Il-Papa:

Sliem għalik, Sultana,

Verġni Mqaddsa ta’ Fatima,

Sinjura tal-Qalb bla Tebgħa,

kenn u triq li twassal għand Alla!

Pellegrin tad-Dawl li jasal għandna minn idejk,

irrodd ħajr lil Alla l-Missier li, f’kull żmien u post, jaħdem fl-istorja tal-bnedmin;

pellegrin tal-Paċi li, f’dan il-post, inti tħabbar,

nagħti ġieħ lil Kristu, il-paċi tagħna, u għad-dinja nitlob li ssaltan l-għaqda bejn il-ġnus kollha;

pellegrin tat-Tama li jkebbes l-Ispirtu,

ġejt bħala profeta u ħabbar biex naħsel riġlejn kulħadd, madwar il-mejda waħda li tgħaqqadna.

 

Ritornell kantat mill-ġemgħa:

Ave o clemens, ave o pia!

Salve Regina Rosarii Fatimæ.

Ave o clemens, ave o pia!

Ave o dulcis Virgo Maria.

 

Il-Papa:

Sliem għalik, Omm tal-Ħniena,

Sinjura ta’ lbiesek bajdani!

F’dan il-post, mnejn mitt sena ilu

wrejt lil kulħadd il-pjan tal-ħniena ta’ Alla,

inħares lejn il-libsa tiegħek kollha dawl

u, bħala isqof liebes l-abjad,

niftakar f’dawk kollha li,

lebsin is-safa tal-magħmudija,

jixtiequ jgħixu f’Alla

u jitolbu bil-misteri ta’ Kristu biex jaqilgħu l-paċi.

 

Ritornell…

 

Il-Papa:

Sliem għalik, ħajja u ħlewwa,

is-sliem, tama tagħna,

o Verġni Pellegrina, o Sultana tal-Univers!

Fil-ġewwieni nett tiegħek,

fil-Qalb bla Tebgħa tiegħek,

ħares il-ferħ tal-bnedmin

mexjin lejn is-Sema Pajjiżhom.

Fil-ġewwieni nett tiegħek,

fil-Qalb bla Tebgħa tiegħek,

ħares l-uġigħ tal-familja umana

li tibki u tolfoq f’dan il-wied tad-dmugħ.

Fil-ġewwieni nett tiegħek,

fil-Qalb bla Tebgħa tiegħek,

żejjinna bil-ġmiel tal-ġawhar tal-kuruna tiegħek

u agħmilna pellegrini kif int kont pellegrina.

Bit-tbissima verġinali tiegħek

kebbes mill-ġdid il-ferħ fil-Knisja ta’ Kristu.

Bil-ħarsa tiegħek kollha ħlewwa

qawwi t-tama ta’ wlied Alla.

Bid-dirgħajn tiegħek miġbura fit-talb li int tgħolli quddiem il-Mulej,

xierek lil kulħadd f’familja waħda ta’ bnedmin.

 

Ritornell…

 

Il-Papa:

O ħanina, o pija,

o ħelwa Verġni Marija,

Sultana tar-Rużarju ta’ Fatima!

Agħmel li nimxu fuq l-eżempju tal-Beati Franġisku u Ġjaċinta,

u ta’ dawk kollha li jikkonsagraw ruħhom għax-xandir tal-Vanġelu.

Hekk nimxu f’kull rotta,

interrqu pellegrini fit-toroq kollha,

inġarrfu l-ħitan kollha

u negħlbu kull fruntiera,

noħorġu lejn il-periferiji kollha

biex nuru l-ġustizzja u l-paċi ta’ Alla.

Fil-ferħ tal-Vanġelu, insiru l-Knisja mlibbsa bil-bjuda,

bis-safa maħsul bid-demm tal-Ħaruf

imxerred illum ukoll fil-gwerer li jeqirdu d-dinja li fiha ngħixu.

U hekk, bħalek, insiru xbieha tal-kolonna tad-dawl

li ddawwal it-toroq tad-dinja,

nuru lil kulħadd li Alla jeżisti,

li Alla qiegħed hemm,

li Alla jgħammar qalb il-poplu tiegħu,

ilbieraħ, illum u dejjem.

 

Ritornell…

 

Il-Papa flimkien mal-fidili:

Sliem għalik, Omm il-Mulej,

Verġni Marija, Sultana tar-Rużarju ta’ Fatima!

Imbierka inti fost in-nisa,

int ix-xbieha tal-Knisja mlibbsa bid-dawl tal-Għid,

int il-ġieħ tal-poplu tagħna,

int it-trijonf fuq il-ħbit tal-ħażin.

Profezija tal-Imħabba ħanina tal-Missier,

Mgħallma tat-Tħabbira tal-Bxara t-Tajba tal-Iben,

Sinjal tan-Nar iħeġġeġ tal-Ispirtu s-Santu,

għallimna, f’dan il-wied ta’ ferħ u niket,

il-verità eterna li l-Missier jgħarraf liċ-ċkejknin.

Urina l-qawwa tal-mant ħarries tiegħek.

Fil-Qalb tiegħek bla Tebgħa,

kun il-kenn tal-midinbin

u t-triq li twassal għand Alla.

Imsieħeb ma’ ħuti,

fil-Fidi, fit-Tama u fl-Imħabba,

f’idejk nintelaq.

Imsieħeb ma’ ħuti, permezz tiegħek, nikkonsagra ruħi lil Alla,

o Verġni tar-Rużarju ta’ Fatima.

U fl-aħħar, imgeżwer fid-dawl li jiġina minn idejk,

nagħti glorja lil Alla għal dejjem ta’ dejjem.

Amen.

 

Ritornell…

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard