L-Għodwa t-tajba ħuti.

Ħija, il-Pastor  Giovanni,  beda billi tkellem dwar iċ-ċentru ta’ ħajjitna: noqogħdu fil-preżenza ta’ Ġesù.  Imbagħad qal  “nimxu” fil-preżenza ta’ Ġesù.  Dan kien l-ewwel kmandament li Alla ta lill-poplu tiegħu, lil missierna Abram:  “Mur, imxi fil-preżenza tiegħi u fittex li tkun bla ħtija”.  Imbagħad il-poplu mexa: xi drabi mexa fil-preżenza tal-Mulej, u  ħafna drabi oħra ma mexiex f’din il-preżenza. Għażel l-idoli, l-allat…. Iżda l-Mulej għandu  ħafna paċenzja.  Jieħu paċenzja bil-poplu li jimxi. Ma nistax nifhem nisrani  li jieqaf jimxi!  Ma nifhmux!  In-nisrani jeħtieġ li jimxi! Hemm insara li jimxu, imma ma jimxux fil-preżenza t’Alla: jeħtieġ nitolbu għal dawn ħutna. U anki għalina,  għax ikun hemm ċerti mumenti  meta ma nimxux fil-preżenza t’Alla, għax aħna lkoll midinbin, ilkoll kemm aħna! Jekk hawn xi ħadd li mhux midneb jgħolli idejh…. Nimxu fil-preżenza ta’ Ġesù.

Hemm insara  li ma jimxux, li jieqfu: dan mhux tajjeb, għax  min jieqaf, min ma jimxix, isir korrott.  Bħall-ilma li jkun qiegħed, l-ilma li ma jibqax ġieri;  dan ikun  l-ewwel ilma li jistagħġna…. Imbagħad hemm insara  li jħalltu l-mixi mal-“ġiri ‘l hawn u l’hinn”.  Dawn jiżbaljaw għax fil-ħajja tagħhom minflok jimxu,  jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn. Ikunu f’labirint u  jimirħu fih…. Tonqoshom il-parresia , il-ħeġġa biex jimxu ‘l quddiem; tonqoshom it-tama. L-insara bla tama jiġġerrew ‘l hawn u ‘l hinn  u ma jkunux kapaċi jimxu ‘l quddiem. Inkunu fiż-żgur biss meta nimxu fil-preżenza tal-Mulej Ġesù. Hu jdawwalna, Hu jagħtina l-Ispirtu tiegħu  biex nimxu fit-triq tas-sewwa.

Qed jiġi f’moħħi n-neputi ta’ Abram, Ġakobb.  Kien qed igħix ħajja trankwilla ma’ wliedu, meta  wasal żmien ta’ ġuħ; u hu qal lil ħdax uliedu, li għaxra minnhom kienu ħatja ta’ tradiment għax kienu biegħu lil ħuhom: “Morru l-Eġittu, imxu  sa hemmhekk biex tixtru l-qamħ, għax għandna l-flus imma  m’għandniex x’nieklu. Ħudu l-flus u mmorru  ixtru minn  fejn qed jgħidu li hemm il-qamħ”. Dawn bdew il-mixja tagħhom: flok sabu ikel sabu lil ħuhom. Tassew xi ħaġa mill-isbaħ!

Meta nimxu fil-preżenza t’Alla, naslu biex inkunu aħwa ta’ xulxin. Meta niefqu, meta  noqogħdu nħarsu wisq lejn xulxin, naslu fi triq oħra…… li hi tassew kerha! It-triq tas-seksik! U nibdew: “Imma  int ma tafx?”;  “Le, ma naf xejn dwarek. Naf dwar dak u dwar l-ieħor….”; “Jien ta’ Pawlu”; “Jien ta’ Apollo”; “Jien ta’ Pietru” …….Sa mill-bidunett hekk bdew il-firdiet fil-Knisja. Mhuwiex l-Ispirtu s-Santu li jġib il-firda!  Jagħmel xi ħaġa li  tixbaħha  ftit , imma mhijiex firda. Il-Mulej ma jagħmilx firda! Il-firda jġibha dak li jgħir, ir-re tal-għira, missier l-għira: dak li jiżra’ s-sikkrana, ix-xitan. Dan  dejjem jindiehes  mal-komunitajiet u jġib il-firdiet! Din it-tentazzjoni kienet hemm sa mill-bidunett,  kienet  fil-komunità nisranija sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu. “Jien ta’ dak”; “ Jien tal-ieħor”; “Jien il-Knisja, inti setta”….. B’hekk igawdi missier il-firda. U mhux il-Mulej Ġesù, li talab għall-għaqda ( Ġw 17); hu  talab għaliha!

X’jagħmel l-Ispirtu s-Santu?  Għidt li jagħmel xi ħaġ’oħra, li forsi nistgħu naħsbuha firda, imma  mhijiex firda. L-Ispirtu s-Santu joħloq fil-Knisja d-“diversità”.  L-ewwel Ittra lill-Korintin, Kap 12 – Hu joħloq id-diversità li hi tassew rikka u sabiħa! Imbagħad dan l-istess Spirtu s-Santu jagħmilna ħaġa waħda, u hekk il-Knisja hi waħda fid-diversità.  Nuża l-kelma sabiħa ta’ evanġeliku li  tant inħobb:  “diversità rikonċiljata” mill-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu   jagħmel żewġ affarijiet: jagħmel id-diversità tal-kariżmi u mbagħad jagħmel l-armonija tal-kariżmi.  Hu għalhekk li l-ewwel teoloġi tal-Knisja, l-ewwel missirijiet l-Knisja – qed nitkellem dwar it-III u IV seklu – kienu jgħidu: “L-Ispirtu s-Santu hu l-armonija”, għax hu jgħaqqad id-diversità b’mod l-aktar armonjuż.

 Aħna qegħdin fiż-żmien tal-globalizzazzjoni, u naħsbu  fuq  xinhi l-globalizzazzjoni u fuq kif ser tkun l-għaqda fil-Knisja: forsi naħsbu fuqha  bħal  sfera fejn id-distanzi bejn kull punt u ċ-ċentru huma kollha  ndaqs,  kollha  l-istess? Le! Din hi uniformità.   Nistgħu nsibu  xi figura oħra?  Ejjew naħsbu f’poliedru: il-poliedru hu ħaġa  waħda, imma  bil-partijiet kollha differenti minn xulxin, kull parti bil-fiżonomija partikulari tagħha, bil-kariżma tagħha. Din hi unità fid-diversità.  Din hi t-triq li fiha aħna l-insara nagħmlu dak li nsejħulu bl-isem teoloġiku ta’ ekumeniżmu: infittxu li din id-diversità tkun armonizzata mill-Ispirtu s-Santu u ssir unità; infittxu li nimxu fil-preżenza t’Alla biex inkunu bla ħtija,  infittxu li mmorru nsibu n-nutriment li għandna bżonn ħalli nsibu lil ħuna. Din hi l-mixja tagħna, din hi s-sbuħija nisranija tagħna!  Qed nirreferi għal dak li l-maħbub ħija qal fil-bidu.

Imbagħad  qal xi ħaġ’oħra, tkellem  dwar l-Inkarnazzjoni tal-Mulej. L-Appostlu Ġwanni hu ċar ħafna fi kliemu: “Kull min jiċħad li l-Verb sar bniedem, dan mhux minn Alla! Hu mix-xitan”. Dan mhux magħna; hu għadu!   Għax - ejjew ngħiduha bejnietna -   kien hemm  din l-ewwel ereżija li l-Appostlu kkundannaha:  kienu jgħidu li l-Verb ma kienx ġej mill-ġisem.  Le!  L-Inkarnazzjoni  tal-Verb hi xi ħaġa bażika:  Ġesù Kristu hu Alla u bniedem, Iben Alla u Bin il-Bniedem, veru Alla u veru bniedem.  Din il-ħaġa fehmuha l-ewwel insara u ssiltu għall-aħħar biex iżommu din il-verita’: il-Mulej hu Alla u bniedem; il-Mulej Ġesù hu Alla li sar bniedem. Dan hu l-misteru ta’ Kristu li ħa l-ġisem u sar bniedem: u jekk ma nifhmux dan il-misteru tal-Inkarnazzjoni, ma nifhmux l-imħabba għall-proxxmu,  l-imħabba għal ħuna. Inħobb lil ħija għax hu wkoll huwa Kristu; hu bħal Kristu, hu l-ġisem ta’ Kristu. Inħobb il-fqir, l-armla, l-ilsir, il-ħabsi….. Aħsbu ftit fuq “il-protokoll” li fuqu ser inkunu ġġudikati: Mattew Kap 25.  Inħobb lil dawn kollha, għax dawn li qed ibatu huma l-ġisem ta’ Kristu, u aħna li qed nimxu f’din it-triq tal-unità, jagħmlilna tajjeb immissuh dan il-ġisem ta’ Kristu. Tajjeb immorru fil-periferiji fejn hemm tant ħtiġijiet jew aħjar fejn hemm tant min hu fil-bżonn. Hemm ukoll min jeħtieġ lil Alla, hemm min hu bil-ġuħ – mhux għall-ħobż, mhux wisq għall-ħobż -  imma għal Alla. U tajjeb immorru hemmhekk biex inxandru din il-verità: Ġesù Kristu hu l-Mulej u hu jsalvak.  U dejjem immorru biex immissu dan il-ġisem ta’ Kristu! Ma nistgħux nippridkaw Vanġelu li hu purament intellettwali: il-Vanġelu hu verità imma hu wkoll imħabba u ġmiel! U dan hu l-ferħ tal-Vanġelu! Dan hu l-veru ferħ tal-Vanġelu!

F’din il-mixja, ħafna drabi  aħna għamilna l-istess ħaġa li għamlu ħut Ġużeppi meta  ħallew  l-għira u l-invidja tifridhom.  L-ewwel riedu joqtlu lil ħuhom, u Ruben irnexxilu jsalvah, imbagħad bejgħuh.   Ħija Giovanni  tkellem ukoll dwar dik l-istorja ta’ niket li fiha  xi wħud għexu l-Vanġelu bħala  verità u ma ndunawx li wara dik l-imġiba kien hemm affarijiet koroh, li ma  kienux tal-Mulej,  li kienu tentazzjoni kerha ta’ firda. F’dik l-istorja ta’ niket li fiha  seħħ  wkoll  dak li għamlu ħut Ġużeppi kien hemm l-akkuża li l-liġijiet ta’ dawn in-nies jgħidu: “mur kontra l-purezza tar-razza…..”  U dawn  kienu  liġijiet awtorizzati minn mgħammdin!  Xi wħud minn dawk li għamlu din il-liġi u xi wħud minn dawk li ppersegwitaw u akkużaw lil ħutna l-pentikostali għax kienu “entużjasti”, kważi “imġinen” u  qed jirvinaw r-razza, xi wħud minn dawn kienu kattoliċi…. Jiena r-ragħaj tal-kattoliċi: nitlobkom maħfra għal dan! Nitlobkom  maħfra għal dawn ħutna kattoliċi li ma fehmux u li x-xitan ittanthom u għamlu l-istess ħaġa li għamlu ħut Ġużeppi. Nitlob lill-Mulej jagħtina l-grazzja biex nagħrfu u  biex naħfru…. Grazzi!

Imbagħad ħuna  Giovanni qal xi ħaġa  li naqbel magħha totalment: il-verità hi laqgħa, laqgħa bejn persuni. Il-verità ma tissawwarx fil-laboratorju, imma tissawwar fil-ħajja meta wieħed ifittex lil Ġesù biex isibu. Imma l-isbaħ u  l-akbar misteru hu li meta nsibu lil Ġesù nindunaw li  Hu kien ġa qed ifittixna, li Hu sabna qabel ma sibnieh aħna, għax Hu jasal qabilna!  Bl-Ispanjol inħobb ngħid li l-Mulej “pimerea”. Hi kelma Spanjola: hu jasal qabilna u dejjem jistennina.  Hu dejjem ikun qabilna.  Isaija jew Ġeremija – miniex  ċert – jgħid li l-Mulej hu bħala fjura tas-siġra tal-lewż, li fir-rebbiegħa tkun l-ewwel waħda li tagħmel il-ward. U l-Mulej jistennina!  Hu Ġeremija? Iva!  Hu l-ewwel li jwarrad fir-rebbiegħa, dejjem hu l-ewwel!

Din hi laqgħa sabiħa. Hi laqgħa li timliena bil-ferħ, bl-entużjażmu.   Ejjew naħsbu  f’dik il-laqgħa tal-ewwel dixxipli, Andrija u Ġwanni; meta l-Battista qal: “Dan hu l-ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”. Huma marru wara Ġesù u baqgħu miegħu n-nofstanhar kollu. Meta telqu u marru lura d-dar ma qalux: “Smajna rabbi…..” Le!   Qalu: “Sibna l-Messija!” Kienu entużjasti.  Oħrajn daħku… Niftakru li kien hemm min qal: “X’tajjeb jista’ joħroġ minn Nażaret?”  Ma emmnux.  Imma  dawn iltaqgħu miegħu.  U dik il-laqgħa bidlithom; minn dik il-laqgħa ħareġ kollox. Din hi l-mixja tal-qdusija nisranija: kull ġurnata nfittxu lil Ġesù biex niltaqgħu miegħu u kull ġurnata nħallu lil Ġesù jfittixna u nħalluh jiltaqa’ magħna.

Aħna qed nagħmlu din il-mixja tal-għaqda fost l-aħwa. Xi ħadd  ser  jibqa’ skantat: “Il-Papa mar għand l-Evanġeliċi”.  Iva! Ġie jiltaqa’ mal-aħwa!  Għax  - biex ngħid is-sew  -  kienu huma l-ewwel li ġew jitaqgħu miegħi f’ Buenos Aires. Hawnhekk hawn xi ħadd li hu xhud ta’ dan: Jorge Himitian jista’ jirrakkonta l-istorja ta’ meta ġew, ta’ meta avviċinawni….. U hekk bdiet din il-ħbiberija, din il-viċinanza  bejn  ir-ragħajja ta’ Buenos Aires, u llum  qegħdin hawnhekk. Nirringrazzjakom ħafna. Nitlobkom titolbu għalija, għandi bżonn….. biex almenu ma nkunux ħażin wisq! Grazzi!   

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.