OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA

TA’  SANT'INJAZJU
Knisja Tal-Ġesů, Ruma
L-Erbgħa 31 ta’ Lulju, 2013

 

F’din l-Ewkaristija li fiha qed niċċelebraw il-Missierna Injazju minn Loyola, fid-dawl tal-Qari li għadna kemm smajna, nixtieq nipproponi tlitt ħsibijiet sempliċi mmexxija minn tlitt espressjonijiet:  inqegħedu ’l Kristu u l-Knisja fiċ-ċentru; inħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minnu biex naqdu; inħossu l-mistħija tal-limitazzjonijiet tagħna u ta’ dnubietna, biex inkunu umli qudiemU u quddiem ħutna.

 

1.  L-istemma tagħna l-Ġiżwiti hu monogramma, it-tlitt ittri ta’ “Iesus Hominum Salvator” (IHS).  Kull wieħed minnkom jista’ jgħidli:  dan nafuh tajjeb ħafna!  Imma dan l-istemma jffakkarna l-ħin kollu f’realta’ li aħna m’għandna ninsew qatt: iċ-ċentralita’ ta’ Kristu għal kull wieħed minna u għall-Kumpannija kollha, li Sant’Injazju ried proprju jsejjħilha “ta’ Ġesu’” biex juri il-punt ta’ riferenza. Mhux biss, imma fil-bidu tal-Eżerċizzi Spiritwali wkoll, iqegħedna quddiem il-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu, quddiem il-Ħallieq u s-Salvatur tagħna (ara EE, 6).  U dan iġib lilna l-Ġiżwiti u l-Kumpannija kollha biex inkunu “deċentrati”, li nkunu quddiem il-“Kristu dejjem akbar”, l’ “Alla dejjem akbar”, “l-aktar ‘il ġewwa mill-ġewwieni tiegħi”, li jwasalna bla waqfien barra minna nfusna, iwassalna għal ċertu kenosis, “biex noħorġu mill-imħabba tagħna nfusna, mix-xewqat u l-interessi tagħna” (EE, 189).  M’hijiex għalxejn il-mistoqsija għalina, għalina lkoll:  Kristu huwa ċ-ċentru ta’ ħajti?  Inqiegħed jien tassew lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajti?  Għaliex dejjem hemm it-tentazzjoni li naħsbu li nkunu aħna fiċ-ċentru.  U meta Ġiżwita jqiegħed lilu nnifsu u mhux lil Kristu fiċ-ċentru, jiżbalja.  Fl-ewwel Qari, Mose’ jirrepeti b’insistenza lill-poplu biex iħobb il-Mulej, biex jimxi fit-triqat tiegħu “għaliex huwa Hu l-ħajja tiegħek” (ara Dewt 30, 16.20).  Kristu huwa l-ħajja tagħna!  Għaċ-ċentralita’ ta’ Kristu tikkorispondi wkoll iċ-ċentralita’ tal-Knisja: huma żewġ nirien li ma jistgħux jiġu mifrudin: jien ma nistax  nimxi wara Kristu jekk mhux fil-Knisja u mal-Knisja.  U f’dan il-każ ukoll, aħna l-Ġiżwiti u l-Kumpannija kollha ma aħniex fiċ-ċentru; aħna biex ngħidu hekk, “spustati”, aħna qegħdin għall-qadi ta’ Kristu u tal-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu l-Mulej tagħna, li hija l-Knisja Qaddisa Ommna Ġerarkika (ara EE. 353).  Inkunu bnedmin li nnisslu għeruqna fil-font ġewwa l-Knisja: hekk iridna Ġesu’.  Ma jistax ikun hemm mixjiet paralleli jew iżolati.  Iva, mixjiet ta’ tfittxija, mixjiet kreattivi, iva, dan huwa importanti: immorru lejn il-periferiji, lejn il-ħafna periferiji.  Għal dan irid ikollna l-kreattivita’, imma dejjem fil-komunita’, fil-Knisja, u meta nkunu hekk, dan jagħtina l-kuraġġ biex nimxu ‘l quddiem.  Li naqdu ‘l Kristu huwa tħobb din il-Knisja konkreta, u  taqdiha bil-ġenerożita’ u spirtu ta’ ubbidjenza.

 

2.  Liema hija t-triq biex ngħixu din iċ-ċentralita’ doppja?  Inħarsu lejn l-esperjenza ta’ San Pawl, li hija wkoll l-esperjenza ta’ Sant’Injazju.  L-Appostlu, fit-Tieni Qari li għadna kemm smajna, jikteb: inross ‘il quddiem lejn il-perfezzjoni ta’ Kristu “għaliex Kristu Ġesu’ ġa ħataf lili” (Fil 3, 12).  Għal Pawlu dan seħħ fit-triq ta’ Damasku, għal Injazju seħħ fid-dar ta’ Loyola, imma l-punt fundamentali huwa komuni:  li nħallu lilna nfusna niġu mirbuħin minn Kristu.  Jiena nfittex lil Ġesu’, jiena naqdi lil Ġesu’ għaliex Huwa fittixni qabel, għaliex jiena

ġejt mirbuħ minnU: u din hija l-qalba tal-esperjenza tagħna.  Imma Huwa hu l-ewwel, dejjem.  Bl-Ispanjol hemm kelma li hija ħafna grafika, li tispjega dan tajjeb: Huwa lilna “primerea”, “El nos primerea”.  Huwa dejjem l-ewwel.  Meta naslu aħna, Huwa jkun ġa wasal u jkun jistenniena.  U hawn irrid niġbed l-attenzjoni għall-meditazzjoni tas-Saltna fit-Tieni Ġimgħa.  Kristu l-Mulej tagħna, Sultan ta’ dejjem, isejjaħ lil kull wieħed minna u jgħidilna: “min irid jiġi miegħi jeħtieġlu jaħdem miegħi, għaliex meta timxi warajja fit-tbatija, timxi wkoll warajja fil-glorja (EE, 95). Tkun mirbuħ minn Kristu biex toffri lil dan is-Sultan il-persuna kollha tagħna u l-ħidma kollha tagħna (ara EE, 96) tgħid lill-Mulej li tixtieq tagħmel kollox għall-akbar qadi u tifħir tiegħu, timitah billi tissaporti wkoll l-inġurji, id-disprezz, il-faqar (ara EE, 98).  Imma jien naħseb f’ħuna fis-Sirja f’dan il-waqt. Li nħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minn Kristu jfisser inkunu dejjem lejn dak li hemm quddiemi, quddiem l-għan li hu Kristu (ara Fil 3, 14) u nsaqsi lili nnifsi bil-verita’ u bis-sinċerita’ X’għamilt jien għal Kristu?  X’qiegħed nagħmel jien għal Kristu?  X’għandi nagħmel jien għal Kristu? (ara EE, 53).

 

3.  U niġi għat-tielet punt.  Fl-Evanġelju Ġesu’ jgħidilna: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha ... Jekk xi ħadd jistħi minni...” (Lq 9, 23).  U jkompli.  Il-mistħija tal-Ġiżwita.  L-istedina li jagħmel Ġesu’ hija li ma nistħu qatt minnu, imma li nimxu warajH dejjem bi mpenn sħiħ, fil-waqt li nafdaw fiH u nintelqu fiH.  Imma meta nħarsu lejn  Ġesu’, kif jgħallimna Sant’Injazju fl-Ewwel Ġimgħa, l-aktar meta nħarsu lejn Kristu Mislub, inħossu dak is-sentiment tant uman u tant nobbli li huwa l-mistħija li ma nkunux fil-għoli mitlub minna; inħarsu lejn l-għerf ta’ Kristu u lejn l-injoranza tagħna, lejn l-omnipotenza tiegħu u lejn id-dgħufija tagħna, lejn il-qdusija tiegħu u lejn il-ħażen tagħna, lejn it-tieba tiegħu lejn il-kattiverja tagħna (ara EE, 59). Nitolbu l-grazzja tal-mistħija; il-mistħija li tiġi mill-kollokwju bla ma jaqta’ ta’ ħniena miegħu; mistħija li ġġagħalna niħmaru quddiem Ġesu’ Kristu; mistħija li tqegħedna f’linja waħda mal-qalb ta’ Kristu li sar huwa nnifsu dnub għalija; mistħija li tqiegħed il-qlubna f’armonija fid-dmugħ u takkumpanjana fil-mixja ta’ kuljum tal-“Mulej tiegħi”.  U dan iwassalna dejjem, bħala individwi u bħala Kumpannija, għall-umilta’, biex ngħixu din il-virtu’ kbira.  Umilta’ li tgħinna aktar nagħarfu kuljum li m’aħniex aħna li nibnu s-Saltna t’Alla, imma hija dejjem il-grazzja tal-Mulej li taħdem fina; umilta’ li tixprunana li nqegħedu lilna nfusna kollna kemm aħna mhux għall-qadi tagħna jew tal-ideat tagħna, imma għall-qadi ta’ Kristu u tal-Knisja, bħala ġarar tal-fuħħar, fraġli, mhux tajbin, ma jiswewx, imma li fihom hemm teżor kbir ħafna li nġorru u li nikkomunikaw (2 Kor 4, 7).  Lili dejjem għoġobni naħseb fuq tmiem il-ħajja ta’ ġiżwita, meta ġiżwita jtemm ħajtu, meta ħajtu tgħaddi.  U quddiemi dejjem jiġuni żewġ ikoni ta’ dan it-tmiem tal-ġiżwita: waħda klassika, dik ta’ San Franġisk Saverju, jħares lejn iċ-Ċina.  L-arti tpinġieh ħafna drabi dan it-tmiem, dan tal-aħħar ta’ Saverju.  Il-letteratura wkoll, f’dik il-parti sabiħa ta’ Pemán Fl-aħħar, mingħajr xejn, imma quddiem il-Mulej; dan jagħmilli l-ġid lili, naħseb dan.  It-tmiem l-ieħor, l-ikona l-oħra li tiġini bħala eżempju, hija dik ta’ Padre Arrupe fl-aħħar diskursata fil-kamp tar-refuġjati, meta qalilna – ħaġa li huwa stess qal – “dan ngħidu bħallikieku kien il-kant tiegħi taċ-ċinju: itolbu”.  It-talb, l-għaqda ma’ Ġesu’.  U wara li qal dan, qabad l-ajruplan, u wasal Ruma b’ictus li ta bidu għal dak it-tmiem tant twil u tant eżemplari.  Żewġ kwalitajiet ta’ tmiem, żewġ ikoni li jiswielna tajjeb lilna lkoll inħarsu lejhom, u nerġgħu nħarsu lejhom it-tnejn.  U nitolbu l-grazzja li t-tmiem tagħna jkun bħal tagħhom.

Għeżież ħuti, nduru lejn il- Nuestra Seńora [Is-Sinjura tagħna] hi li ġabet lil Kristu fi ħdanha u akkumpanjat l-ewwel passi tal-Knisja, u nitolbuha tgħinna nqegħedu dejjem fiċ-ċentru  ta’ ħajjitna u tal-ministeru tagħna lil Kristu u l-Knisja tiegħu;  Hija li kienet l-ewwel dixxipla u l-aktar waħda perfetta ta’ Binha, tgħinna li nħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minn Kristu biex nimxu warajh u naqduh f’kull siwazzjoni; Hija li wieġbet b’umilta’ l-aktar profonda għat-tħabbira tal-Anġlu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38), tgħinna nesperimentaw il-mistħija għan-nuqqasijiet tagħna quddiem it-teżor li ġie afdat lilna, biex ngħixu l-umilta’ quddiem Alla.  L-interċessjoni ta’ missier ta’ Sant’Injazju u tal-Qaddisin Ġiżwiti timxi magħna fi triqtna, u huma jkomplu jgħallmuna biex nagħmlu kollox bl-umilta, għall-akbar glorja t’Alla.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru OFM Cap.