“U deher sinjal kbir fis-sema […] Mara, liebsa x-xemx”: hekk jgħid l-awtur tal-Apokalissi (12:1) dwar il-viżjoni li kellu f’Patmos, u josserva wkoll li hi kienet waslet biex tagħti d-dawl lil iben. Imbagħad, fil-Vanġelu, smajna lil Ġesù jgħid lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27). Għandna Omm! “Sinjura wisq sabiħa”, ikkummentaw bejniethom it-tfal li kellhom id-dehra ta’ Fatima, fi triqthom lura d-dar, f’dak il-jum imbierek tat-13 ta’ Mejju ta’ mitt sena ilu. U filgħaxija, Ġjaċinta ma rnexxilhiex tissaporti aktar u tarrfet bis-sigriet lil ommha: “Illum rajt lill-Madonna”. Huma kienu raw lil Ommna tas-Sema. Fuq l-istess post li straħu għajnejhom, waqfu l-għajnejn ta’ ħafna, imma… dawn ma rawhiex. L-Omm Verġni ma ġietx hawn biex aħna narawha: għal dan sa jkollna l-eternità kollha, jekk immorru l-Ġenna.

 

Imma Hi, waqt li bassritilna u wissietna fuq il-periklu tal-Infern li lejh tieħu ħajja – spiss proposta u imposta – mingħajr Alla u li żżeblaħ lil Alla fil-ħlejjaq tiegħu, ġiet biex tfakkarna fid-Dawl ta’ Alla li jgħammar fina u jgħattina, għax, kif smajna fl-Ewwel Qari, “binha ġie maħtuf għal quddiem Alla” (Apok 12:5). U, skont kliem Luċija, it-tliet ipprivileġġjati sabu ruħhom fid-Dawl ta’ Alla li kien ħiereġ mill-Madonna. Hi dawrithom bil-mant tad-Dawl li Alla kien taha. Skont dak li jemmnu u jħossu ħafna pellegrini, jekk mhux kollha, Fatima hi fuq kollox dan il-mant ta’ Dawl li jgħattina, hawn bħal f’kull post ieħor ta’ din l-art meta nistkennu taħt il-ħarsien tal-Omm Verġni biex nitolbuha, kif tgħallimna s-Salve Regina, “urina lil Ġesù”.

 

Għeżież pellegrini, aħna għandna Omm, għandna Omm! Imqabbdin magħha bħal ulied, ngħixu bit-tama mistrieħa fuq Ġesù, għax, kif smajna fit-Tieni Qari, “dawk li jirċievu l-kotra  tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu” (Rum 5:17). Meta Ġesù tela’ fis-Sema, wassal fi ħdan il-Missier tas-Sema l-umanità – l-umanità tagħna – li kien irċieva fil-ġuf tal-Omm Verġni, u li issa qatt iżjed ma jitlaqha. Bħal ankra, ejjew inqiegħdu t-tama tagħna f’dik l-umanità li issa tinsab fil-Ġenna fuq il-lemin tal-Missier (ara Efes 2:6). Din it-tama tkun il-lieva tal-ħajja tagħna kollha! Tama li żżommna dejjem, sal-aħħar nifs tagħna.

 

Qawwija b’din it-tama, inġbarna hawn biex irroddu ħajr tal-għadd bla qies ta’ barkiet li qlajna mis-Sema matul dawn il-mitt sena, li għaddew minn taħt il-mant tad-Dawl li l-Madonna, ibda minn dan il-Portugall għani bit-tama, xerrdet mal-erbat irjieħ tad-dinja. Bħala eżempji, għandna quddiem għajnejna lil San Francesco Marto u Santa Ġjaċinta, li l-Verġni Marija daħħlet fil-baħar bla tarf tad-Dawl ta’ Alla billi wasslithom biex jadurawh. Minn hawn ġiet il-qawwa tagħhom li jegħlbu l-kuntrarju u t-tbatijiet. Il-preżenza divina saret kostanti fil-ħajja tagħhom, kif jidher ċar fit-talba insistenti għall-midinbin u fix-xewqa kontinwa li jibqgħu quddiem “Ġesù Moħbi” fit-Tabernaklu.

 

Fil-Memorji tagħha (III, n. 6), Swor Luċija tagħti l-kelma lil Ġjaċinta dritt wara dehra minnhom: “M’intix tara tant toroq, tant mogħdijiet u għelieqi mimlija persuni jolfqu bil-ġuħ u m’għandhom xejn x’jieklu? U lill-Papa fi knisja, quddiem il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija, miġbur fit-talb? U lil tant nies jitolbu miegħu?”. Grazzi, ħuti, li akkumpanjajtuni! Ma stajtx ma niġix hawn biex inqim lill-Omm Verġni u nafdalha lil uliedha. Taħt il-mant tagħha ma jintilfux; minn dirgħajha jiġu t-tama u l-paċi li tant għandhom bżonn u li jien nitolb għal ħuti kollha fil-Magħmudija u fl-umanità, b’mod partikulari għall-morda u l-persuni b’diżabbiltà, il-ħabsin u l-qiegħda, il-foqra u l-imwarrbin. Għeżież ħuti, ejjew nitolbu lil Alla bit-tama li jisimgħuna l-bnedmin; u nduru fuq il-bnedmin biċ-ċertezza li jaqbeż għalina Alla.

 

Hu fil-fatt ħalaqna biex insiru tama għall-oħrajn, tama vera u li tista’ sseħħ skont l-istat ta’ ħajja ta’ kull wieħed u waħda. Huwa u “jitlob” u “jesiġi” minn kull wieħed u waħda minna t-twettiq tad-dmirijiet tal-istat tagħna (Ittra ta’ Swor Luċija, 28 ta’ Frar 1943), is-Sema joħloq hawn stess mobilitazzjoni ġenerali vera u proprja kontra din l-indifferenza li tkessħilna qalbna u taggrava l-għama tagħna. Ma rridux inkunu tama abortita! Il-ħajja tista’ żżomm sħiħa biss grazzi għall-ġenerożità ta’ ħajja oħra. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24): dan qalu u għamlu l-Mulej, li dejjem jimxi qabilna. Meta ngħaddu mis-salib, hu jkun ġa għadda qabel minn hemm. Hekk ma rridux nixxabbtu mas-salib biex insibu lil Ġesù; imma kien hu li tbaxxa u niżel sas-salib biex isib lilna u, fina, jirbaħ id-dlamijiet tal-ħażen u jwassalna lura lejn id-Dawl.

 

Taħt il-ħarsien ta’ Marija, aħna fid-dinja ħabbara taż-żerniq li nafu nikkontemplaw il-veru wiċċ ta’ Ġesù l-Feddej, dak li jilma fl-Għid, u niskopru mill-ġdid il-wiċċ żagħżugħ u sabiħ tal-Knisja, li jilma meta hi missjunarja, akkoljenti, ħielsa, fidila, fqira mill-mezzi u għanja fl-imħabba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard