VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIS-SRI LANKA U L-FILIPPINI
(12-19 TA’ JANNAR 2015)
LAQGĦA MAL-FAMILJI
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
 Mall of Asia Arena, Manila
Il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015


"Il-lejla nixtieq flimkien magħkom kollha nistrieħ fil-Mulej."

 


Għeżież familji,
Għeżież ħbieb fi Kristu,
 
Inħossni grat lejn il-preżenza tagħkom hawn il-lejla u għax-xhieda ta’ mħabbitkom għal Ġesù u għall-Knisja tiegħu. Nirringrazzja lill-Isqof Reyes, President tal-Kummissjoni Episkopali għall-Familja u l-Ħajja, għall-kliem tiegħu ta’ merħba f’isimkom. B’mod partikulari nirringrazzja lil dawk li taw ix-xhieda tagħhom – grazzi! – u qasmu magħna l-ħajja tal-fidi tagħhom. Il-Knisja fil-Filippini hi mbierka bl-appostolat ta’ ħafna movimenti li jieħdu ħsieb il-familja, u jien nirringrazzjahom tax-xhieda tagħhom!
 
L-Iskrittura ftit li xejn titkellem dwar San Ġużepp u, fejn titkellem, spiss insibuh qed jistrieħ, b’anġlu li f’ħolma jurih ir-rieda ta’ Alla. Fis-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna, insibu lil Ġużeppi li jistrieħ mhux darba, imma darbtejn. Il-lejla nixtieq flimkien magħkom kollha nistrieħ fil-Mulej. Għandi bżonn nistrieħ fil-Mulej mal-familji, u niftakar fil-familja tiegħi: missieri, ommi, in-nannu, in-nanna… Il-lum jien nistrieħ magħkom u rrid nirrifletti magħkom fuq id-don tal-familja.
 
Imma l-ewwel irrid ngħid xi ħaġa fuq il-ħolma. Imma l-Ingliż tiegħi hu wisq fqir! Jekk tippermettuli, sa nitlob lil Mons. Miles jittraduċi, u jien nitkellem bl-Ispanjol. Lili jogħġobni wisq il-ħolm fil-familja. L-ommijiet u l-missirijiet kollha ħolmu lil binhom jew binthom għal disa’ xhur sħaħ. Veru jew le? [Iva!] Ħolmu kif sa jkun dan it-tifel… Ma jistax ikun hemm familja mingħajr il-ħolma. Meta familja titlef il-ħila li toħlom, it-tfal ma jikbrux u l-imħabba ma tikbirx, il-ħajja tiddgħajjef u tintefa. Għalhekk nirrikkmandalkom biex fil-għaxija, intom u tagħmlu l-eżami tal-kuxjenza, tistaqsu wkoll: Il-lum ħlomt il-futur ta’ wliedi? Il-lum ħlomt l-imħabba ta’ żewġi, ta’ marti? Il-lum ħlomt il-ġenituri tiegħi, in-nanniet tiegħi li komplew l-istorja sa ma wasalt jien? Importanti ħafna noħolmu. Qabel xejn, noħolmu fil-familja. Titilfux din il-ħila li toħolmu!
 
U kemm diffikultajiet fil-ħajja tal-miżżewġin jissolvew jekk aħna nżommu spazju għall-ħolm, jekk nieqfu biex naħsbu f’żewġna jew martna, u noħolmu t-tjieba tal-ħwejjeġ tajba. Għalhekk hu importanti ħafna nirkupraw l-imħabba bil-“proġett” ta’ kull ġurnata. Qatt tieqfu tkunu għarajjes!
 
Ir-raqda mistrieħa ta’ Ġużeppi wrietu r-rieda ta’ Alla. F’dan il-mument ta’ mistrieħ fil-Mulej, meta waqafna ftit mill-ħafna dmirijiet u attivitajiet ta’ kuljum, Alla jkellem lilna wkoll. Ikellimna fil-Qari li għadna kemm smajna, fit-talb u fix-xhieda, u fis-skiet tal-qalb tagħna. Nirriflettu fuq x’qed jgħidilna l-Mulej, speċjalment fil-Vanġelu tal-lejla. Hemm tliet aspetti ta’ din is-silta li nitlobkom tqisu. L-ewwel: nistrieħu fil-Mulej. It-tieni: inqumu ma’ Ġesù u Marija. It-tielet: inkunu leħen profetiku.
 
Nistrieħu fil-Mulej. Il-mistrieħ hu meħtieġ għas-saħħa ta’ moħħna u ta’ ġisimna, imma safrattant spiss hu hekk diffiċli naslu għalih, minħabba fl-għadd ta’ esiġenzi li jtaqqluna. Il-mistrieħ hu wkoll essenzjali għas-saħħa spiritwali tagħna, biex nistgħu nisimgħu l-leħen ta’ Alla u nifhmu x’qed jitlob minna. Ġużeppi ġie magħżul minn Alla biex ikun missier putattiv ta’ Ġesù u r-raġel ta’ Marija. Bħala Nsara, anki intom imsejħin, bħal Ġużeppi, biex tħejju dar għal Ġesù. Tħejju dar għal Ġesù! Intom tħejjulU dar fi qlubkom, fil-familji tagħkom, fil-parroċċi tagħkom u fil-komunitajiet tagħkom.
 
Biex tisimgħu u tilqgħu s-sejħa ta’ Alla, u tħejju dar għal Ġesù, irid ikollkom il-ħila tistrieħu fil-Mulej. Tridu ssibu l-ħin ta’ kuljum biex tistrieħu fil-Mulej, biex titolbu. Titolbu tfisser tistrieħu fil-Mulej. Imma forsi tistgħu tgħiduli: Santità, dan nafuh; jien nixtieq nitlob, imma hemm ħafna xogħol xi jsir! Irrid nieħu ħsieb ta’ wliedi; għandi l-faċendi tad-dar; għandi wisq għeja fuqi biex nista’ norqod tajjeb. Ġustament. Dan jista’ jkun veru, imma jekk aħna ma nitolbux, qatt m’aħna ħa nsiru nafu l-aktar ħaġa importanti fuq kollox: ir-rieda ta’ Alla għalina. Barra dan, minkejja l-attivitajiet kollha tagħna, l-elf biċċa xogħol li għandna nagħmlu, jekk ma nsibux ħin għat-talb, ftit jew xejn ma jirnexxielna nikkonkludu.
 
Għall-familji hu partikularment importanti li jistrieħu fil-Mulej. Hu qabel xejn fil-familja li nitgħallmu nitolbu. Tinsewx: meta l-familja titlob flimkien, tibqa’ flimkien. Dan hu importanti. Hemm naslu biex nagħrfu lil Alla, biex nikbru bħala rġiel u nisa ta’ fidi, biex inħossuna membri tal-familja kbira ta’ Alla, il-Knisja. Fil-familja nitgħallmu nħobbu, naħfru, inkunu ġenerużi u miftuħa u mhux magħluqa u egoisti. Nitgħallmu mmorru lil hemm mill-bżonnijiet tagħna, niltaqgħu ma’ l-oħrajn u naqsmu ħajjitna magħhom. Dan għaliex hu daqshekk importanti nitolbu fil-familja! Hekk importanti! Dan għaliex il-familji huma hekk importanti fil-pjan ta’ Alla għall-Knisja! Nistrieħu fil-Mulej ifisser nitolbu. Nitolbu flimkien fil-familja.
 
Irrid anki ntarrfilkom xi ħaġa personali ħafna. Jiena nħobbu ħafna lil San Ġużepp, għax hu bniedem qawwi u sieket. Fuq il-mejda tiegħi għandi xbieha ta’ San Ġużepp rieqed. U waqt l-irqad jieħu ħsieb tal-Knisja! Iva! Jista’ jagħmel hekk, dan nafuh. U meta jkolli xi problema, diffikultà, jien inħarbixha fuq daqsxejn ta’ karta u nqegħidha taħt San Ġużepp, biex joħlomha! Dan il-ġest ifisser: Itlob fuq din il-problema!
 
Issa nitkellmu fuq li nqumu ma’ Ġesù u Marija. Dawn il-waqtiet prezzjużi ta’ mistrieħ, ta’ waqfa mal-Mulej fit-talb, huma mumenti li forsi nkunu nixtiequ ntawluhom. Imma bħal San Ġużepp, wara li nkunu smajna l-leħen ta’ Alla, jeħtieġ nitħarrku min-ngħas tagħna; jeħtieġ inqumu u naġixxu (ara Rum 13:11). Fil-familja, jeħtieġ inqumu u naġixxu! Il-fidi ma taqtagħniex mid-dinja, imma ddaħħalna iżjed fil-fond tagħha. Dan hu importanti ħafna! Irridu ninżlu fil-fond tad-dinja, imma bil-qawwa tat-talb magħna. Kull wieħed u waħda minna, fil-fatt, għandu rwol speċjali fit-tħejjija għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja.
 
L-istess kif id-don tal-Familja Mqaddsa ġie fdat f’idejn San Ġużepp, hekk id-don tal-familja u l-post tagħha fil-pjan ta’ Alla hu fdat f’idejna. Bħal San Ġużepp. Id-don tal-Familja Mqaddsa ġie fdat f’idejn San Ġużepp biex ikompli jwettqu. F’idejn kull wieħed u waħda minnkom u minna – għax anki jien bin familja – qed jiġi fdat il-pjan ta’ Alla biex inwettquh. L-Anġlu tal-Mulej wera lil Ġużeppi l-perikli li kienu qed jheddu lil Ġesù u Marija, u hekk kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu u mbagħad imorru joqogħdu Nazareth. Propju hekk, fi żmienna, Alla jsejħilna biex nagħrfu x’inhuma l-perikli li qed jheddu l-familji tagħna u nħarsuhom mit-tiġrib.
 
Noqogħdu attenti għall-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi ġodda. Jeżistu kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li jfittxu kif ħa jeqirdu l-familja. Ma jitweldux mill-ħolm, mit-talb, mil-laqgħa ma’ Alla, mill-missjoni li jagħtina Alla, imma ġejjin minn barra u għalhekk ngħid li huma kolonizzazzjonijiet. Ejjew ma nitilfux il-libertà tal-missjoni li jagħtina Alla, il-missjoni tal-familja. U l-istess kif il-popli tagħna, f’mument ta’ l-istorja tagħhom, għad jaslu għall-maturità li jgħidu “le” għal kull għamla ta’ kolonizzazzjoni politika, bħala familja rridu nkunu għaqlin biżżejjed, għorrief biżżejjed, b’saħħitna biżżejjed biex ngħidu “le” lil kull tentattiv ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika tal-familja, u nitolbu lil San Ġużepp, li hu ħabib ta’ l-Anġlu, biex inebbaħna ħalli nkunu nafu meta għandna ngħidu “iva” u meta għandna ngħidu “le”.
 
It-toqol fuq il-ħajja tal-familja l-lum hu kbir. Hawn fil-Filippini, għadd kbir ta’ familji għadhom ibatu l-konsegwenzi tad-diżastri naturali. Is-sitwazzjoni ekonomika ġabet tkissir fil-familji bl-emigrazzjoni u t-tiftix tax-xogħol, barra li l-problemi finanzjarji qed jittormentaw lil ħafna minnhom. Waqt li wisq persuni qed jgħixu f’faqar estrem, oħrajn intrikbu mill-materjaliżmu u minn stili ta’ ħajja li jxejnu l-ħajja tal-familja u l-ħtiġijiet l-aktar fundamentali tal-morali Nisranija. Dawn huma l-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi. Il-familja hi wkoll mhedda mit-tentattivi ta’ xi wħud, dejjem jiżdiedu fl-għadd, li jagħtu definizzjoni ġdida ta’ l-istess istituzzjoni taż-żwieġ permezz tar-relattiviżmu, il-kultura ta’ dak li jgħaddi, nuqqas ta’ ftuħ għall-ħajja.
 
Jiġini f’moħħi l-Beatu Pawlu VI. Meta sab quddiemu l-problema taż-żieda demografika, kellu l-kuraġġ jiddefendi l-ftuħ għall-ħajja fil-familja. Hu kien jaf liema kienu d-diffikultajiet li kien hemm f’kull familja, u għalhekk fl-Enċiklika tiegħu wera sens kbir ta’ ħniena lejn il-każi partikulari, u talab lill-konfessuri biex juru ħniena kbira u li kapaċi tifhem f’dawn il-każi partikulari. Imma hu ħares iktar lil hemm minn hekk: ħares lejn il-ġnus tad-dinja, u lemaħ din it-theddida tat-tifrik tal-familja minħabba fin-nuqqas ta’ wlied. Pawlu VI kien kuraġġjuż, kien ragħaj tajjeb u widdeb lin-nagħaġ tiegħu mill-ilpup li kienu ġejjin. Mis-Sema fejn jinsab, nitolbuh iberikna l-lejla.
 
Id-dinja għandha bżonn ta’ familji tajbin u b’saħħithom biex tista’ tegħleb dan it-theddid! Il-Filippini għandhom bżonn ta’ familji qaddisa u mimlija mħabba li jħarsu l-ġmiel u l-verità tal-familja fil-pjan ta’ Alla u jkunu ta’ sostenn u eżempju għall-familji l-oħra. Kull theddida għall-familja hi theddida għas-soċjetà nfisha. Il-futur ta’ l-umanità, kif qal spiss San Ġwanni Pawlu II, jgħaddi permezz tal-familja (ara Familiaris consortio, 85). Il-futur jgħaddi permezz tal-familja. Mela, ħarsu lill-familji tagħkom! Ipproteġu lill-familji tagħkom! Araw fihom l-akbar teżor tan-nazzjon tagħkom u itimgħuhom dejjem bit-talb u l-grazzja tas-Sagramenti. Il-familji dejjem se jkollhom il-provi tagħhom, m’għandhomx bżonn iżżidulhom oħrajn! Min-naħa l-oħra, kunu eżempji ta’ mħabba, maħfra u attenzjoni. Kunu santwarji ta’ rispett lejn il-ħajja, xandru l-qdusija ta’ kull ħajja umana mit-tnissil sal-mewt naturali. X’rigal kbir kien ikun għas-soċjetà kieku kull familja Nisranija kellha tgħix b’mod sħiħ il-vokazzjoni nobbli tagħha! Mela, qumu ma’ Ġesù u Marija u kunu lesti li timxu t-triq li l-Mulej fassal għal kull wieħed u waħda minnkom.
 
Fl-aħħar, il-Vanġelu li smajna jfakkarna li d-dmir tagħna ta’ Nsara hu li nkunu ilħna profetiċi qalb il-komunitajiet tagħna. Ġużeppi sema’ leħen l-Anġlu tal-Mulej u straħ għas-sejħa li għamillu Alla biex jieħu ħsieb ta’ Ġesù u Marija. B’dan il-mod hu wettaq ir-rwol tiegħu fil-pjan ta’ Alla u sar barka mhux biss għall-Familja Mqaddsa, imma għall-bnedmin kollha. Ma’ Marija, Ġużeppi kien mudell għat-tfajjel Ġesù hu u jikber fl-għerf, fiż-żmien u fil-grazzja (ara Lq 2:52). Meta l-familji jġibu t-tfal fid-dinja, jedukawhom fil-fidi u l-valuri tajba u jgħallmuhom jagħtu sehemhom b’riżq il-ġid tas-soċjetà, isiru barka għad-dinja. Il-familji jistgħu jsiru barka għad-dinja! L-imħabba ta’ Alla ssir preżenti u attiva permezz tal-mod li bih aħna nħobbu u l-opri tajba li nwettqu. Hekk inkunu nxerrdu s-Saltna ta’ Kristu fid-dinja. Meta nagħmlu dan, inkunu fidili għall-missjoni profetika li rċivejna fil-Magħmudija.
 
Matul din is-sena, li l-Isqfijiet tagħkom sejħulha Sena tal-Foqra, nitlobkom, bħala familji, li tkunu partikularment attenti għas-sejħa tagħna li nkunu dixxipli missjunarji ta’ Ġesù. Dan ifisser li tkunu lesti li tmorru lil hemm mill-konfini ta’ djarkom u tieħdu ħsieb ta’ ħutkom l-iżjed fil-bżonn. Nitlobkom tinteressaw ruħkom speċjalment f’dawk li m’għandhomx familja tagħhom, b’mod partikulari fl-anzjani u t-tfal orfni. Tħalluhom qatt iħossuhom maqtugħin, waħidhom u mwarrba, imma għinuhom iħossu li Alla ma nsihomx. Il-lum ħassejtni mqanqal ħafna wara l-Quddiesa, meta żort din id-dar ta’ tfal waħidhom, bla familja. Kemm hemm nies fil-Knisja li qed jaħdmu biex din id-dar tkun familja! Dan ifisser li nkomplu nsaħħu, profetikament, is-sinifikat ta’ familja.
 
Jista’ jkun li intom stess foqra f’sens materjali, imma għandkom kotra ta’ doni x’toffru meta toffru lil Kristu u l-komunità tal-Knisja tiegħu. Taħbux il-fidi tagħkom, taħbux lil Ġesù, imma wassluh fid-dinja u offru x-xhieda tal-ħajja familjari tagħkom!
 
Għeżież ħbieb fi Kristu, kunu afu li jien dejjem nitlob għalikom! Nitlob għall-familja, dan nagħmlu!  Nitlob li l-Mulej jissokta jwettaq imħabbitkom għaliH, u li din l-imħabba tista’ tidher fl-imħabba li intom turu lejn xulxin u lejn il-Knisja. Tinsewx lil Ġesù li jorqod! Tinsewx lil San Ġużepp rieqed! Ġesù raqad għax imħares minn San Ġużepp. Tinsewx: il-mistrieħ tal-familja hu t-talb. Tinsewx titolbu għall-familja. Itolbu ta’ spiss u qassmu l-frott tat-talb tagħkom fid-dinja, biex kulħadd jista’ jsir jaf lil Ġesù Kristu u jagħraf l-imħabba ħanina tiegħu. Nitlobkom, “orqdu” anki għalija: itolbu anki għalija, tassew għandi bżonn tat-talb tagħkom u nserraħ dejjem fuqu. Grazzi ħafna!
 
 
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard