Għeżież ħuti morda,

Kif għidt fl-omelija, il-Mulej dejjem jinsab qabilna: meta nkunu mtaqqlin bis-salib, Hu diġà daqu qabilna.  Fil-Passjoni tiegħu Hu ħa fuqu t-tbatijiet kollha tagħna.  Ġesù jaf xi jfisser l-uġigħ, jifhimna, ifarraġna u jtina l-forza, kif għamel ma’ San Franġisku Marto u Santa Ġjaċinta, mal-qaddisin taż-żminijiet u l-imkejjenkollha.  Niftakar fl-Appostlu Pietru fil-ktajjen fil-ħabs ta’ Ġerusalemm, filwaqt li l-Knisja kollha kienet titlob għalih. U l-Mulej farraġ lil Pietru.  Hekkhu l-misteru tal-Knisja: il-Knisja titlob lill-Mulej biex ifarraġġ lill-imġarrbin bħalkom u Hu jfarraġkom, anki bil-moħbi; jikkunslakom fl-intimità tal-qalb u jikkunslakom billi jqawwikom.

Għeżież pellegrini, quddiemna għandna lil Ġesù moħbi imma preżenti fl-Ewkaristija, kif għandna lil Ġesù moħbi fil-ġrieħi ta’ ħutna morda u batuti.  Fuq l-altar aħna naduraw il-laħam ta Ġesù; f’dawn ħutna aħna nsibu l-pjagi ta’ Ġesù.  In-Nisrani jadura lil Ġesù, in-Nisrani jaf jagħraf il-pjagi ta’ Ġesù.  Illum il-Verġni Marija qed ittenni lilna lkoll il-mistoqsija li madwar mitt sena ilu għamlet lir-rgħajja ċkejknin: “Tridu toffru lilkom infuskom lil Alla?”.  It-tweġiba – “Iva, irridu!” ttina l-possibiltànifhmu u nimitaw ħajjithom.  Huma għexuha bil-ferħat u t-tbatijiet li kienet toffrilhom, b’atteġġjament ta’ offerta lill-Mulej.

Għeżież morda, għejxu ħajjitkom bħala rigal u għidu lill-Madonna, bħalma għamlu r-rgħajja ċkejknin, li tirdu toffrulilkom infuskom  lil Alla b’qalbkom kollha.  Tibqgħux tħossukom biss bħala dawk li jirċievu s-solidarjetà karitattiva, imma ħossukom li qed iteħdu sehem sħiħ fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.  Il-preżenza silenzjuża tagħkom li tfisser aktar mill-kliem, it-talb tagħkom, l-offerta tt-tbatijiet tagħkom ta’ kuljummagħqudin ma’ dawk ta’ Ġesù Kurċifiss għas-salvazzjoni tad-dinja, li taċċettaw bil-paċenzja u saħansitra bil-ferħ il-kundizzjoni tagħkom, huma riżorsa spiritwali, patrimonju għal kull komunità Nisranija.  M’għandux ikun ta’ mistħija għalikom li intom teżor prezzjuż tal-Knisja.

Ġesù se jgħaddi minn ħdejkom fl-ispeċi tas-Santissimu Sagrament biex jurikom kemm hu qribkom u kemm iħobbkom.  Afdawlu f’idejh l-uġigħat tagħkom, l-għeja tagħkom.  Orbtu fuq it-talb tal-Knisja, li minn kull naħa titla’ lejn is-sema għalikom u magħkom.  Alla hu Missier u ma jinsiekom qatt.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber