Għeżież pellegrini ta’ Marija u ma’ Marija!

 

Grazzi talli lqajtuni fostkom u ngħaqadtu miegħi f’dan il-pellegrinaġġ li għexna fit-tama u l-paċi. Minn issa nixtieq niżgura lilkom kollha li ngħaqadtu miegħi, hawn jew band’oħra, li qed inġorrkom ilkoll f’qalbi. Inħoss li Ġesù fdakom lili (ara Ġw 21:15-17), u ngħannaq u nafda lil kulħadd fi ħdan Ġesù, “speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn” – kif għallmitna nitolbu l-Madonna (Dehra ta’ Lulju 1917). Hi, Omm ħelwa u attenta ta’ dawk kollha fil-bżonn, taqlagħlhom il-barka tal-Mulej! Fuq kull wieħed u waħda minn dawk li huma fil-bżonn u mnikkta għax insterqilhom il-preżent, fuq kull wieħed u waħda minn dawk li huma esklużi u mwarrba għax ġew imċaħħda mill-futur, fuq kull wieħed u waħda mill-iltiema u vittmi tal-inġustizzja li ma tħallewx ikollhom passat, tinżel il-barka ta’ Alla mlaħħma f’Ġesù Kristu: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26).

 

Din il-barka seħħet b’mod sħiħ fil-Verġni Marija, għax l-ebda ħlejqa oħra ma rat jilma fuqha l-wiċċ ta’ Alla bħalma rat hi, li tat wiċċ uman lill-Iben tal-Missier etern; u issa aħna nistgħu nikkontemplawh fil-mumenti tal-ferħ, tad-dawl, tat-tbatija u tal-glorja ta’ ħajtu, li nżuru mill-ġdid kull darba li ngħidu r-Rużarju. Ma’ Kristu u Marija, aħna nibqgħu f’Alla. Fil-fatt, “jekk irridu nkunu Nsara, jeħtieġ inkunu Marjani, jiġifieri jeħtieġ nagħrfu r-relazzjoni essenzjali, ħajja u providenzjali li tgħaqqad lil Marija ma’ Ġesù, u li tiftħilna t-triq li twassalna għandu” (Pawlu VI, Diskors fiż-żjara lis-Santwarju tal-Madonna ta’ Bonaria, Cagliari, 24 ta’ April 1970). Hekk kull darba li nitolbu r-Rużarju, f’dan il-post imbierek jew f’kull post ieħor, il-Vanġelu jerġa’ jsib it-triq tiegħu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda, tal-familji, tal-popli u tad-dinja.

 

Pellegrini ma’ Marija… Liema Marija? L-Imgħallma tal-ħajja spiritwali, l-ewwel waħda li mxiet wara Kristu fit-“triq id-dejqa” tas-salib u tatna l-eżempju, jew inkella Sinjura “li ma tintlaħaqx” u allura ma nistgħux nixbhuha? Il-“Hienja għax emmnet” dejjem u f’kull ċirkustanza għall-kelmiet divini (ara Lq 1:42, 45), jew inkella “Qaddisa” li għandha nirrikorru biex naqilgħu xi favur bi prezz baxx? Il-Verġni Marija tal-Vanġelu, meqjuma mill-Knisja li titlob, jew inkella Marija magħmula minn sensibbiltajiet suġġettivi li jarawha qed iżżomm soda l-id ġustizziera ta’ Alla lest biex jikkastiga: Marija aqwa minn Kristu, meqjus bħala Mħallef bla ħniena; iżjed ħanina mill-Ħaruf issagrifikat għalina?

 

Inkunu nagħmlu inġustizzja kbira kontra Alla u l-grazzja tiegħu meta naffermaw l-ewwel u qabel kollox li d-dnubiet huma kkastigati mill-ġudizzju tiegħu, bla ma ngħidu qabel – kif jurina l-Vanġelu – li huma maħfura mill-ħniena tiegħu! Jeħtieġ inqiegħdu l-ħniena qabel il-ġudizzju u, xorta waħda, il-ġudizzju ta’ Alla dejjem sa jsir fid-dawl tal-ħniena tiegħu. Ovvjament il-ħniena ta’ Alla ma tiċħadx il-ġustizzja tiegħu, għax Ġesù ħa fuqu l-konsegwenzi tad-dnub tagħna flimkien mal-kastig li kien ħaqqna. Hu ma ċaħadx id-dnub, imma ħallas għalina fuq is-Salib. U hekk, fil-fidi li tgħaqqadna mas-Salib ta’ Kristu, aħna meħlusa minn dnubietna; inwarrbu għall-ġenb kull xorta ta’ biża’, għax dan ma jixraqx lil min hu maħbub (ara 1 Ġw 4:18). “Kull darba li nħarsu lejn Marija, inkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa u tal-imħabba. Fiha naraw kif l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu qawwi, li m’għandux bżonn jittratta ħażin lill-oħrajn biex hu jħossu importanti. […] Hi din id-dinamika ta’ ġustizzja u ta’ ħlewwa, ta’ kontemplazzjoni u ta’ mixja lejn l-oħrajn, li tagħmel minnha mudell għall-Knisja fl-evanġelizzazzjoni tagħha” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 288). Jalla kull wieħed u waħda minna jista’ jsir, ma’ Marija, sinjal u sagrament tal-ħniena ta’ Alla li jaħfer dejjem, jaħfer kollox.

 

B’idna f’id il-Verġni Omm tagħna u għad-dell ta’ ħarsitha, nistgħu ngħannu bil-ferħ il-ħniena tal-Mulej. Nistgħu ngħidu: Ruħi tgħannilek, Mulej! Il-ħniena, li int urejt mal-qaddisin kollha tiegħek u mal-poplu kollu fidil tiegħek, waslet għandi wkoll. Minħabba fil-kburija ta’ qalbi, għext distratt wara l-ambizzjonijiet u l-interessi tiegħi, imma bla ma rnexxieli nokkupa ebda tron, o Mulej! L-unika possibbiltà ta’ eżaltazzjoni li għandi hi din: li l-Omm tiegħek taqbadli idi, tgħattini bil-mant tagħha u tqegħedni maġenb il-Qalb tiegħek. Hekk ikun.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard