“Kuntent li qed niltaqa’ magħkom, rappreżentanti ta’ proġett li ili interessat fih ġenwinament għal xi żmien. Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom, u nirringrazzja lilek Prof. Luigino Bruni, kordinatur ta’ dan il-proġett, b’mod speċjali għall-kliem tiegħek u nirringrazzjakom ukoll għax-xhieda tagħkom.

Ekonomija u kommunjoni. Dawn huma żewġ kelmiet li l-kultura kontemporanja żżommhom mifruda minn xulxin u ħafna drabi tħares lejhom bħal kontra xulxin. Iżda 25 sena ilu, intom irnexxilkom tgħaqqduhom meta aċċettajtu l-istedina li Chiara Lubich għamlitilkom fil-Brażil, fil-belt ta’ San Paolo fejn rat l-iskandlu ta’ tant diżugwaljanza, u talbet lill-imprendituri jkunu aġenti ta’ komunjoni. Meta ntroduċejtu ż-żerriegħa ta’ komunjoni fl-ekonomija, intom tajtu bidu għall-bidla kbira fil-mod kif wieħed iħares u jgħix in-negozju. In-negozju jista’ jibni u jippromwovi l-komunjoni u mhux biss ikissirha. Bl-għixien tagħkom, intom qed turu li l-ekonomija u l-komunjoni jsiru isbaħ meta dawn it-tnejn ikun flimkien. Żgur li l-ekonomija ssir isbaħ, imma anki l-komunjoni issir aktar sabiħa, għax il-komunjoni spiritwali tal-qlub tkun aktar mimlija meta ssir komunjoni ta’ affarijiet, ta’ talenti, ta’ profitti.

Filwaqt li naħseb fuq dan l-impenn tagħkom, illum nixtieq ngħidilkom tliet affarijiet.

L-ewwel waħda għandha x’taqsam mal-flus. Hu importanti ħafna li fiċ-ċentru tal-Ekonomija ta’ Komunjoni jkun hemm il-komunjoni tal-qligħ li tagħmlu. L-Ekonomija ta’ Komunjoni hi wkoll komunjoni tal-profitti, li tesprimi l-komunjoni tal-ħajja li tgħixu. Ħafna drabi tkellimt dwar il-flus bħala alla falz. Il-Bibbja tgħidilna dan b’diversi modi. Mhux b’kumbinazzjoni, li l-ewwel att pubbliku ta’ Ġesù, fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, hu t-tkeċċija tal-bejjiegħa mit-tempju (ara 2: 13-21) Ma nistgħux nifhmu s-Saltna ġdida ta’ Ġesù, jekk ma ninħelsux mill-allat foloz, mill-idoli, u wieħed mill-idoli l-aktar b’saħħithom huma l-flus. Mela, kif nistgħu nkunu bejjiegħa li Ġesù ma jkeċċihomx ‘l barra? Il-flus huma importanti, l-aktar meta jkunu nieqsa u minnhom jiddependi l-ikel, l-iskola u l-ġejjieni tat-tfal. Imma l-flus isiru idolu meta nagħmluhom l-iskop ta’ ħajjitna. Mhux b’kumbinazzjoni li r-regħba hi wieħed mid-dnubiet kapitali; hi dnub tal-idolatrija għaliex it-tgeddis tal-flus isir l-iskop ta’ dak kollu li nagħmlu. Kien Ġesù stess li ddefinixxa l-flus bħala ‘sid’: “Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien”. Żewġ sidien: Alla u dak li hu kontra Alla, il-flus, l-idolu. Ġesù qal dan il-kliem u l-għażla hi fuq l-istess livell. Aħsbu ftit dwar dan.

Meta l-kapitaliżmu jagħmel il-profitt bħala l-uniku skop tiegħu, ikun hemm ir-riskju li jsir forma ta’ kult, struttura li tagħmel il-flus l-idolu tagħha. L–“alla mara tal-fortuna” qed issir dejjem aktar id-divinita’ ġdida ta’ ċertu finanzi u ta’ sistema ta’ logħob tal-azzard li qed tirvina miljuni ta’ familji u li intom ġustament qed tmorru kontra tagħha. Dan il-kult tal-idolu flus qed ikun ta’ sostitut għall-ħajja eterna. Prodotti bħalma huma l-karrozzi, it-telephones, eċċ jiqdiemu u jispiċċaw, imma la hemm il-flus jew il-credit card immedjatament nista’ nixtri oħrajn, u allura nitqarraq bija nnifsi u naħseb li nista’ nixtri l-mewt.

Allura, wieħed jifhem il-valur etiku u spiritwali tal-għażla li għamiltu intom li taqsmu l-profitti tagħkom mal-oħrajn. L-aħjar mod u l-aktar wieħed prattiku biex tevita li l-flus isiru l-idolu tiegħek hu li taqsamhom ma’ oħrajn, speċjalment ma’ min hu fqir, jew ma’ żgħażagħ biex tgħinhom jaħdmu jew jistudjaw. Meta tgħixu l-komunjoni tkunu qed tegħlbu t-tentazzjoni ta’ idolatrija. Meta taqsmu u tagħtu mill-profitti tagħkom, tkunu qed tagħmlu att għoli ta’ spiritwalità u tkunu qed tgħidu lill-flus: m’ intomx Alla, m’ intomx is-sid, m’intomx l-imgħallem! U tinsewx ukoll dik il-filosofija u teoloġija li wasslet lin-nanniet tagħkom biex jgħidu: “Ix-xitan jidħol permezz tal-but”. Tinsewhiex din il-ħaġa!

It-tieni punt li xtaqt inkellimkom dwaru hu l-faqar, tema ċentrali għall-Moviment tagħkom.

Illum qed isiru ħafna inizjattivi, publiċi u privati, biex wieħed jissielet kontra l-faqar. Qed naraw żvilupp fl-umanità. Fil-Bibbja, il-foqra, l-iltiema, ir-romol, dawk ‘skartati’ mis-soċjeta’ ta’ dak iż-żmien, kienu megħjuna bid-deċmi u biż-żbul tal-qamħ. Imma ħafna nies kienu jibqgħu foqra; l-għajnuna ma kenitx biżżejjed biex titma’ u tieħu ħsieb kulħadd. Dawk skartati mis-soċjetà kienu ħafna. Illum ivvintajna modi oħra biex nieħdu ħsieb il-foqra, nitimgħuhom u ngħallmuhom. Xi żerriegħa tal-Bibbja warrdet f’istituzzjonijiet aktar effettivi minn dawk tal-passat. It-taxxi jinġabru biex titwettaq din is-solidarjeta’ u wieħed ikun qed joħodha kontra din is-solidarjeta’ meta ma jħallasx it-taxxi jew jevadihom għax dawn qabel ma huma atti illegali, huma atti li jiċħdu l-liġi bażika tal-ħajja: li nieħdu ħsieb xulxin.

Iżda hemm bżonn nibqgħu nisħqu – għax qatt m’hu biżżejjed - li l-kapitaliżmu qed ikompli jipproduċi nies skartati, li mbagħad irid jieħu ħsiebhom. Id-dilemma etika prinċipali tal-kapitaliżmu hi l-ħolqien ta’ nies skartati, li mbagħad ifittex li jaħbihom jew inkella jieħu ħsieb li ma jidhrux. Forma serja ta’ faqar hi meta ċivilizzazzjoni ma jirnexxilhiex tara aktar il-foqra tagħha, li l-ewwel ikunu skartati u mbagħad jinħbew.

L-ajrupjani jħammġu l-arja, imma parti żgħira mill-prezz ta’ biljett tista’ tingħata biex jiżirgħu siġar ħalli jikkompensaw għall-ħsara li ssir. Kumpanniji tal-logħob tal-azzard jiffinanzjaw kampanji biex jieħdu ħsieb jikkuraw il-lagħba patoloġiċi li joħolqu. U meta jasal dak il-jum li fih l-industrija tal-armi tiffinanzja sptarijiet biex jikkuraw tfal feruti mill-bombi, is-sistema tkun waslet fil-quċċata tagħha. Din hi ipokresija!

Jekk L-Ekonomija ta’ Komunjoni trid tkun fidila lejn il-kariżma tagħha, jeħtieġ li din mhux biss tieħu ħsieb il-vittmi, imma trid tibni sistema fejn il-vittmi jonqsu, u fejn, jekk jista’ jkun, ma jkunx hemm aktar vittmi. Sakemm l-ekonomija tkun għadha qed tipproduċi vittma waħda u jibqa’ persuna waħda imwarrba, il-komunjoni tkun għadha ma seħħitx; iċ-ċelebrazzjoni tal-fraternità universali ma tkunx sħiħa.

Mela, hemm bżonn naħdmu biex jinbidlu r-regoli tal-logħba fis-sistema soċju-ekonomika. Mhux biżżejjed nimitaw is-Samaritan it-Tajjeb tal-Vanġelu. Naturalment, meta imprenditur jew xi persuna oħra jiltaqgħu ma’ vittma, dawn iridu jieħdu ħsiebha, u forsi, jagħmlu wkoll dak li għamel s-Samaritan it-Tajjeb: isieħbu magħhom lis-suq (lil sid il-lukanda) fl-azzjoni fraterna tagħhom. Naf li intom għamiltu dan għal 25 sena. Imma hu importanti li tittieħed azzjoni qabel mar-raġel jiltaqa’ mal-ħallelin, billi nissieltu l-istutturi tad-dnub li jipproduċu ħallelin u vittmi. Imprenditur li hu biss Samaratin Tajjeb ikun qed jagħmel nofs id-dmir tiegħu: ikun qed jieħu ħsieb il-vittmi tal-lum mingħajr ma jnaqqas dawk ta’ għada. Fil- komunjoni, wieħed irid jimita lill-Missier ħanin fil-parabbola tal-Iben il-Ħali; jistenna u jilqa’ fid-dar lill-ulied, lill-ħaddiema u lill-kollaboraturi li jiżbaljaw; iħaddanhom miegħu u jiċċelebra magħhom u għalihom; ma jridx iħalli lilu nnifsu jkun mblukkat mill-meritokrazija tal-iben il-kbir u ta’ ħafna li jiċħdu l-ħniena f’isem il-mertu. Imprenditur ta’ komunjoni hu msejjaħ biex jagħmel dak kollu li jista’ ħalli anki dawk li żbaljaw u telqu mid-dar jibqgħu jittamaw li jsibu xogħol u qligħ dinjituż u ma jispiċċawx jieklu mal-qżieqes. L-ebda iben, l-ebda raġel, l-anqas l-aktar wieħed ribelluż ma jimmeritah jiekol il-ġandar.

Fl-aħħar hemm it-tielet ħaġa: il-ġejjieni. Dawn il-25 sena ta’ storja tagħkom juru li l-komunjoni u n-negozju jistgħu jeżistu u jikbru flimkien. S’issa, din l-esperjenza hi limitata biss għal numru żgħir ta’ negozji – tassew żgħir meta tqabblu mal-kapital kbir li hawn fid-dinja. Iżda l-bidliet fl-ordni tal-ispirtu u allura dawk tal-ħajja, mhumiex marbuta ma’ numri kbar. Is-Saltna li niltaqgħu magħha fil-Vanġelu hi mqabbla ma’ merħla żgħira, ma’ munita, ma’ żerriegħa, ġawhra, melħ, ħmira. U meta l-profeti ħabbru ż-żmien ġdid ta’ salvazzjoni, huma tkellmu dwar is-sinjal ta’ tarbija, l-Għimmanuel, u dwar grupp żgħir ta’ “dawk li kien għad fadal”.

Mhux meħtieġ qrupp kbir ta’ nies biex il-ħajja tinbidel: hu biżżejjed li l-melħ u l-ħmira jibqgħu f’togħmithom. L-aqwa biċċa xogħol hi li ma nitilfux “l-ingredjent attiv” li jagħtihom il-ħajja: il-melħ ma jagħmilx dak li għandu jagħmel billi jiżdied fil-kwantita’ – anzi ħafna melħ jagħmel l-ikel mielaħ – imma billi jippreserva ‘l-ispirtu’ tiegħu, il-kwalita’ tiegħu. Kull darba li nies, popli u anki l-Knisja ħasbu li ser isalvaw id-dinja bin-numri, ipproduċew strutturi ta’ poter, li nsew il-foqra. Insalvaw l-ekonomija tagħna sempliċiment billi nkunu melħ u ħmira: biċċa xogħol iebsa għax kollox jiddeterjora maż-żmien. X’irridu nagħmlu biex ma nitilfux l-ingredjent attiv, l-“enzima” ta’ komunjoni?

Meta ma kienx hawn refrigerators, il-ħmira oriġinali għall-ħobż kienu jippreservawha billi jagħtu biċċa minnha lil xi ġirien. U meta kienu jkunu ser jerġgħu jagħmlu l-ħobż, kienu jġibu ftit ħmira mingħand dawk li jkunu tawhom il-ħmira oriġinali. Din hi r-reċiproċita’. Komunjoni mhijiex biss qsim, imma hi wkoll tkattir: tkattir tal-affarijiet, ta’ ħobż ġdid, ta’ affarijiet ġodda, ta’ Tajjeb ġdid, Tajjeb b’T kbira. Il-prinċipju ħaj tal-Vanġelu jibqa’ attiv jekk aħna nagħtuh lill-oħrajn: għax dan il-prinċipju hu mħabba, u l-imħabba hi mħabba meta hi attiva, u mhux meta niktbu dwarha fin-novelli jew naraw programmi fuq it-TV. Jekk inżommuha għalina, timmoffa u tmut. U l-Vanġelu jista’ jimmoffa. L-Ekonomija ta’ Komunjoni jkollha ġejjieni jekk tagħtuha lil kulħadd u ma tibqax biss fid-“dar” tagħkom. Agħtuha lil kulħadd, l-ewwel lill-foqra u liż-żgħażagħ, li huma dawk li l-aktar jeħtieġuha u jafu kif iwassluha biex tagħti l-frott! Biex wieħed ikollu l-ħajja fil-milja tagħha, wieħed irid jitgħallem jagħti: mhux biss il-profitti mill-intrapriżi, imma jagħti lilu nnifsu. L-ewwel rigal tal-imprenditur hu huwa nnifsu jew hi nnifisha: għalkemm fluskom huma importanti, iżda huma ftit wisq. Il-flus ma jsalvawx jekk ma jkunux akkumpanjati mir-rigal tal-persuna nnifisha. L-ekonomija tal-lum, il-foqra, iż-żgħażagħ, l-ewwel ħaġa li jeħtieġu hi l-ispirtu sħiħ tagħkom, il-fraternità mimlija rispett u umli tagħkom, ir-rieda li tgħixu, imbagħad fluskom.

Il-kapitaliżmu jaf il-filantropija u mhux il-komunjoni. Ħaġa ħafifa tagħti parti mill-profitti tiegħek mingħajr ma tħaddan u tmiss lil dawk li jirċievu “il-loqom”. Iżda minflok, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet jistgħu jitimgħu folla kbira ta’ nies jekk tkunu qed taqsmu ħajjitkom kollha kemm hi. Skont il-loġika tal-Vanġelu, ma tkunx qed tagħti biżżejjed jekk ma tagħtix lilek innifsek kollok kemm int.

Dawn l-affarijiet ġa tagħmluhom. Iżda tistgħu taqsmu aktar profitti biex tissieltu l-idolatrija, tibdlu l-istutturi biex tevitaw li jinħolqu vittmi u nies skartati; tagħtu aktar mill-ħmira tagħkom, biex tgħollu l-ħmira tal-ħobż ta’ ħafna oħrajn. Il-‘le’ għal ekonomija li toqtol, issir ‘iva’ għal ekonomija li tagħti l-ħajja, għaliex taqsam, għaliex tinkludi l-foqra, għaliex tuża l-profitti biex toħloq komunjoni.

Nittama li tkomplu f’din it-triq tagħkom, b’kuraġġ, umilta’ u ferħ. “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2Kor 9:7). Alla togħġbu l-għotja ta’ profitti u talenti li jingħataw bil-ferħ. Intom ġa qed tagħmlu dan; tistgħu tagħmluh aktar. Nittama li tkomplu tkunu ż-żerriegħa, il-melħ u l-ħmira ta’ ekonomija oħra: l-ekonomija tas-Saltna, fejn is-sinjuri jafu kif jaqsmu l-ġid tagħhom, u l-foqra jissejħu “hienja”. Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.