessandro Valignano li fl-1579 kien kiteb: "Kulmin irid jara dak kollu li l-Mulej ta lill-bniedem ikun biżżejjed għalih jiġi u jarah fil-Ġappun".  Storikament kienu bosta l-kuntatti, il-missjonijiet kulturali u diplomatiċi li saħħew dir-relazzjoni u taw kontribut biex jingħelbu mumenti ta' tensjoni kbira u diffikultà. Dawn il-kuntatti baqgħu ukoll jissudaw fl-istruttura tagħhom fuq livell istituzzjonali li safa ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat.

Jien ġejt biex nikkonferma fil-fidi lill-kattoliċi Ġappuniżi, fl-impenn tagħhom tal-karità lejn min hu l-aktar fil-bżonn u fis-servizz li jagħtu lill-pajjiż li huma jħossuhom ċittadini kburin tiegħu.  Bħala nazzjon, il-Ġappun huwa partikolarment sensibbli għat-tbatijiet ta' min hu anqas fortunat u tal-persuni diżabbli.  Il-motto taż-żjatra tiegħi hu: "Inħarsu kull ħajja", billi nagħtu għarfien lid-dinjità invjolabbli u nkunu konxji ta' kemm hu importanti nuru solidarjetà u nkunu bastun ta' ħutna f'kull ħtieġa.  Esperjenza li laqtini ħafna f'das-sens kienet meta smajt l-istejjer ta' persuni milqutin mit-tliet diżastri u ħassejtni mqanqal ħafna bid-diffikultajiet li huma kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom.

Fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħi irrid jien ukoll nagħmel talba mqanqla lil Alla u nistieden lill-persuni kollha ta' rieda tajba biex ikompli jmexxu 'l quddiem u jiffavorixxu l-medjazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex qatt aktar, fl-istorja tal-umanita, ma tittenna l-qerda li ħallew il-bombi atomiċi f'Hiroshima u Nagasaki.  L-istorja tgħallimna li l-kunflitti bejn il-popli u n-nazzjonijiet, anki dawk l-aktar gravi, jista' jkollhom soluzzjoni valida biss permezz tad-djalogu, l-arma waħdanija denja tal-bniedem u bil-ħila li tiggrantixxi paċi dejjiema.  Jien konvint mill-ħtieġa li naffrontaw il-kwistjoni nuklejari fuq livelli multilaterali, billi nippromwovu proċess politiku u istituzzjonali li jagħraf iġib kunsens u impenn internazzjonali fuq firxa akbar.

Kultura tal-laqgħa u tad-djalogu - li tkun karatteriżżata mill-għaqal u tħares lejn xefaq usa - hija essenzjali biex tinbena dinja aktar ġusta u fraterna.  Il-Ġappun għaraf kemm hu importanti li jissaħħu l-kuntatti personali fl-oqsma tat-tagħlim, tal-kultura, tal-isport u tat-turiżmu, bl-għarfien li dawn jistgħu jkunu ta' kontribut kbir għall-armonija, għall-ġustizzja, għas-solidarjetà u għar-rikonċiljazzjoni, li huma t-tajn li jorbot il-paċi.  Għandna eżempju ċar ta' dan bl-eżempju olimpiku li jgħaqqad atleti mid-dinja kollha f'kompetizzjoni li mhux bilfors tieqaf fuq ir-rivalità imma aktarx fuq it-tfittxija għall-eċċellenza.  Jiena żgur li l-Logħob Olimpiku u Paralimpiku li se jsiru fil-Ġappun is-sena li ġejja se jkunu ta' xprun biex jikber l-ispirtu ta' solidarjetà li jmur 'l hinn mill-konfini nazzjonali u reġjonali u jfittex il-ġid tal-familja umana tagħna kollha kemm hi.

Tul dal-jiem apprezzajt mill-ġdid il-patrimonju kulturali prezzjuż li tul il-mixja ta' bosta sekli, il-Ġappun kellu ħila jiżviluppa u jħares, u apprezzajt il-valuri profondament reliġjużi u morali li jagħtu karattru lil dil-kultura antika.  Ir-relazzjonijiet tajbin bejn ir-reliġjonijiet diversi mhumiex essenzjali biss biex il-ġejjieni jkun wieħed ta' paċi, imma wkoll biex iħejji l-ġenerazzjonijiet ta' issa u li għad jiġu biex jifhmu l-valur tal-prinċipji etiċi li jservu ta' pedament għal soċjetà verament ġusta u umana.  Bil-kliem tad-dokument dwar il-Fratellanza Umana, li jien kont iffirmajt flimkien mal-Imam il-Kbir ta' Al-Ahzar fi Frar li għadda, il-preokkupazzjoni għall-ġejjieni tal-familja umana timbuttana biex "inħaddmu l-kultura tad-djalogu bħala triq; il-kollaborazzjoni komuni bħala mġieba; l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju".

Ebda bniedem li jżur il-Ġappun ma jista' ma jammirax is-sbuħija naturali ta' dal-pajjiż, mibnija matul is-sekli mill-poeti u l-artisti, u li għandha s-simbolu tagħha, fuq kollox, fix-xbieha tal-fjur taċ-ċirasa.  Madankollu, id-delikatezza tal-fjur taċ-ċirasa tfakkarna fil-fraġilità tad-dar komuni tagħna, maħkuma mhux biss mid-diżastri naturali imma wkoll mir-regħba, mill-isfruttament u l-qerda minn id il-bniedem.  Meta l-komunità internazzjonali qed issibha bi tqila tirrispetta l-impenji li tieħu biex tħares il-ħolqien, huma ż-żgħażagħ li qed jitkellmu dejjem aktar u jesiġu deċiżjonijiet kuraġġużi.  Iż-żgħażagħ jisfidawna biex id-dinja ma nqisuhiex ħaġa tagħna biex nisfruttawha, imma bħala wirt prezzjuż li rridu ngħaddu lil ta' warajna.  Min-naħa tagħna "aħna fid-dmir li ntuhom tweġibiet veri, mhux kliem vojt; fatti, mhux illużjonijiet" (Messaġġ għall-Jum Dinji ta' talb għall-kura tal-ħolqien, 2019).

F'das-sens, il-kriterju sħiħ biex inħarsu d-dar komuni tagħna għandu jqis ukoll l-ekoloġija umana.  Impenn għall-ħarsien ifisser li għandna naffrontaw id-diskrepanza dejjem tiżdied bejn l-għonja u l-foqra, f'sistema ekonomika globali li lill-ftit privileġġjati tippermettilhom jgħixu fil-lussu filwaqt li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix fil-faqar.  Jien nagħraf  f'das-sens kemm intom preokkupati biex jitwaqqfu programmi li l-gvern Ġappuniż iqiegħed fis-seħħ u ninkoraġġikom biex tkomplu dejjem tiffurmaw fin-nazzjonijiet, kuxjenza dwar ir-responsabbiltà li huma għandhom jerfgħu bejniethom.  Id-dinjità umana għandha tkun il-qofol ta' kull attività soċjali, ekonomika u politika; jeħtieġ titmexxa 'l quddiem is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u, fuq il-livelli kollha, dik tal-ħajja komunitarja, jeħtieġ nuru t-tħassib tagħna għal min hu minsi u mwarrab.  Qed naħseb partikolarment fiż-żgħażagħ li spiss iħossuhom mgħakusin minħabba d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom huma u jikbru, u wkoll fil-persuni anzjani, waħedhom, li jbatu minħabba s-solitudni.  Nafu li, fl-aħħar mill-aħħar,  il-kejl taċ-ċiviltà ta' nazzjon jew ta' poplu mhuwiex is-saħħa ekonomika imma l-attenzjoni li tingħata lil min hu fil-bżonn, kif ukoll il-ħila li jkunu għammiela u promoturi tal-ħajja.

Issa li ż-żjara tiegħi fil-Ġappun waslet lejn tmiemha, nesprimi mill-ġdid il-gratitudni tiegħi għall-istedina li rċevejt, għal-laqgħa kordjali li biha akkumpanjajtuni u għall-ġenerożità ta' kull min ta sehemu biex ir-riżultat ikun ta' daqstant hena.  U jien u ngħaddilkom dawn il-ħsibijiet nixtieq ninkoraġġikom biex tkomplu bl-isforzi tagħkom ħalli tfasslu ordni soċjali b'ħila dejjem akbar li jħares il-ħajja, b'rispett dejjem akbar lejn id-dinjità u d-drittijiet tal-membri tal-familja umana.  Fuqkom u fuq il-familji tagħkom, u fuq kull min sintom isservu, ninvoka l-abbundanza tal-barkiet divini.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber